Riċetta: Filipino Chicken Adobo u Kontorni

Riċetta: Filipino Chicken Adobo u Kontorni

Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

Għal Chicken Adobo għandek bżonn:

4 koxox tat-tiġieġ, bla ġilda

Għall-Immarinar:

Tlett sinniet tewm , mirħus

85ml soy sauce

100ml ħall abjad

4 werqiet tar-rand

Għat-tisjir:

Żewġ imgħaref żejt veġetali jew tal-karawett, maqsumin

Tlett sinniet tewm, mirħus

Basla żgħira, imqatta’

425 ml ilma

Żewġ imgħaref zokkor ismar

Mgħarfa bżar iswed sħiħ

Għat-tiżjin meta sservi:

Żewġ basliet ħodor, imqatta’ roti rqaq

Metodu:

  • Poġġi t-tiġieġ u l-ingredjenti tal-Immarinar fi skutella. Ħallat sew u immarina għal mill-inqas 30 minuta, jew preferibbilment matul il-lejl.
  • Saħħan mgħarfa miż-żejt ġo taġen kbir fuq nar għoli.
  • Neħħi t-tiġieġ mill-immarinar u poġġihom fit-taġen. (żomm il-marinade)
  • Sajjar iż-żewġ naħat sakemm ikunu ftit kannella – madwar żewġ minuti fuq kull naħa.
  • Neħħi l-biċċiet tat-tiġieġ mit-taġen, u warrabhom.
  • Issa, fl-istess taġen saħħan iż-żejt li fadallek. Żid it-tewm u l-basla, u ħallihom isiru għal żewġ minuti.
  • Żid l-immarinar li tkun warrabt, l-ilma, iz-zokkor u l-bżar iswed. Baxxi ftit in-nar u ħallih itektek għal 5 minuti.
  • Żid it-tiġieġ, in-naħa l-lixxa ‘l isfel. Ħallih itektek u mikxuf għal 30 minuta (m’hemmx għalfejn tħawwad), sakemm iz-zalza tonqos u tiġi ġulepp magħqud bħal ġamm.
  • Dawwar il-koxox tat-tiġieġ darba biss, wara kwarta li jkunu ilhom itektku.
  • Jekk iz-zalza ma tkunx magħquda biżżejjed wara 30 minuta, neħħi t-tiġieġ fuq platt u ħalli z-zalza ttektek waħedha – tagħqad ħafna aktar malajr – imbagħad erġa’ żid it-tiġieġ fit-taġen biex jinkesa bil-glaze.
  • Poġġi l-koxox tat-tiġieġ fuq il-platti tiegħek, u iksi kull waħda kompletament bil-glaze.
  • Roxx il-basal aħdar fil-wiċċ.

Għall-wedges tal-patata stil Filippin, għandek bżonn:

Tliet patatatiet kbar, bil qoxra

Żewġ imgħaref butir jew marġerina, imdewweb

Kuċċarina tewm, mirħus

Żewġ imgħaref ġobon parmesan, maħkuk

1⁄4 kuċċarina paprika, (jaħraq jew ħelu)

Metodu:

  • Saħħan il-forn għal 200 grad.
  • Idlek folja tal-ħami biż-żejt veġetali jew taż-żebbuġa.
  • Għorok u aħsel il-patata taħt l-ilma.
  • Aqta’ kull patata fit-tul fi tmien biċċiet (wedges).
  • Poġġi l-wedges tal-patata ħdejn xulxin fuq il-pjanċa tal-ħami.
  • Ħallat il-butir imdewweb jew il-marġerina u t-tewm fi skutella.
  • Fi skutella oħra ħallat il-ġobon parmesan maħkuk u l-paprika.
  • B’pinzell idlek il wedges tal-patata b’nofs it-taħlita tal-butir u ferrex b’nofs it-taħlita tal-ġobon.
  • U aħmi fil-forn għal 20 minuta.
  • Neħħi l-pjanċa mill-forn, u mbagħad aqleb il-wedges u idlikhom b’pinzell bit-taħlita tal-butir li fadal u roxxhom bit-taħlita tal-ġobon li fadal.
  • Erġa’ poġġi l-pjanċa tal-ħami fil-forn u aħmi għal 20 minuta oħra jew sakemm il-patata tkun saret tqarmeċ fuq barra waqt li tkun għadha ratba minn ġewwa.

Għal Adobe Sitaw, għandek bżonn:

300g fażola twila ħadra (sitaw)

Tliet imgħaref soy sauce

Mgħarfa ħall abjad

125ml ilma

Melħ u bżar għat-togħma

Basla kbira, imqatta’ rqiqa

Żewġ sinniet tewm, mirħus

Metodu:

  • Qalli l-basal u t-tewm f’taġen sakemm isiru kannella ċar.
  • Żid il-fażola.
  • Żid is-soy sauce, il-melħ u l-bżar.
  • Żid l-ilma u ħalliha ttektek għal madwar 5 minuti, sakemm il-fażola tkun imsajra.
  • Żid il-ħall. Tħawwadx. Ħallih itektek għal żewġ minuti.
  • Neħħi minn fuq in-nar, ħawwad darba, u servi.

L-ikla t-tajba!

Enable Notifications OK No thanks