Joħloq grupp biex jesponi l-abilità u mhux id-diżabilità tal-persuna

Joħloq grupp biex jesponi l-abilità u mhux id-diżabilità tal-persuna

Nitkellmu ma’ JeanFred Agius

JeanFred, għidilna ftit dwarek. Min hu JeanFred Agius?

Jisimni JeanFred (jgħajtuli Jean), għandi 20 sena u qed nistudja l-psikoloġija l-Universita’ ta’ Malta. Xi passatempi tiegħi huma l-prattikar tal-”fitness” u l-arti. Xi għanijiet minn tiegħi huma li niggradwa bħala psikologu, li niġbed aktar attenzjoni fuq l-effett tad-diżabilità fuq is-saħħa mentali tal-persuna, u li naħdem biex il-persuni b’diżabilità jiġu preżentati minn lenti aktar pożittiva. L-aktar ħaġa li tagħtini sodisfazzjon hija li nara lil xi ħadd jagħraf u jsaħħaħ l-abilitajiet tiegħu/tagħha, biex illum ikun aħjar milli kien ilbieraħ.

Kif nibtet l-idea biex toħloq il-grupp DIS/ABILITY?

L-idea ta’ DIS/ABILITY nibtet għax ma kontx kuntent bil-mod kif il-persuni b’diżabilità kienu qed jiġu mpenġijin fuq il-midja. Dak iż-żmien, ħassejt li għandna tendenza li nitkellmu fuq il-persuni b’diżabilità wisq fil-kuntest tad-diżabilità tagħhom, u ftit li xejn fuq l-aspetti l-oħra li jagħmlu l-persuna min hu/hi.

Xtaqt noħloq pjattaforma li tagħti lill-persuni b’diżabilità l-opportunità li jaqsmu l-abilitajiet tagħhom ma’ ħaddieħor, bl-għan li jpinġu lilhom infushom b’mod aktar komplut. Fil-bidu kelli ħsieb li nagħmel sit elettroniku biex nilħaq dan il-għan. Però ngħatajt parir li grupp fuq Facebook ikun aħjar għax jippermetti li l-membri jaqsmu u jiddiskutu l-abilitajiet tagħhom ma’ ħaddieħor bl-inqas diffikultà.

X’rispons kellek s’issa? Kien dak li ħsibt jew xtaqt?

Kuntent bir-rispons lejn il-grupp, u l-membri qed jiżdiedu ġurnata b’ġurnata. Għall-bidu attività ma’ tantx kellna fil-grupp, probabbli minħabba li kien għadu ambjent ġdid u mhux kulħadd ħassu komdu jitkellem fuqu nnifsu. Però, aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar inħoss li qed jinbena sens ta’ komunità. Li xi ħadd iħossu komdu jaqsam magħna l-abilitajiet u esperjenzi tiegħu/tagħha timlina bil-kuraġġ. Irċevejt bosta pariri wkoll. Din hija xi ħaġa tajba ħafna għax tgħini nserraħ moħħi li leħen il-membri qed tiġi trażmessa fil-grupp.

X’miri tixtieq tilħaq permezz ta’ dan il-grupp?

Permezz ta’ dan il-grupp nixtieq nibbilanċja l-mod kif qed jiġu preżentati il-persuni b’diżabilità fuq il-midja. Xtaqt li n-nies jisimgħu mhux biss fuq dak li ma nistgħux nagħmlu, iżda wkoll fuq dak li nistgħu nagħmlu, u li bih nistgħu nikkontribwixxu fis-soċjetà. Xtaqt li l-poplu jiġi espost għal verżjoni aktar kompluta tal-persuni b’diżabilità.

Ridt nikkumbatti l-fatt li f’kull ħin u f’kull mument, is-soċjetà tfakkarna li għandna diżabilità. B’kuntrast jien nixtieq infakkar li għalkemm għandna diżabilità, għandna wkoll abilitajiet li jekk nagħrfuhom u nħaddmuhom xorta nistgħu nikkontribwixxu.

Liema mentalità li teżisti bħalissa qed taspira li permezz tal-grupp issir differenza għall-aħjar?

Mentalità li osservajt riċentament fil-grupp hija li persuna m’għandhiex turi l-abilitajiet tagħha lil ħaddieħor, għax ma’ tħosshiex speċjali. Din il-mentalità ma togħġobnix, għax timplika li trid tkun speċjali biex taqsam il-kapaċitajiet tiegħek ma’ ħaddieħor.

Fil-qofol tal-grupp hemm it-twemmin li kulħadd għandu xi ħaga x’joffri, abilitajiet ta’ kull qies u għamla. M’iniex qed infittex nies speċjali jew supereroj. Qed infittex nies li lesti li juru karatteristiċi u abilitajiet li jagħmluhom min huma.

Sfortunatament, hemm tendenza li n-nies jaraw id-diżabilità l-ewwel u qabel kollox, u din xi kultant tgħatti karatteristiċi oħra tal-persuna.

Din hija r-raġuni għalfejn qegħdin ninkoraġġixxu persuni b’diżabilità biex jiffukaw fuq l-abilitajiet tagħhom. Għax jekk ma nagħmluhiex aħna ħadd mhu se jagħmilha għalina.

Għaliex huwa importanti li fi grupp bħal ma tmexxi int, ma jkunx hemm biss persuni li jgħixu b’xi tip ta’ diżabilità?

Huwa importanti għaliex il-grupp xtaqtu jkun wieħed fejn l-abilitajiet tal-persuni b’diżabilità jinqasmu ma’ kulħadd, anke dawk li m’għandhomx diżabilità. Il-fatt li l-grupp miftuħ għal kulħadd ifisser li aktar nies se jkunu qegħdin jisimgħu l-vuċi diretta tal-persuni b’diżabilità.

Xtaqt ukoll li l-komunità tkun rappreżentazzjoni ta’ soċjetà inklużiva, li tinkludi kemm persuni b’diżabilità, kif ukoll dawk li m’għandhomx diżabilità.

Fl-aħħar mill-aħħar, ma xtaqtx nagħlaq il-grupp għall-persuni b’diżabilità biss, għax inkella nkompli nsaħħaħ l-idea ta’ “aħna” u “huma”.

Tħoss li għad hawn il-mentalità li persuni b’diżabilità jiġu mistennija li jitkellmu dwar suġġetti relatati ma’ diżabilità biss?

Iva, u sfortunatament din issaħħaħ l-opinjoni tiegħi li meta persuna tara persuna oħra li għandha diżabilità, taraha l-ewwel u qabel kollox mill-aspett tad-diżabilità. Din hija reazzjoni naturali, fejn l-ewwel ma nagħrfu f’persuna huwa dak li jagħmilha differenti jew unika.

Min-naħa waħda, jeħtieġ li ma nitkellmux fuq diżabilitá biss, għax inkella l-karatteristiċi u l-interessi oħra tagħna jinħbew wara d-diżabilità tagħna.

Min-naħa l-oħra, hija importanti li aħna nitkellmu fuq l-esperjenzi tagħna bħala persuni b’diżabilità (b’mod moderat). Jekk nitkellmu fuq l-esperjenzi u x-xewqat tagħna, tagħmilha aktar faċli biex persuni oħra jifhmuna. Meta nitkellmu, nesponu diversi problemi jew bżonnijiet, bħal aċċessibilità. Fil-fatt, jien inħossni li bħala persuna b’diżabilità għandi nsemma’ leħni u naħdem kemm nista’ biex kulħadd igawdi dinja aktar inklużiva.

Tħoss li l-inklużjoni qed tiġi verament ipprattikata kif suppost f’pajjiżna? Fejn tħoss li hemm bżonn isir aktar?

Naħseb li l-inklużjoni qed tiġi prattikata, però mhux f’kull qasam. Inħoss li l-aktar inklużjoni li tiġi prattikata hija l-inklużjoni fiżika (jiġifieri aċċessibilità eċċ). Però hawnhekk fadal ħafna x’jista’ jsir ukoll.

Jiena nemmen li l-inklużjoni tmur lil hinn minn dik fiżika biss. Nemmen li għandha tiġi prattikata fid-dinja soċjali ukoll. Li tipprattika l-inklużjoni ma tfissirx biss aċċessibilità. Tfisser ukoll li nagħrfu u nħaddmu l-abilitajiet ta’ kull persuna, u nagħtuhom l-opportunità biex jikkontribwixxu fis-soċjetà. Fi kliem ieħor, irridu naħdmu biex kull individwu b’diżabilità ikun ħolqa f’katina soċjali akbar.

Taħseb li xi drabi l-imġiba tal-persuna b’diżabilità nnifisha taffettwa l-mod ta’ kif is-soċjeta’ tħares lejha?

Xi ftit iva. Però li n-nies jagħmlu inferenzi mill-imġiba ta’ xi ħadd hija xi ħaga kompletament normali. Hija normali li meta tara xi ħaġa li ma’ tifhimx timla l-vojt waħdek.

Min-naħa waħda, jeħtieġ li l-persuni b’diżabilità joqgħodu attenti kif jippreżentaw lilhom infushom, biex nillimitaw dawn l-inferenzi. Għalhekk irridu nagħmlu ħilitna biex nippreżentaw lill-persuni b’diżabilità b’mod komplut.

Min-naħa l-oħra, li toqgħod attent kif tippreżenta lilek innifsek m’għandhiex tieħu post li tgħix ħajja komda u kuntenta.

Bħal ħafna affarijiet, nemmen li din hija kwistjoni ta’ bilanċ.

X’inhi lakbar ħolma tiegħek?

L-akbar ħolma tiegħi hija li nħalli xi forma ta’ impatt fuq ħaddieħor. Jekk ma’ jirnexxili nagħmel xejn f’ħajti, ikun biżżejjed li kont parti mill-ġlieda għal dinja aktar inklużiva.

Barra minn hekk, nixtieq li ‘l quddiem ma tkunx daqsekk diffiċli biex l-abilitajiet u l-potenzjal tal-persuni b’diżabilità jiġu rikonuxxuti. Dan sabiex il-persuni b’diżabilità ma’ jkunux biss preżenti fis-soċjetà, iżda kontributuri tagħha wkoll.

Il-persuni b’diżabilità għandhom ikunu ħolqa f’katina soċjali.

Insiru nafu aktar mill-qrib lil Patrick Vella u ibnu Liam f’Jum il-Missier

Insiru nafu aktar mill-qrib lil Patrick Vella u ibnu Liam f’Jum il-Missier

Nitkellmu ma’ Patrick u Liam Vella, żewġ uċuħ li żgur huma familjari magħkom is-segwaċi tagħna, iżda llum, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier se nsiru nafuhom aktar mill-qrib, partikolarment bħala missier u iben.

Patrick, x’tiftakar mill-mument li sirt taf li se tkun missier?

Kien żmien li kemm jien u kemm ommu Sarah, konna għaddejjin minn ħafna xogħol u proġetti artistiċi, u ngħidu l-verità żammejna din l-aħbar mistura sakemm ikun il-waqt opportun. Li jien fiċ-ċert huwa li kien ta’ biża’ għalija minħabba li ma kontx naf kif għandek tkun missier, Kont għaddej ukoll “gas down” fis-sensiela Simpatiċi, biss Liam ġab ħafna ferħ miegħu.

X’differenza għamel fil-ħajja tiegħek Liam? Kif tħoss li bidlek l-irwol ta’ missier?

Liam għamel ħafna differenza, tant hu hekk illi kien hu li ispirani biex nagħmel teatru għat-tfal dak iż-żmien, u Curtain Raiser saret kumpanija teatrali li bdiet tesperimenta bi produzzjonijiet għat-tfal bħala udjenza. Bħala rwol ta’ missier, ridt biss l-aħjar għalih, u xtaqt ħafna illi b’xi mod jibda japprezza minn età żgħira l-arti performattiva kif ukoll il-kultura siegħa lokali kif ukoll dik ‘il bogħod minn xtutna, nemmen ħafna li b’formazzjoni hekk, b’hekk it-tifel seta’ jkollu iktar imħabba lejn dawk ta’ madwaru kif ukoll lejh innifsu.

Liem mill-memorji ta’ meta Liam kien ħafna iżgħar, l-aktar li tgħożż? U għaliex?

Konna mmorru l-baħar, u fil-bidu Liam kellu ftit biża’ minnu, biss wasalna biex jegħleb dik il-biża’ u jgħum b’mod trankwill. Kont nieħu pjaċir narah jgħum u jieħu pjaċir. Meta kien żgħir kien iħobb jilgħab ħafna Wrestling u ovvjament jien kelli nkun l-opponent tiegħu… ma nafx għala imma ma kontx inħallih jirbaħ! Konna nidħku fl-aħħar mill-aħħar, imma kien jinħaraq!!!! Hemm ħafna memorji, biss diffiċli ssemihom kollha.

Liam, liema mill-memorji tat-tfulija li għandek mal-papà żgur li ma tinsa qatt? U għaliex?

L-iktar żmien li jibqa’ f’moħħi huwa meta kelli xi 8 snin u kien itella’ ħafna plays tat-tfal St James Cavalier, il-Belt, bħal shows ta’ Disney, u kont narahom kollha bir-rehearsals b’kollox. Il-play kienet tiġi performed kuljum matul il-ġimgħa u kont inkun hemm kuljum, tant li kont inkun naf il-kliem kollha bl-amment. Ta’ dik l-età kien żmien maġiku għalija li nara dawn il karattri kollha ħajjin…però kont nibża mil-lupu!

Kif tiddeskrivu r-relazzjoni ta’ bejnietkom illum?

Patrick: Nibqa’ dejjem missieru, però ma Liam għandi (u dejjem hekk kienet), relazzjoni ta’ żewġt iħbieb li jekk hemm bżonn naqsmu l-ħsibijiet tagħna flimkien. Però nemmen li qatt ma nvadejt il-privatezza tiegħu, għax nemmen li huwa żagħżugħ li tista’ tafda ( għalkemm mhux l-ewwel darba li għamel xi tgħaffiġa!!! ) Nitkellmu (straight) u hu jaf, li jien kritiku ħafna fejn tidħol id-dixxiplina artistika, biss dejjem tkun kostruttiva.

Liam, kif tiddeskrivi l-karattru tal-papà?

Il-papà huwa estrovert ħafna, vera bubbly u jħobb jiċċajta ma’ kulħadd. Jaf jagħmel ħbieb ma’ nies li qatt ma ltaqa’ magħhom qabel b’mod naturali. Ma jibżax jaqsam l-opinjoni tiegħu jew jgħid kif qed iħossu dwar xi sitwazzjoni. Huwa persuna avventuruż u kuraġġuż u jħobb jesplora affarijiet ġodda f’ħajtu.

Bħala missier, strett?

Illum il-ġurnata li għandi 21 sena ovvjament li mhuwiex l-istess bħal meta kont għadni ħafna iżgħar. Qatt ma kien missier strett però bil-patt u l-kundizzjoni li kont nuri mġiba tajba u rispett. Mhux se jħallini nagħmel li rrid bażikament, imma mhuwiex se jissikkani lanqas; kif jien ukoll nemmen li għandu jkun. Minn dejjem kellna dik ir-relazzjoni ta’ ħbiberija wkoll li ma ġġiegħlekx tħossok qisek qed tkellem għall-argument lil xi għalliem, però xorta ġenitur fl-aħħar mill-aħħar li jigwidani u jurini direzzjoni.

Meta kont iżgħar, kien hemm xi darba fejn għamilt xi praspura u ddejjaqt tgħidlu, imbagħad sar jaf biha wara?

Iva, l-iktar ħaġa riċenti li niftakar kien xi 5 snin ilu meta konna fuq cruise mediterran biex niffilmjaw episodju tal-Vjaġġatur, programm fuq it-TVM li kien jagħmel il-papà fejn idur jesplora d-dinja u jieħu lill-udjenza miegħu. Bażikament dak iż-żmien jien kont qiegħed l-ewwel sena tal-Junior College u sfortunatament kont għażilt xi suġġetti li ma kinux għoġbuni u lanqas ma kont inħossni kunfidenti fihom. Minħabba dan jien kont iddeċidejt li s-sena ta’ wara nbiddel is-suġġetti. Dan kien ifisser li s-sena ta’ wara kien ikolli nirrepeti s-sena b’suġġetti differenti, iżda jien iddeċidejt li minflok nagħmel sentejn, nagħmel sena u nagħti l-eżamijiet xorta bħala private candidate, biex qisni ma naħlix sena. Dan il-pjan kollu ma kellux idea bih il-papà u sar jaf fl-aħħar ġurnata tal-cruise fejn kien hemm daqsxejn ta’ “awkward silence”!

Patrick, kif tiddeskrivi l-karattru ta’ Liam?

Nibda billi ngħid li l-karattru ta’ Liam, huwa wieħed taz-zokkor, (charming), l-argumenti tiegħu fuq diversi suġġetti huma interessanti u għalkemm bħal kulħadd ma naqblux f’kollox, jirraġuna b’mod interessanti l-argumenti tiegħu. Jaf ikun kwiet, però jaf ukoll jieħu pjaċir ma’ sħabu. Ċajtier, speċjalment man-nanna “Rin”… allaħares nurikom iċ-chats tagħhom, taf kemm jaqbad magħha!!! Biss nerġa’ ngħid, il-karattru ta’ Liam huwa taz-zokkor.

Kif ikun il-ħin ta’ kwalità ideali għalikom?

Patrick: Fi żminijiet aħjar, inħoss in-nuqqas ta’ dawk il-holidays li konna nagħmlu flimkien. Kien vera żmien ta’ kwalità flimkien. Praspuri qatt ma naqsu, u żmien vera sabiħ ta’ “ Dad-Son moments”. Illum insegwi dak li qed jagħmel fl-istudji tiegħu, kif ukoll fil-karriera bikrija tiegħu, biss nerġa’ ngħid illi tal-aħħar nagħtih kemm jista’ jkun kritika kostruttiva.

Liam, fiex l-aktar li jispirak il-papà?

Il-papà ovvjament jispirani ħafna fl-arti, partikolarment fid-drama, però l-iżjed ħaġa li jispirani huwa l-fatt ta’ kemm hu kuraġġuż u estrovert. Jiena persuna introvert u kwiet u ma nħossnix kuraġġuż ħafna meta jiġu affarijiet ġodda, iżda meta nħares lejn il papà li naf li mhux minn dejjem kien dak li hu llum, inħoss ispirazzjoni biex noħroġ mill-‘comfort zone’ u nagħmel xi ħaġa li żgur ma kontx nagħmel kieku mhux għax sfurzajt.

Hemm xi ħaġa li tħoss li tixbaħ lil papà fiha?

Jien jgħiduli ħafna li litteralment nixbaħ lill-papà, minn wiċċu jiġifieri, però bħala persuna, apparti l-imħabba lejn l-arti, naħseb li għandna ideoloġiji simili, fejn inħarsu lejn oġġett jew sitwazzjoni minn lenti simili. Kif għidt qabel għandna karattri pjuttost opposti però dejjem jispirani biex inkun iżjed kuraġġuż u esplorattiv bħalu.

Patrick, x’hemm li ħadt mill-ġenituri tiegħek li tipprova tgħaddiha lil Liam?

L-onestà, li nemmen li t-tifel għandu diġà dik il-kwalità, kif ukoll nemmen li r-rispett lejn kull kultura huwa mhux biss importanti, imma kruċjali biex ngħixu lkoll flimkien mingħajr mibgħeda, għax hawn wisq diskriminazzjonijiet varji.

It-tnejn li intom għandkom passjoni lejn l-arti u r-reċtar, issibu ħin biex taqsmu l-ħsibijiet, u l-ideat relatati ma’ din il-passjoni?

Patrick: Meta jiġi l-argument nitkellmu mhux ftit fuq serje ġodda li qed joħorġu siegħa fuq Netflix, jew pjattaformi diġitali oħra, hemm dak li jogħġob lilu hemm dak li jogħġob lili, biss ninnota li iktar ma jikber, qiegħed ixaqqleb għal dak li jogħġob lili. Biss għalhekk il-baqra tinbiegħ kollha wara kollox. Ħdimna flimkien għalkemm mhux ħafna biss fejn stajt nesponih għal filming bħal xi short films, kif ukoll darba minnhom ġie miegħi biex naħdmu Il-Vjaġġatur u jara b’għajnejh li din mhux xi btala, imma xogħol iebes ta’ kuljum… Liam ħadem ukoll ma’ Curtain Raiser f’diversi okkażjonijiet u nemmen li din l-esperjenza għenitu biex joħroġ minn qoxortu.

Liam: Inħobbu nitkellmu fuq films u serje kemm ġodda u kemm antiki fejn naraw li huma ta’ kwalità tajba ħafna u niddiskutu għalfejn, però niddiskutu wkoll xogħlijiet li nagħmlu aħna. Kif qal ukoll il-papà jien mort miegħu darba biex naħdmu fuq il-Vjaġġatur u nista’ ngħid li hemmhekk tgħallimt ħafna u tkellimna ħafna fuq dan il-qasam.

Liam, tħoss li l-fatt li kemm il-mamà kif ukoll il-papà huma f’dan il-qasam rawwem fik l-imħabba lejn ir-reċtar?

Bla dubju minn età żgħira jien kont espost lejn l-arti tad-drama u reċtar billi nħares lejhom. Għalkemm xorta nemmen li din l-arti kienet togħġobni xorta anke kieku ma kontx espost lejh minn età żgħira, il-passjoni tagħhom, mingħajr caħda, mexxietni f’dik id-direzzjoni fejn sibtu bhala passjoni għalija wkoll.

Patrick, x’parir tagħti lil Liam ladarba jagħżel li jkompli jevolvi f’dan il-qasam?

Ha nkun konċiż – Ibqa’ dejjem saqajk mal-art, “You’re as good as your last performance”

Fuq xiex targumentaw l-aktar?

Patrick: Sinċerament, anzi bl-akbar sinċerità, ma nargumentawx…..(niddiskutu l-iktar)…

Patrick, fuq xiex l-aktar li Liam jagħmlek tant kburi bih?

Dejjem tard!! oops sorry qrajt ħażin… Jien kburi b’Liam, għax HU LIAM… ma jimxix mall-folla, jekk għandu opinjoni tiegħu, iżommha… u ma jdurx bħal pinnnur jekk jemmen li dak li qed jgħid huwa minnu.

Għandkom xi praspura li għamiltu flimkien jew li kontu involuti fiha intom it-tnejn li tistgħu tirrakkontawlna?

Patrick: Mela, iva hemm waħda.. bażikament Liam kellu 17-il sena, u meta konna fuq cruise flimkien mhux suppost daħal miegħi ġewwa d-diskoteka, peress li kien għadu m’għalaqx 18… nimmaġina li l-idea li ma jidħlux taħt it-tmintax kienet minħabba li kien hemm l- alkoħol, biss aħna sgiċċajna u dħalna sa kemm qabduna!! Għamilt naqra xena, biex forsi jħalluna nibqgħu hemm, imma konna se nispiċċaw mqandla mill-bouncers tad-diskoteka!! 😀 Kull ma ridna huwa li niżfnu, u nidħku daħqa flimkien… xejn aktar…

Liam: Iva u niftakar li l-iktar ħaġa li kienet irrabjatu li konna rajna tfal ta’ età żgħira ħafna, ħafna 7 jew 8 u kienu qiegħdin f’dan in-nightclub u ma qalulhom xejn.

Kemm huwa importanti l-fatt li l-ġenituri jibqgħu t-tnejn li huma preżenti fil-ħajja ta’ wliedhom, jiġri x’jiġri u f’kull ċirkostanza?

Mhux sigriet li jien u ommu ma konniex flimkien mindu Liam kien għadu żgħir ħafna, biss Liam, dejjem sabna t-tnejn li aħna “NO MATTER WHAT”. Jien u Sarah, ħbieb, anzi nazzarda ngħid li ħbieb li mhux l-ewwel darba li tkellimna fuq kollox flimkien, kont hemm anke għat-tieġ tagħha… Liam dejjem kien prijorità.

Liam, x’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan mill-perspettiva ta’ iben?

Personalment nemmen li l-ġenituri għandhom ikunu ħbieb ma’ wliedhom imma, speċjalment ta’ eta’ żgħira, ikunu ġenituri u gwardjani l-ewwel. Huwa importanti li tfal żgħar tgħallimhom kif għandhom iġibu ruħhom biex tippreparahom għal meta jikbru u jkunu responsabbli għalihom infushom. Iżda dan ma jfissirx li ma tistax tkun ħbieb magħhom ukoll. Naħseb li l-preżenza tat-tnejn li huma hija importanti fil-ħajja tat-tfal u nħossni kuntent li dejjem sibt lit-tnejn li huma meta kelli bzonn.

X’inhu għaddej bħalissa f’ħajjitkom? Hemm xi proġetti ippjanati għall-futur qarib?

Patrick: Fil-każ tiegħi, il-pandemija kissritni fuq ħafna livelli, ħafna mix-xogħlijiet waqfu, ikkanċellajt shows siegħa internazzjonali kif ukoll lokali… Kelli nċedi wkoll anke Curtain Raiser, u llum qed nagħmel affarijiet żgħar ħafna sakemm tgħaddi din l-imbierka pandemija. Hemm xi ħsibijiet għal quddiem biss xejn mhu ċert minħabba l-inċertezza kif ukoll restrizzjonijiet fuq avvenimenti. Biss ħadt pjaċir nagħmel proġett ma’ studenti tat-tieni sena ta’ Free Spirit, fejn għamilna Docudrama fuq il-pandemija li nażżarda ngħid li ħareġ tajjeb ħafna u suppost il-quddiem għandu jkun aċċessibbli għall-pubbliku.

Liam: Bħalissa, għalkemm m’iniex qed naħdem fuq xejn ġdid, speċjalment bl-istress tal-aħħar sena tal-Masters tiegħi, għaddej Nostalġija fuq it-TVM kull nhar ta’ Tnejn filgħaxija li qed nieħu sehem fih.

Patrick, x’messaġġ tgħaddi lil Liam?

Fid-dinja, xejn mhu faċli, u kollox ward u żahar teżisti biss fil-ħrejjef. Taqta’ qalbek qatt. Taf minn xiex għaddejt m’ilux, biss ftakar li m’intiex waħdek… aħna qiegħdin hemm għalik!

Liam, x’messaġġ tgħaddi lill-papà għal Jum il-Missier?

Jalla jkollu dak kollu li tixtieq qalbu u nawguralu Jum il-Missier mill-isbaħ u nħobbu b’qalbi kollha. Ħaqqu dak kollu li jixtieq fid-dinja għaliex huwa raġel mill-aħjar!

“Valentina hija ħajjitna” – Karl u Dorianne Azzopardi dwar it-tifla adottiva tagħhom

“Valentina hija ħajjitna” – Karl u Dorianne Azzopardi dwar it-tifla adottiva tagħhom

Illum se nitkellmu mal-koppja Karl u Dorianne Azzopardi dwar l-esperjenza li għaddew minnha mill-mument li ddeċidew li jadottaw u x’differenza għamlet f’ħajjithom Valentina, it-tifla adottiva tagħhom li f’Lulju li ġej tagħlaq 4 snin.

Karl u Dorianne… għidulna ftit dwarkom..

It-tnejn ġejjin minn familji modesti, li jħaddnu l-prinċipji tal-ħajja, fuq kollox is-sagrifiċċji tal-ġenituri lejn il-bżonn tal-familja.

Ilna nafu lil xulxin ‘il fuq minn 30 sena, din is-sena nagħlqu 24 sena miżżewġin. Is-sigriet tar-relazzjoni hi sempliċi, relazzjoni bbażata fuq imħabba sinċiera, l-importanza tal-kommunikazzjoni bejn il-koppja, ħin ta’ kwalità u t-toleranza.

Kif wasaltu għad-deċiżjoni li tadottaw?

Aħna nemmnu ħafna bid-destin…..iżżewwiġna relattivament żgħar meta tikkumpara maż-żminijiet tal-lum u mingħajr kundizzjonijiet wara żmien ta’ għerusija fejn sirna nafu lil xulxin pass wara pass.

Bejn ix-xogħol u l-ħajja ta’ koppja normali, qatt ma konna koppja li noqogħdu nippjanaw meta rridu t-tfal, għax konna dejjem nemmnu li dan għandu jseħħ naturali. Iż-żmien beda għaddej u wasalna f’punt fejn ħassejna li nħarsu lejn din l-alternattiva….. alternattiva hekk sabiħa u li kien hemm qbil reċiproku. Ħadd ma sforza lil ħadd.

Kemm dam għaddej il-proċess sakemm ingħatajtu l-konferma li tistgħu tadottaw?

Madwar 16-il xahar minn meta ddeċidejna li mmorru għall-programm li jwassal għall-adozzjoni.

X’tiftakru mill-mument li sirtu tafu li kontu se ssiru l-ġenituri adottivi ta’ Valentina?

Ma tantx hemm kliem li tista tiddeskrivi dak il-mument hekk sabiħ….meta niftakru għadna nġorru dik l-emozzjoni sabiħa ferm sal-lum….

Il-proċess jinqasam fi tlett fażijiet. Fil-bidu tal-aħħar fażi, hemm dik li tissejjaħ ‘matching process’ u dan jiskattah l-aġenzija li l-koppja li tkun għażlet li tkompli l-proċess. L-aġenzija tibgħat profil u dettalji tat-tifel jew tifla li tkun ġiet matched mal-koppja, u l-koppja tkun trid tikkunsidra dan u tagħti risposta jekk tridx tkompli l-proċess fuq dan it-tifel jew tifla…fil-każ tagħna Valentina.

Niftakru li kien il-Ħadd filgħaxija, jien kont fis-sitting room u Dorianne kienet fil-kċina……irċevejna sms notification u e-mail f’dan ir rigward mill-aġenzija.

Ftehmna li naraw id-dettalji separatament, u li ‘nittestjaw’ dak li nħossu individwalment……..u li nkunu onesti mall-ewwel……… nista’ ngħid li fi ftit ħin, it-tnejn konna pożittivi u ħassejna ferħ kif ukoll dik ix xi ħaġa minn ġewwa li qed tgħidilna biex immexxu b’dik it-tifla tagħna u li rridu nkomplu din il-mixja flimkien!!

Kemm għadda żmien sakemm wasal il-waqt li tmorru għaliha? U x’kien jinvolvi l-proċess?

Il-matching seħħ għall-ħabta ta’ Diċembru u morna għal Valentina f’Ġunju – madwar sitt xhur. Il-proċess mhux faċli għax maqsum fi tlett fażijiet b’kollox.

L-ewwel fażi tinvolvi kors mal-appoġġ li bih il-koppja minbarra li taċċerta ruħha fuq dan il-pass tkun qed titgħallem x’inhu l-proċess tal-adozzjoni, qisu risk assessment fejn wieħed jiġi espost kemm għal dak li hu tajjeb kif ukoll għal dak li jista’ jkun iebes u diffiċli, ir-realtà.

It-tieni fażi tieħu forma aktar formali fejn il-koppja tgħaddi minn forma ta’ due diligence li jinkludi fost affarijiet oħra ‘home study’ report kif ukoll aspetti relatati mas-saħħa u l-qagħda ekonomika tal-koppja eċċ. Il-koppja finalment tkun soġġetta għal test ma’ psikologa professjonali wkoll.

It-tielet u l-aħħar fażi hi l-iktar iebsa għax tinvolvi dak il-matching process li hu żmien ta’ stennija, iżda wara l-matching jibda naħseb dak li hu l-aktar iebes ….. proċess legali li jieħu xhur u li waqtu kollox jista’ jiġri peress li jista’ jkun hemm ‘second thought’ mill-omm naturali kif ukoll il-koppja ma jkollhiex kontroll ta’ kemm se jdum il-proċess.

Fil-każ tagħna l-proċess dam bejn 5 u 6 xhur li waqthom tkun qed issegwi b’limitazzjoni t-tifla kif qed tikber fil-home u fl-istess ħin is-seduti tal-qorti jkunu qed jiġu aġġornati …….fl-aħħar però wasal il-mument biex immorru għax kienet waslet l-aħħar seduta u l-‘judge’ talab li l-ġenituri adottivi potenzjali jkunu preżenti fiżikament għall-aħħar seduta….. ferħ u ansjetà fl-istess ħin….. Valentina kienet matched magħna meta kellha bejn 2 to 3 months u meta morna għaliha kienet 9 to 10 months……

L-Aġenzija Tama kienet ta’ appoġġ kbir tul il-proċess kollu speċjalment meta morna għal Valentina…. Pajjiż li ma tantx tkun taf fuqu aktar u aktar tkun ġo post kemm xejn rimot….…qtajna one way għax ma tkunx taf eżatt l-eżittu kif ukoll hemm ħafna dokumentazzjoni fosthom passaport u visa la darba kollox ikun sew u tkun trid tiġi lura….

Aħna qattajna madwar sitt/seba’ ġimgħat hemmhekk però kienet esperjenza sabiħa għax tkun qed tibda tibbondja mat-tifla….

Kien hemm drabi li kellkom dubji jew biżgħat li ma kienx se jirnexxilkom taslu għal dak li xtaqtu?

Bħal kwalunkwe ħaġa fil-ħajja però speċjalment fil-proċess ta’ adozzjoni, kien hemm ansjetà kif ukoll dawk il-mumenti ta’ biża’….speċjalment meta tkun qed issegwi l-proċess day by day, qiegħdin ‘il bogħod u ma tantx tista’ tagħmel wisq ħlief tistenna…

X’tiftakru mill-mument li finalment mortu għal Valentina?

Determinazzjoni kbira, ħsibijiet u sa ċertu punt ‘stress’ li sejjer pajjiż daqshekk ‘il bogħod u ma tafx jekk hux se tiġi lura biż-żgħira jew le……però kemm jien u kemm Dorianne kellna dik il-paċi u serenità kif ukoll determinazzjoni li ndumu kemm hemm bżonn u niġu lura b’Valentina.

Matul dan kollu, sibtu s-sapport u l-għajnuna li kellkom bżonn?

Ħafna, familja, ħbieb, mill-Appoġġ, li l-ewwel u t-tieni fażi jsiru magħhom però ma nistgħux ma nsemmux l-Aġenzija TAMA speċjalment lil Debbie u Shirley…dawn it-tnejn marru lil hinn mill-ħin u d-dedikazzjoni li jagħtu.

Xi tfisser għalikom it-tifla tagħkom Valentina? U x’differenza għamlet f’ħajjitkom?

Ħajjitna. Imħabba reċiproka u motivazzjoni.

Qalbitilna ħajjitna ta’ taħt fuq, fil-pożittiv ovvjament. Ma nistgħux nimmaġinaw ħajjitna mingħajrha!! Nirringrazzjawha talli aċċettatna…

Kif tqassmu r-responsabilitajiet tagħkom bħala ġenituri? Kif tkun ġurnata tipika tagħkom?

Ix-xogħol tiegħi jirrkjedi ħinijiet twal għalhekk Dorianne avolja taħdem part time, tqatta’ ħafna mill-ħin għat-trobbija ta’ Valentina. Nippruvaw irrabbuha f’ambjent ta’ familja tradizzjonali. Ovvjament Dorianne bħala l-omm tradizjonali tqatta’ aktar ħin magħha. Però, jien nipprova nagħmel il-parti tiegħi ukoll speċjalment fil-weekend meta nitfi l-iswitch u nqatta’ ħafna mill-ħin ma’ Valentina u Dorianne……insibu bilanċ.

Beħsiebkom tkellmu lil Valentina dwar il-ħajja li kellha f’pajjiżha la darba tikber? X’inhuma l-ħsibijiet tagħkom dwar dan?

Fuq dan is-suġġett kien hemm qbil minn qabel bdejna l-proċess, aħna ħa nkunu open ma’ Valentina, pass wara pass……naħsbu li billi nkunu onesti magħha mill-ewwel għax meta tikber żgur tkun hi li tapprezza dan il-proċess kif ukoll dik hi l-verità, allura aħna mrobbijin li nkunu onesti ma’ xulxin, prinċipju li nħaddnu ta’ kuljum.

Bħala ġenituri, x’inhuma x-xewqat tagħkom għal Valentina?

Li jkollha trobbija normali, saħħa, imħabba u edukazzjoni tajba….li tikber kuntenta u li jkollha l-kwalitajiet biex issir indipendenti u tapprezza l-ħajja bħall-ġenituri adottivi tagħha…nisperaw ukoll li d-dinja ta’ għada tkun tista’ tippermetti dawn l-aspetti b’mod aħjar.

X’messaġġ tgħaddu lil dawk kollha li jixtiequ jagħmlu dan il-pass f’ħajjithom?

Għal dawk kollha li forsi bħalissa qed jikkunsidraw dan il-pass, ngħidulhom biex jagħmlu kuraġġ u jħarsu ‘l quddiem b’mod pożittiv. Ma jgħaġġlux għax il-pass hu kbir speċjalment għal koppji li forsi m’għandhomx jew s’issa ma kellhomx ulied naturali. Tridu tkunu preparati għal tibdil fir-rutina, u lesti għas-sagrifiċċji li jġib miegħu t-tkabbir tal-familja..

Però, serħu raskom li finalment hemm l-akbar sodisfazzjon li l-ħajja tista’ tagħtik speċjalment meta tara mħabba reċiproka kif ukoll l-iżvilupp tal-persuna tal-persuna miexja ‘l quddiem.

Kemm hi ħaġa sabiħa meta minn età daqshekk żgħira Valentina tgħajjatlek papà u mamà……emozzjoni li ma’ tistax tiddeskriviha….

Enable Notifications OK No thanks