Select Page
“Jekk xi ħadd jitpastaż, tagħmilx reazzjoni għax dak li jkunu qed jistennew.” – Tanja Cilia

“Jekk xi ħadd jitpastaż, tagħmilx reazzjoni għax dak li jkunu qed jistennew.” – Tanja Cilia

Qatt ma qbilt mal-espressjoni Sticks and stones may break my bones, but words will never hurt me.

Il-kliem għandhom il-qawwa li jinfdu l-qlub iżjed minn xabla, u l-ġerħa li jagħmlu għandha mnejn tibqa’ ttik fastidju tul is-snin.

Mhux dejjem faċli li “tħallih jgħid” lil dak li jkun – allavolja n-Nanna tgħidlek li s-skiet l-aqwa risposta. Kultant, tħossok se tifga jekk ma tirrispondix lil xi ħadd li tpastaż, jew miegħek jew ma’ ħaddiehor.

L-importanti hu li ma taqax fil-baxx, u ma taqlax ġlied, u li fuq kollox iżżomm id-dinjità tiegħek. Hawn nofs tużżana punti x’tiftakar:

  • Dejjem jgħidulek biex tgħodd sal-għaxra… u kultant, min jgħid xi ħaġa kattiva, ikun għeb sakemm tqis li ħadt nifsijiet ‘il ġewwa biżżejjed biex twieġbu. Imma jekk ikun għadu hemm, int tkun inġbart fi ħsibijietek, u r-risposta tkun mejqusa. Meta tirrispondi mill-ewwel, kapaċi tiżloq fin-niexef. U biex dejjem insemmu lin-nanna, din kienet tgħid li kelma li toħroġ mis-sinna timla dinja.
  • Kun oġġettiv. Żomm mas-suġġett. Taqlax ħama. Tkellem fuq li qed jiġri issa, mhux x’mingħalik li se jiġri għada, jew x’ġara ħames snin ilu “għax int dejjem hekk…”, anki jekk min qallek xi ħaġa dejjem ikun antagonistiku lejk, is-soltu.
  • M’għandekx għalfejn tipprova tivvalida ruħek u ġġib eżempji biex turi kemm inti sinċiera / onesta / intelliġenti / tal-affari tiegħek / edukata. Wara kollox, l-opinjoni ta’ ħaddieħor mhix il-verità. Biżżejjed tgħid “Jien ma naħsibhiex bħalek.” U ieqaf hemm.
  • Is-soltu jgħidulek “tkunx ċassa!”, imma jien qed ngħidlek il-kontra. Iċċassa lejn dak li jkun, qisek ma smajtux, jew almenu, ma fhimtux. Trid tirreżisti t-tentatazzjoni li titkerraħ jew tgħajjeb lil dak li jkun, biex turih li kliemu ma kellhom ebda effett fuqek.
  • Taċċettax li xi ħadd ikun pastaż dwar ħaddieħor meta jkun hemm int. Dan jagħtih x’jaħseb li jista’ jkun pastaż dwarek meta twarrab. Taħlix bżieq; għid li int ma taċċettax dawn l-affarijiet, għax għandek biex tehda. Illimita l-interazzjoni tiegħek ma’ dawn in-nies.
  • Tistħix. Hawn, ovvjament, mhux se nirrepeti x’kienet tgħid in-nanna dwar il-mistħija; imma kun af li meta int turi li m’hemmx kunfidenzi miegħek, jonqsu d-drabi li xi ħadd ikun pastaż miegħek. Immaġina li għandek barriera madwarek, u ħadd ma jista’ jinfidha, ħlief dawk li għandek il-pjaċir bihom int.

Jekk dak li qed jitpastaż ikun bir-ragħwa f’ħalqu, ftakar li dawn in-nies huma ta’ min jitħassarhom – ħajjithom vojta, jitmasħnu fuq ix-xejn għax iħobbu jidhru, u jsibu żvog billi jippruvaw jumiljaw lil ħaddieħor, għax tagħhom biss tajjeb.

Kif tista’ titkellem ma’ ta’ madwarek dwar il-Fibromyalgia?

Kif tista’ titkellem ma’ ta’ madwarek dwar il-Fibromyalgia?

Mejju huwa x-xahar iddedikat għall-kundizzjoni tal-fibromyalgia, fost xi kundizzjonijiet oħrajn. Għalhekk fix-xahar ta’ Mejju jkun hawn ħafna awareness u nies jitkellmu dwarha biex nedukaw u nitgħallmu minn xulxin. Dan iservi ta’ ħafna ġid għar-raġuni li tgħinna nibdew nifhmu u nagħrfu x’jista’ jfisser kif din il-kundizzjoni taffettwa l-ħajja ta’ dak li jkun.

Però, sfortunatament, wara li jgħaddi x-xahar ta’ Mejju jaf ninsew il-kundizzjoni. Dan għaliex ma tkunx mitkellma daqshekk fuq il-midja, però dan ma jfissirx li l-isfidi tagħha marru ma’ Mejju imma jkunu għadhom hemm.

Bħalma ġieli ktibt, importanti ħafna li niftakru fit-tbatija li taf iġġib magħha u s’issa tkellimna kif l-istress jista’ jaffettwa l-kundizzjoni u anke l-frustrazzjoni li tista’ ġġib magħha. Mir-riċerka u l-esperjenza ta’ ħidma f’dan il-qasam naqra u nisma’ ħafna dwar kif kultant tkun diffiċli tikkomunika ma’ tal-familja, qraba u ħbieb dwar din il-kundizzjoni u llum nixtieq nitkellem proprju dwar dan.

Ovvjament dejjem irridu nżommu f’moħħna li kulħadd jifhem l-affarijiet b’modi differenti. Però r-riċerka turi li meta tkun trid titkellem dwar din il-kundizzjoni, jekk tieħu dawn il-passi jafu jkunu ta’ għajnuna.

L-ewwel suġġeriment hu li tistaqsi lil dak li jkun x’jaf dwar il-fibromyalgia. Dan jista’ jgħinek tifhem aktar x’jafu u x’ma jafux ħalli tkun taf minn fejn għandek tibda. Qatt tassumi li ma jafu xejn jew jafu kollox għax kulħadd differenti. Staqsihom x’jafu dwarha u jekk jixtiqux jitgħallmu aktar għax jaf dak il-ħin m’għandhomx moħħ jew għajjenin.

Jekk jgħidulek iva, tista’ tibda billi toffrilhom li jaqraw artikli li jkollhom informazzjoni korretta dwar x’inhi l-kundizzjoni u l-effett tagħha. Tista’ tagħtihom eżempji ta’ nies famużi li għandhom din il-kundizzjoni bħal Lady Gaga jew Morgan Freeman. Billi turihom dawn l-eżempji, tkun qed tgħinhom jaraw il-kundizzjoni minn perspettiva oħra.

Wara li turihom materjal ta’ vidjows jew artikli tista’ tiċċekkja għandhomx mistoqsijiet li jixtiequ jsaqsuk. Jaf l-informazzjoni twassal għal ċertu domandi li tkun tista’ tweġibhom inti, jekk le jeżistu professjonisti oħra li jkunu jistgħu jgħinukom tagħmlu sens ta’ din l-esperjenza speċjalment jekk ikunu l-ġenituri jew il-partner.

Suġġeriment ieħor hu li tispjegalhom xi trattamenti differenti jeżistu għall- fibromyalgia u x’jgħin lilek tħossok aħjar. Tista’ wkoll tispjegalhom bil-mod xi jdejqek jew jagħmillek l-uġigħ agħar biex huma jkunu jafu kif taffettwa lilek, għax ovvjament l-esperjenza tiegħek ser tkun differenti minn dik tal-artikli.

Dawn huma ftit suġġerimenti li jistgħu jgħinuk tiffaċilita l-komunikazzjoni ma’ xi ħadd dwar il-fibromyalgia biex tkun tista’ titkellem dwarha b’mod ċar.

Enable Notifications    OK No thanks