Tajlandja: Arrestat mexxej tal-kult li kellu s-segwaċi jieklu l-ħmieġ tiegħu

Tajlandja: Arrestat mexxej tal-kult li kellu s-segwaċi jieklu l-ħmieġ tiegħu

Raġel, li kien isostni li kien “missier ir-reliġjonijiet kollha” u allegatament qal lis-segwaċi tiegħu biex jieklu l-ħmieġ tiegħu, ġie arrestat b’diversi akkużi wara li nstabu 11-il katavru, li l-maġġoranza tagħhom kienu segwaċi tiegħu, fil-post ta’ kampeġġ tiegħu fil-provinċja ta’ Chaiyaphum, fit-Tajlandja.

Il-mexxej tal-kult kien identifikat biss bħala Thawee, li għandu 74 sena, residenti fid-distrett ta’ Nong Rua fil-provinċja ta’ Khon Kaen, qal il-Gvernatur ta’ Chaiyaphum Kraisorn Kongchalard nhar it-Tnejn.

Huwa ġie arrestat nhar il-Ħadd wara personalità televiżiva shaman, Jiraphan Phetkhao, magħruf bħala Mor Pla wassal lill-pulizija u awtoritajiet minn aġenziji oħra tal-gvern jagħmlu rejd fil-post ta’ kampeġġ li jinsab f’foresta fir-raħal ta’ Moo 2 f’Tambon Dong Klang tad-distrett ta’ Khon San ta’ Chaiyaphum.

Jiraphan isostni li għandu setgħat speċjali biex jgħin lin-nies affettwati mis-supperstizzjoni, u jmexxi programm televiżiv li fih jikkampanja kontra dawk li jsejjaħ shamans foloz u Buddisti li jiksru l-liġijiet tal-patrijiet.

Huwa qal li mara kienet fittxet l-għajnuna tiegħu wara li ommha marret fil-post ta’ kampeġġ, li kien meqjus mis-segwaċi bħala “hermitage”, u allegatament ma tħallietx tmur lura d-dar.

Aktar tard, bint din il-mara saret taf li lis-segwaċi kienu jgħidulhom biex jieklu l-ħmieġ tal-mexxej tal-kult, li kien iqis lilu nnifsu bħala “Il-Missier”, għax jista’ jfejjaq il-mard kollu.

Meta sar l-arrest, l-awtoritajiet sabu lil Thawee imdawwar b’madwar 30 persuna, li dehru li kienu nies ta’ età medja u anzjani.

Is-segwaċi kollha kkonfermaw mal-awtoritajiet li huma kienu jemmnu li dan il-bniedem jista’ jfejjaqhom mill-mard. Saħansitra wħud minnhom kielu l-ħmieġ tiegħu quddiem l-awtoritajiet.

Is-segwaċi ammettew mal-awtoritajiet li l-katavri kienu ta’ segwaċi morda li mietu fil-post tal-kampeġġ wara li marru hemm biex ifittxu l-kura mingħand “Il-Missier”. Huma riedu li ġisimhom jibqa’ hemm għalih biex aktar tard jibgħathom il-“ġenna”.

Il-Gvernatur ta’ Chaiyaphum, Kraisorn, qal li Thawee ġie mixli fost oħrajn li kiser il-liġi tas-saħħa pubblika u l-att tal-kontroll tal-mard.

Kraisorn qal li se ssir l-awtopsja fuq il-11-il katavru biex isibu l-kawża tal-mewt tagħhom u aktar akkużi jistgħu jingħataw lill-akkużat.

Thawee qed jinżamm fl-Għassa ta’ Khon San u bosta segwaċi tiegħu marru jistennewh barra.

Kif tista’ tieħu ħsieb il-Pjanta tal-Fittonia? – Roxanne Gauci Taliana

Kif tista’ tieħu ħsieb il-Pjanta tal-Fittonia? – Roxanne Gauci Taliana

Il-Fittonia hija ġeneru ta’ pjanti tal-fjuri fil-familja Acanthus Achantaceae, nattiva għall-foresta tropikali fl-Amerika t’isfel, prinċipalment il-Peru.

Din il-pjanta, li għandha l-weraq tagħha b’disinn mill-isbaħ, hija pjuttost faċli biex tieħu ħsiebha.

Il-Fittonia tippreferi dawl qawwi u indirett. Dawl aktar baxx jista’ jikkawża li titlef ftit mill-kuluri vibranti tagħha u t-tkabbir jonqos. Wisq dawl jista’ wkoll jaħraq il-weraq.

Il-pjanta tal-fittonia tħobb l-ilma u li tkun konsistentament niedja, iżda mhux imxarrba. Saqqiha sewwa meta 25% tal-ħamrija tkun niexfa. Jekk tħalli l-pjanta tinxef wisq, tinduna għaliex il-weraq jibdew jinxfu u jisfaru iżda l-possibilità hija li jerġgħu jieħdu l-ħajja ladarba tinduna bil-problema u ssaqqihom sew.

Il-Fittonia tikber tajjeb f’temperaturi medji. Evita kurrenti kesħin u kurrent dirett mill-ħiters fix-xhur tax-Xitwa.

Umdità medja tad-dar hija aċċettabbli, iżda l-Fittonia tmur aħjar f’livelli ta’ umdità ogħla. Tista’ żżid l-umdità billi tpoġġi umidifikatur fil-viċin. Mod ieħor biex tiżdied l-umdità relattiva huwa li tiġbor flimkien diversi pjanti li jħobbu l-umdità f’żona żgħira, u toħloq mikro-klima.

Uża fertilizzant ġenerali tal-pjanti tad-dar kull xahar mir-Rebbiegħa sal-aħħar tas-Sajf.

Vantaġġ importanti tal-Fittonia hu li mhijiex tossika għall-annimali domestiċi tagħna.

Enable Notifications OK No thanks