Select Page
Żvelata l-emblema l-ġdida tar-Re Charles III

Żvelata l-emblema l-ġdida tar-Re Charles III

Ftit tal-ħin ilu, ġiet żvelata l-emblema tar-Re Charles III, li ser tintuża mid-dipartimenti tal-gvern, fuq dokumenti tal-istat u kaxxi postali.

L-emblema l-ġdida, li ser tieħu post dik tar-Reġina Eliżabetta II, ġiet magħżula personalment mill-Maestà Tiegħu, minn firxa ta’ disinni prodotti mill-Kulleġġ tal-Armi. Il-karatteristiċi tad-disinn jinkludu l-inizjali “C” għal Charles u l-ittra “R” għal Rex – kelma bil-Latin li tfisser Re, flimkien ma’ III (numri rumani) li jirrapreżentaw it-tielet Re Charles fl-istorja tal-monarka Ingliża.

Fost diversi tibdiliet oħra li ser jiġu implimentati biex jimmarkaw ir-renju l-ġdid tar-Re Charles, insibu:
karti tal-flus ġodda li juru r-ritratt tar-Re Charles III. Huma mistennija jidħlu fiċ-ċirkolazzjoni sa nofs l-2024, bir-ritratt li se jiġi żvelat qabel tmiem din is-sena.

Flimkien mal-karti tal-flus ser ikun hemm ukoll muniti ġodda tar-Re Charles. Skont ir-Royal Mint Museum, hemm tradizzjoni li tgħid, li l-profil ta’ monarka ġdida fuq il-muniti irid ikun fid-direzzjoni opposta tal-predeċessur tagħhom. Importanti li tkunu taf li l-karti tal-flus u l-muniti eżistenti se jkomplu jkunu validi, bil-karti u l-muniti ta’ Charles u t’Eliżabetta jintużaw flimkien ma’ xulxin.

Ir-Royal Mail tgħid li l-bolol il-ġodda li juru r-Re Charles se jiġu introdotti ladarba l-bolol attwali li għad hemm, jinbiegħu kollha.

Din l-emblema l-ġdida ser tibda tintuża mil-lum, 27 ta’ Settembru, (wara li ntemm il-perjodu tal-luttu Rjali) fuq il-posta Rjali.

Ġenituri akkużati li lagħbu l-flus li ngħataw għat-trattament ta’ binhom li għandu kanċer

Ġenituri akkużati li lagħbu l-flus li ngħataw għat-trattament ta’ binhom li għandu kanċer

Ġenituri ta’ tifel ta’ 7 snin li għandu kanċer, ġew akkużati li lagħbu d-donazzjonijiet li ngħataw għat-trattament binhom.

Il-koppja ġew akkużati b’miżaproprijazzjoni, frodi u ħasil ta’ flus. It-tnejn li huma ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom.

Wara li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-koppja, għaliex qalet li jekk jinżammu arrestati kien se jkun hemm riperkussjonijiet fuq saħħet it-tifel, l-avukat Karl Muscat mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qal li l-missier m’għandux jingħata l-ħelsien mill-arrest għaliex il-koppja kienet qed tiġi akkużata li ffrodat lil binhom stess minbarra entitajiet oħrajn.

Min-naħa l-oħra, il-prosekuzzjoni m’oġġezzjonatx għall-ħelsien mill-arrest tal-omm.

Il-pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha. In-nies kollha li taw donazzjoni, flimkien ma’ rappreżentanti ta’ Puttinu Cares għad iridu jittellgħu jixhdu.

Filwaqt li ordnat li jiġu ffriżati l-assi tal-koppja, il-qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-missier iżda tat il-ħelsien mill-arrest lill-omm fuq depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ €10,000.

Koppja li tmexxi childcare akkużata li mexxiet burdell f’Wied il-Għajn

Koppja li tmexxi childcare akkużata li mexxiet burdell f’Wied il-Għajn

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħabbar li ssospenda l-liċenzja ta’ childcare centre immexxi minn koppja li ġiet arrestata fuq akkużi ta’ traffikar ta’ persuni għall-prostituzzjoni kif ukoll li mexxiet burdell f’Wied il-Għajn.

Permezz ta’ mandat, il-pulizija daħlet fil-post fejn qed jiġi allegat li kien qed jitmexxa burdell, sabet tliet nisa barranin, li ġew arrestati, u lir-raġel, Duncan Caruana, li allegatament kien qed jieħu ħsieb il-flus.

Skont l-investigazzjoni tal-pulizija, tnejn mit-tliet nisa, li huma mill-Amerika t’Isfel, ġew Malta bit-tir li jaqilgħu l-flus mill-prostituzzjoni iżda t-tielet mara ġiet ittraffikata. Minħabba din ir-raġuni, ma nħarġet l-ebda akkuża kontriha.

Il-mara, Francesca Caruana, kienet involuta wkoll fin-negozju billi allegatament kienet tagħmel l-appuntamenti u tavża lin-nisa xħin għandhom jiftħu l-bieb lill-klijenti.

Allegatament, il-klijenti tal-burdell kienu jħallsu €50 għal servizzi ta’ nofsiegħa u €100 għal siegħa.

It-tnejn li huma ċaħdu kull akkuża miġjuba kontrihom.

Ir-rebbieħa tal-Eurovision se jirkantaw it-trofew biex jiġbru l-flus għall-armata Ukrena

Ir-rebbieħa tal-Eurovision se jirkantaw it-trofew biex jiġbru l-flus għall-armata Ukrena

Il-grupp folk-rap Ukrain Kalush Orchestra, li reċentement rebaħ il-Eurovision Song Contest, ħabbar fuq Instagram li qed jirkanta t-trofew tiegħu biex jiġbor fondi għall-armata Ukrena.

Oleh Psiuk, il-frontman tal-grupp, offra wkoll li jbigħ il-kappell roża tiegħu.

Il-grupp reċentement ħabbar li se jdur l-Ewropa biex jiġbor fondi għall-Ukrajna u l-forzi armati tagħha.

Il-grupp Kalush Orchestra rebaħ il-kompetizzjoni fl-14 ta’ Mejju bil-kanzunetta Stefania, miktuba dwar omm il-frontman. Il-grupp irnexxielu jirbaħ il-battalja għall-ewwel post mar-Renju Unit u Spanja.

L-avveniment immarka l-ewwel avveniment kulturali kbir li fih ħadu sehem Ukreni minn meta bdiet l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna fi Frar, u ħafna mill-udjenza xejru l-bandiera nazzjonali blu u safra tal-Ukrajna matul is-serata.

Qabel is-serata finali, Kalush Orchestra kienu favoriti li jirbħu l-konkors.

Il-grupp ġie żvelat bħala r-rappreżentant tal-Ukrajna għall-Eurovision fit-22 ta’ Frar, jumejn qabel ma t-truppi Russi invadew l-Ukrajna.

Jason Azzopardi jirreaġixxi wara li Bernard Grech qal li kulħadd għandu expiry date fil-politika

Jason Azzopardi jirreaġixxi wara li Bernard Grech qal li kulħadd għandu expiry date fil-politika

Waqt intervista li saret fuq radju 103 mill-Prof. Andrew Azzopardi, Bernard Grech qal li kulħadd għandu expiry date fil-politika, inkluż hu.

Bernard Grech ċaħad kategorikament l-allegazzjonijiet li l-partit ħadem kontra Jason Azzoppardi waqt il-kampanja elettorali.

B’reazzjoni għal dan, fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Jason Azzopardi qal li kultant min jaqra l-expiry date ta’ ħaddieħor jinsa jara tiegħu.

Aktar tard, Jason Azzopardi tella’ post ieħor fejn staqsa jekk forsi kienx ostaklu għal min ta l-flus bħala donazzjoni biex tingħata l-proklama lill-qarib tiegħu. Huwa semma wkoll is-sena 2021.

Enable Notifications OK No thanks