Tmut l-attriċi Taljana Gina Lollobrigida

Tmut l-attriċi Taljana Gina Lollobrigida

Tħabbret il-mewt tal-attriċi Taljana Gina Lollobrigida, waħda mill-akbar stilel tal-films fl-Ewropa tas-snin 50 u 60, fl-età ta’ 95 sena.

Spiss deskritta bħala “l-isbaħ mara fid-dinja”, hija ħadet sehem f’diversi films fosthom Beat the Devil, The Hunchback of Notre Dame u Crossed Swords.

Hija ħadet sehem flimkien ma’ nies bħal Humphrey Bogart, Frank Sinatra, Rock Hudson u Errol Flynn.

Wara li ħarġet mix-xena tal-films, hija daħlet fil-fotografija, l-arti u l-politika.

Illum jum il-fotografija!

Illum jum il-fotografija!

Illum huwa l-Jum Dinji tal-Fotografija, ċelebrazzjoni annwali u dinjija tal-arti, is-sengħa, ix-xjenza u l-istorja tal-fotografija. Din il-ġurnata tagħti ċans biex titfaħħar l-arti u s-sbuħija ta’ din is-sengħa.

Fost il-fotografi popolari nsibu lil Mario Testino li ffotografa lil Diana, Prinċipessa ta’ Wales għall-famuż cover tagħha ta’ Vanity Fair fl-1997. Fotografu famuż ieħor huwa Jimmy Nelson li jżur nies tribali u jieħu ritratti tagħhom fl-abitat naturali tagħhom. Dawn ir-ritratti huma meravilja peress li l-emozzjonijiet jinqabdu b’mod sabiħ fir-ritratti tiegħu.

Madankollu, ma nistgħux, ma nsemmux lill-fotografi Maltin, li għamlu jew qed jagħmlu isem f’Malta u lil hinn minnha. Xi wħud jinkludu Richard Ellis, fotografu Ingliż-Malti li kien wieħed mill-pijunieri tal-fotografija f’Malta matul l-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tal-20. Fotografu ieħor huwa Darren Zammit Lupi li fl-2017 rebaħ żewġ premjijiet f’The Societies of Photographers Awards f’Londra.

Żagħżugħ Malti li qed jistudja l-Mcast u li xogħlu deher fit-toroq Maltin huwa Nathan Camilleri. Fil-fatt ir-ritratti tiegħu jsebbħu l-bypass tal-Ħamrun-Marsa.

Ir-ritratti għandhom rwol importanti fil-ħajja ta’ kulħadd –jgħaqqduna mal-passat tagħna, ifakkruna fin-nies, postijiet, sentimenti u stejjer. Mela intom li qed taqraw dan l-artiklu komplu ħudu r-ritratti, għax hija waħda mill-isbaħ affarijiet li wieħed jista’ jagħmel.

Ritrarti – Wirja tal-Arti Fotografika – Miftuħa mis-16 sal-31 ta’ Lulju

Ritrarti – Wirja tal-Arti Fotografika – Miftuħa mis-16 sal-31 ta’ Lulju

Ritrarti hija wirja tal-arti li se tkun qed tittella’ mill-artista Silvana Camilleri u l-fotografu Charles Vassallo mis-16 sal-31 ta’ Lulju, fiċ-Ċentru Pastorali Sgħajtar, triq il-Lanġas, in-Naxxar.

Il-wirja se tkun tikkonsisti fi 30 ritratt monochrome (black and white), meħuda mill-fotografu Charles Vassallo madwar Malta u mpinġijin minn Silvana.

“Jien bid-daqqa tal-pinzell u bil-kulur acrylic ħarist lejn is-suġġett ta’ kull ritratt u tajtu lewn biex dan jerġa’ jieħu l-ħajja mill-ġdid. Charles u jien ħdimna id f’id biex intellgħu din il-wirja b’żewġ elementi differenti li ħolqu armonija waħda.”

Silvana

Ir-ritratti monochrome, qed jirrappreżentaw lil Charles, li għandu 70 sena u l-kulur jirrapreżenta lil Silvana bħala artista ta’ età iżgħar minnu.

Kienet ix-xewqa ta’ Charles li ssir din il-kollaborazzjoni u proprju minn hemm li ngħaqad ma’ Silvana biex iħejju għal din il-wirja.

Fil-passat ir-ritratti kienu jkunu monochrome biss u sakemm kien hemm il-fażi biex il-monochrome jieħu aspett ta’ kulur kienu jużaw kuluri fuq ir-ritratti b’mod manwali.

F’din il-wirja, Silvana se tkun qed tagħmel dan imma b’mod aktar sperimentali li toħloq anke aktar milli jkun hemm fuq ir-ritratt oriġinali.

Ħinijiet tal-ftuħ:

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa: Mill-10 ta’ filgħodu sa nofsinhar u mis-6 sad-9 ta’ filgħaxija.

Is-Sibt u l-Ħadd: Mill-10 ta’ filgħodu sa nofsinhar u mis-6 sad-9:30 ta’ filgħaxija.

Għal aktar tagħrif żur il-paġna ta’ Silvana Camilleri: ĊmajraArt by Silvana | Facebook

Filmat: Glen b’kollaborazzjoni ma’ Avenue Sky għal verżjoni ġdida ta’ Ħarsa Biss

Filmat: Glen b’kollaborazzjoni ma’ Avenue Sky għal verżjoni ġdida ta’ Ħarsa Biss

Glen Vella u l-boyband Malti Avenue Sky ingħaqdu sabiex flimkien joħolqu verżjoni ġdida tal-kanzunetta Ħarsa Biss li biha Glen rebaħ l-ewwel edizzjoni ta’ Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija. Din il-verżjoni ġiet imnedija llejla, 31 ta’ Jannar fuq il-midja soċjali u l-pjattaformi ewlenin.

Ħarsa Biss hija kompożizzjoni ta’ Philip Vella u lirika ta’ Joe Julian Farrugia. L-arranġament vokali għal din il-verżjoni kien f’idejn il-kantant Glen Vella u l-irrekordjar tal-vuċijiet, il-mix u l-arranġament mużikali kienu f’idejn il-kompożitur Philip Vella. Il-vidjow mużikali ġie miġbud u editjat minn Victor Abela.

It-tim jirringrazzja lil Charles and Ron għall-ilbies, lil Jean Zammit għall-irtokk, lil Jurgen Scicluna għall-fotografija u lil Arnold Sammut minn Audio System Malta għad-dawl waqt il-ġbid tal-vidjow.

Wirja tal-Arti Fotografika minn Andrew E Zarb – Mill-4 sat-18 ta’ Frar

Wirja tal-Arti Fotografika minn Andrew E Zarb – Mill-4 sat-18 ta’ Frar

Leto hija l-ewwel wirja għal Andrew E Zarb , fejn se jkun qiegħed jesibixxi esklussivament xogħlu. Din il-wirja se ssir bejn l-4 ta’ Frar u t-18 ta’ Frar ġewwa Art by the Seaside (65, triq il-Mina) l-Isla. Art Gallery li fetħet fl-2021 u li diġà qabdet ritmu tajjeb fix-xena tal-arti.


Leto fil-mitoloġija Griega hija Alla tal-maternità u l-umiltà. L-isem juri ċar it-tema ta’ din il-wirja, fejn permezz ta’ ritratti se naraw ommijiet fil-ġmiel kollu tagħhom, huma min huma u huma ta’ liema forma huma.


F’Leto ċerta li kull min se jattendi se jħoss ċertu paċi u ċertu sens ta’ wens, ħsus li jafu jħallu l-ommijiet biss fuq l-ulied. Tajjeb li nsemmi wkoll li f’din il-wirja Andrew jiftakar ukoll f’dawk l-ommijiet li għaddew għad-dinja l-oħra; li ċertament hija firda li ma nafx hawnx agħar minnha.


Andrew E Zarb tgħallem waħdu s-sengħa tal-fotografija. Din il-passjoni bdiet meta fl-2016, wara operazzjoni sab ruħu ġo sodda għal tliet xhur sa ma rkupra. Waqt dan il-perjodu sab ċans ifittex u jitgħallem fuq id-dinja tal-fotografija.

Beda b’diversi stili sa ma minn tliet snin ilu ‘l hawn ħassu komdu jiffoka fuq in-nudiżmu. Nudiżmu li juri b’eleganza kemm kull figura umana hija perfetta hi kif inhi, li jqanqal ħsus sottili ta’ ġmiel divin f’min japprezza dan ix-xogħol.

Mil-lenti t’Andrew naraw kif xogħlu jdur mal-ġisem uman. Jiffoka fuq dettalji, pożi u idealment bla użu ta’ props. Fix-xogħlijiet naraw prominenza femminili, dan minħabba l-fatt li mudelli maskili huma iktar rari biex isib. Iktar u iktar meta jaħdem fil-maġġoranza ma’ mudelli li mhumiex professjonali imma nies li jitħajru jippużaw, uħud anke biex jgħelbu ċerti ideat li ħolqu kontra l-apparenza tagħhom.

Għal aktar dettalji segwu l-paġna ta’ Art by the Seaside u anke l-event fuq Facebook: Leto – Goddess of Motherhood and Demureness.

Enable Notifications OK No thanks