Select Page
“Tħallu lil ħadd iwaqqafkom jew jgħidilkom li m’intomx tajbin biżżejjed.” – Lenies Pace

“Tħallu lil ħadd iwaqqafkom jew jgħidilkom li m’intomx tajbin biżżejjed.” – Lenies Pace

Nitkellmu ma’ Lenies Pace

Min hi  verament  Lenies Pace?

Jisimni  Lenies Pace, noqgħod is-Siġġiewi u għandi 25 sena, xahar ieħor nidħlu għas-26. Naħdem bħala analista ġewwa bank Malti. Miżżewġa lil raġel fitt! U għandi tifel imqareb jismu Noah. Bħala passatempi nħobb ħafna nsajjar, naħseb fil-verità iktar milli passatemp narah bħala xi ħaġa ta’ rilassament wara ġurnata xogħol. Nobgħod ħafna nitwi l-ħwejjeġ… kieku jkun hemm magna li titwi l-ħwejjeġ inkun minn tal-ewwel li nixtriha!

X’ispirak jew min ispirak biex tibda l-karriera tad-drama? Apparti minn hekk, kont tipprattika affarijiet oħra meta kont iżgħar?

Id-drama minn dejjem kont inħobbha, minn mindu kont żgħira kont insegwi sensiliet Maltin bħal Simpatiċi u Gizelle fost l-oħrajn u dejjem kont ngħid li xi darba għad nispiċċa bħalhom. Meta kont żgħira ommi xtaqitni nsir kantanta u kienet teħodni ħafna lezzjonijiet tal-kant, apparti minn hekk kont immur iż-żfin u pjanu. Ironikament l-inqas li ffukatli fuqu (id-drama) kien l-iktar li ħassejt ġibda lejh u l-iktar li ħdimt fuqu.

Kemm hu diffiċli li żżomm il-karriera tad-drama tiegħek filwaqt li jkollok it-tfal żgħar?

Jien bħala Lenies inħossha diffiċli għax onestament inħossni qed nisraq il-ħin li jkolli ma’ ibni meta mmur il-filming. Għandi raġel jagħtini sapport kontinwu, ommi, u l-kunjata l-istess. Però kif għidt qabel, inħossni li qed nitlef ħin prezzjuż, u spiċċajt naqqast il-ħin tal-karriera biex ingawdi aktar il-familja.

X’inhi l-ħolma ta’ Lenies fejn tidħol drama?

Ara fil-ħajja taf kemm taf qatt mhu biżżejjed. Il-ħolma tiegħi hi li nkompli nitgħallem u niskopri iktar fuq id-dinja tad-drama, u li ntejjeb ir-reċtar tiegħi.

Fejn ser inkunu qed naraw lil Lenies mill-iskeda l-ġdida?

Fl-iskeda li jmiss ħa nkun qed nieħu sehem f’serje rinomata magħkom it-telespettaturi li għandha tibda f’Diċembru. Iċ-Ċaqqufa.

Sezzjoni Vi jew Va

Serje jew Film – Serje

Ktieb jew e-Book – Ktieb

Sajf jew Xitwa – Sajf

Filgħodu jew Filgħaxija – filgħodu

Kelb jew Qattus – Kelb

Iċċempel jew Tibgħat messaġġ – Inċempel

Instagram jew Facebook – Facebook

Tonfoq jew Tfaddal – Nixtieq nista’ nfaddal imma nonfoq inħobb, bil-flus tar-raġel speċjalment!

Torqod fuq ix-xellug jew fuq il-lemin tas-sodda – Xellug

Te jew Kafè – Te

Iced Coffee jew kafè jaħraq – Iced coffee caramel

Pizza jew Burger – Ma nistax nagħżel! Diffiċli wisq.

Għaddi messaġġ lill-udjenza ta’ Skoperta.

Ikun xi jkun li tridu tagħmlu tħallu lil ħadd iwaqqafkom jew jgħidilkom li m’intomx tajbin biżżejjed. Nieħu eżempju bija fil-qasam tad-drama, l iskola qatt ma ntgħażilt u niftakar darba kont applikajt għal audition għal play tal-iskola fis sekondarja u kienet giet tkellimni għalliema inkarigata, fejn staqsietni biex nerġa’ naħsibha jekk għandix inneħħi l-applikazzjoni tiegħi, dakinhar kont neħħejtha però kont għamilt wegħda miegħi nnifsi li xi darba lil dik l-għalliema għad nagħtiha risposta u llum il-ġurnata kelli l-opportunità li ninterpreta karattri differenti f’diversi sensiliet.

Iħallina t-Triccas

Iħallina t-Triccas

Tħabbret il-mewt ta’ Jesmond Tedesco Triccas magħruf bħala t-Triccas.

Huwa kien magħruf għan-namra tiegħu mat-teatru u l-mużika. Matul il-karriera tiegħu huwa interpreta bosta karattri differenti f’musicls bħal ‘Scrooge’. Filwaqt , fil-karriera mużikali tiegħu huwa magħruf għall-ħidma li wettaq mal-grupp mużikali Freeway.

Aħna nsellmu l-memorja ta’ Triccas u nagħtu l-kondoljanzi tagħna lill-familja kollha.

Il-familja ta’ Nicholas Camilleri ssostni li huwa vittma tas-sistema tas-saħħa mentali li miegħu falliet aktar minn darba

Il-familja ta’ Nicholas Camilleri ssostni li huwa vittma tas-sistema tas-saħħa mentali li miegħu falliet aktar minn darba

Il-familja ta’ Nicholas Camilleri, li nstab mejjet nhar it-Tlieta f’Għajn Tuffieħa wara li kien ġie rrappurtat nieqes mill-Ġimgħa, qalu li huwa vittma ta’ sistema ta’ saħħa mentali li falliet, aktar minn darba.

Martu u uliedu jsostnu li ħadd ma kien infurmahom li Nicholas kien nieqes u li saru jafu dan minn Facebook.

Huma esprimew ukoll id-diżappunt tagħhom dwar il-ħidma tal-pulizija fit-tfittxija, għaliex minbarra li huma jsostnu li ma ngħataw l-ebda dettalji dwar x’kien qed jiġri, kien proprju t-tifel tiegħu Daniel li sab lil Nicholas mejjet wara li hu u ħuh marru jippruvaw isibu lil missierhom fil-viċinanzi ta’ fejn instab.

F’intervisti li għamlet il-familja tiegħu ma’ The Times of Malta u lil The Malta Independent qalet li 18-il sena ilu Nicholas Camilleri ġie dijanjostikat bi skiżofrenija. Huma rrakkuntataw kif għal tliet snin, għaddew minn żminijiet diffiċli minħabba li Nicholas beda jesperjenza episodji ta’ paranojja u kien ibati wkoll minn alluċinazzjonijiet.

Il-mara ta’ Nicholas, Rita, u wieħed mit-tfal tiegħu, Daniel, qalu li f’dawn l-episodji huwa kien jakkuża lil martu li għandha relazzjonijiet ma’ rġiel oħra u li qed tipprova teħles minnu. Huwa kien ukoll beda proċeduri ta’ separazzjoni matul dawk is-snin u sar aggressiv.

Wara li ddaħħal għat-tieni darba l-isptar Monte Karmeli, psikjatra poġġieh fuq medikazzjoni antipsikotika. Dik il-medikazzjoni kienet tikkonsisti li kull xahar kien imur biex jieħu injezzjoni.

Minkejja li skont il-familja tiegħu, Nicholas qatt m’aċċetta li kellu diffikultajiet ta’ saħħa mentali u ħafna drabi kien jirrifjuta li jmur għat-terapija, għall-injezzjoni kien imur kull xahar u qatt ma tilef waħda.

Huma spjegaw li hekk kif Nicholas irrisponda tajjeb ħafna għall din il-medikazzjoni kif ukoll medikazzjoni oħra li kien qed jieħu kuljum, is-sitwazzjoni, anke għalihom bħala familja, marret għall-aħjar.

Kien proprju s-sena l-oħra li bdew josservaw tibdiliet fl-imġiba tiegħu sakemm is-sitwazzjoni reġgħet marret għall-agħar. Il-mara ta’ Nicholas qalet li fil-11 ta’ Jannar irċeviet telefonata miċ-ċentru tas-saħħa ta’ Bormla fejn infurmawna li kien mar hemm u beda jgħidilhom li kienet qed tħawwadlu fil-pirmli.

Huma jsostnu li kien proprju dakinhar li saru jafu li l-psikjatra fiċ-ċentru tas-saħħa kien waqqaflu l-medikazzjoni xi xhur qabel.

Ma’ The Times of Malta huma rrakkuntaw ukoll kif fl-istess ġimgħa, Nicholas sakkar lil martu fil-garaxx hekk kif waslet lura mix-xogħol fejn attakkaha. Għalkemm iż-żewġ uliedhom irnexxielhom jidħlu u jwaqqfuh, l-attakk ikkawżalha ġrieħi tant li spiċċat l-isptar.

Kawża ta’ dan, Nicholas tressaq il-Qorti fuq akkuża ta’ attentat ta’ qtil, li għaliha huwa wieġeb li mhux ħati.

Wara li għamel xi żmien fis-sala forensika ta’ Monte Karmeli huwa ġie trasferit fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u eventwalment ingħata l-libertà proviżorja, bil-kundizzjoni li ma jgħix ma’ martu.

Hawn huma sostnew li mhux biss qatt ma kellu jintbagħat il-ħabs, u minflok jingħata l-għajnuna li kellu bżonn, imma kellu wkoll jiġi osservat wara li joħroġ, għaliex skont huma, ma kienx qed jiġi segwit u lanqas kien qed jgħix f’ambjent tajjeb.

Martu Rita esprimiet ukoll id-dispjaċir tagħha għall-kummenti li qed jingħaddu fuq il-midja soċjali dwarha minħabba l-aħħar post li Nicholas kiteb fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu fejn fost oħrajn qal li huwa vittma ta’ vjolenza domestika.

Il-mara qalet li l-kuxjenza tagħha hija safja u li għamlet minn kollox biex tgħin lil żewġha. Żiedet tgħid li hi lanqas tgħid li ħafritlu għaliex ma tħossx li għandha x’taħfirlu minħabba li l-imġiba tiegħu ma kinitx tar-raġel li kienet taf u tħobb hi, iżda kkawżata mid-diffikultajiet li kien għaddej minnhom.

Jitħabbru d-dettalji tal-funeral ta’ Joe Bartolo

Jitħabbru d-dettalji tal-funeral ta’ Joe Bartolo

Ilbieraħ tħabbret il-mewt tal-attur u xandar Joe Bartolo fl-età ta’ 86 sena.

Bosta esprimew in-niket tagħhom għall-aħbar tal-mewt tiegħu, kif ukoll fakkru l-memorji tagħhom miegħu.

Familja, kollegi u ħbieb ta’ Joe Bartolo ddeskrivewh bħala raġel ċajtier u li dejjem jipprova jferraħ lil ta’ madwaru kif ukoll iddedikat f’dak kollu li kien jagħmel.

Il-mewt ta’ Joe Bartolo ftit ġimgħat biss wara l-mewt ta’ Leslie Gladwish, li mhux biss kienu jippreżentaw programm flimkien fuq ONE Radio għal ħafna snin iżda kien ukoll wieħed mill-akbar ħbieb ta’ Joe.

Il-funeral ta’ Joe Bartolo se jsir għada l-14 ta’ Ġunju, fil-knisja ta’ San Nikola tas-Siġġiewi, fis-2:30pm.

Il-funeral tal-għażiż tagħna Joe Bartolo, se jsir għada l-14 ta’ Ġunju, fil-knisja ta’ San Nikola tas-Siġġiewi fis-2:30pm

Posted by Suzanne Vella on Sunday, June 12, 2022

X’taf dwar il-festa tat-Trinità Qaddisa tal-Marsa?

X’taf dwar il-festa tat-Trinità Qaddisa tal-Marsa?

Trinità Qaddisa – Il-Marsa

Il-Marsa saret parroċċa fl-1913 meta f’Malta kien sar il-Kungress Ewkaristiku Internazzjonali. Din il-knisja kienet iddikjarata bħala monument għal din l-okkażjoni.

Din il-parroċċa titmexxa mill-Patrijiet Kapuċċini.

Il-bini tal-knisja kien tħallas mill-familja Balbi.

Il-vara tat-Trinità inġiebet minn Bolzano, l-Italja, fis-snin 70 tas-seklu l-ieħor.

Tagħrif minn Mario Coleiro.

Enable Notifications OK No thanks