Mhux vera jimpurtana – Prof. Andrew Azzopardi

Mhux vera jimpurtana – Prof. Andrew Azzopardi

“Mhux vera jimpurtana.”

Kliem iebes vera imma hekk hu, tal-anqas kif naħsibha jien. Cioè, dan il-qasam għamel titjib vera matul is-snin imma bl-iskossi. S’issa għadna nikkuntentaw b’tibdil sporadiku li jsir meta xi ħadd joħlom b’xi ħaġa. Għalkemm hemm policy u strateġija xorta nħoss li l-iżviluppi huma mifruxa u mhux strutturati. Dan il-qasam li ili nsegwi u nimmilita fih għal aktar minn 35 sena ħadem b’mewġ, daqqa ‘l fuq u daqqa ‘l isfel. Daqqa titfaċċa persuna li taf x’inhi tagħmel u daqqa le. Daqqa jkollna min ikun fuq quddiem fejn juru passjoni f’dan il-qasam u daqqa le. Din hija r-realtà.

Jekk vera rridu naraw tibdil irridu naraw aktar konsistenza u fost kollox nibdew naraw leadership li ġej mill-grassroots u fejn nassiguraw ruħna li dak li huwa bażiku nkunu qed noffruh.

Fejn naf jien.

Nista’ nibda mill-bankini. Issa mbilli għandna l-flyovers u network ta’ toroq ġodda u ħafna liġijiet u regolamenti u linji ta’ gwida. Ejjew ngħiduha kif inhi. Rari ssib 100 jarda fejn persuna tista’ timmanuvra l-wheelchair fuq bankina mingħajr ma tinkalja ma’ xi arblu jew xi tarġa jew xi statwa, xi mejda jew xi toqba.

Fejn naf jien.

Il-qasam tax-xogħol għadu qasam ibbażat fuq il-karità aktar milli fuq xogħol ta’ kwalità. Imma verament naħsbu li l-persuni b’diżabilità qed jiġu diretti lejn jobs sura jew inkella iktar moħħna biex nimlew il-kwoti? U fuq nota oħra kif nistgħu nistennew li persuni b’diżabilità javvanzaw fil-karriera meta għandek l-outpatients li ssir fil-ħin tal-iskola, meta persuni b’diżabilità speċjalment fil-bidu ta’ ħajjithom ikunu qed isegwu l-appuntamenti waqt il-ħin meta suppost qiegħdin skola għax ma jmurx il-professjonisti jaqbzu l-ħin ta’ filgħaxija – taf inti hemm mill-private practice li ħadd ma jrid iċedi?

Fejn naf jien.

Jekk tara l-issues marbutin mas-sess, is-sesswalità u r-relazzjonijiet fejn għadna mitt sena lura. Niċċensuraw u nimblukkaw dawk kollha li jippruvaw ikollhom relazzjoni. Mhux biss, is-soċjetà tibqa’ bigotta u selettiva għax għalihom persuna b’diżabilità ma tistax tħobb, tinnamara, ikollha sess u relazzjonijiet u forsi anke wlied.

Fejn naf jien.

Jekk tħares lejn il-qasam tad-divertiment li jibqa’ fil-maġġoranza tiegħu inaċċessibbli u donnu bil-barka tal-poter. Ħares lejn restaurants, il-boutique hotels, ħafna mill-hotels il-kbar, il-clubs, il-pubs, il-każini. Ngħidlek ma ssibx nofshom li jippermettu li persuna b’diżabilità li tuża’ l-wheelchair jew inkella b’issues marbutin mal-mobilità jirnexxilha.

Fejn naf jien.

Il-preżenza fil-midja – kwazi nulla għal kollox. Persuni b’diżabilità jiġu mistiedna biss jekk iridu jitkellmu fuq id-diżabilità – il-bqija xejn, zilg, zero. Qishom il-persuni b’diżabilità m’għandhom xejn x’jgħidu dwar l-imħabba, l-ekonomija, il-kannabis, il-PGD, il-ħabs, il-politika, il-korruzzjoni, l-immigrazzjoni. Nies li poġġejnihom fin-niċċa – noħorġuhom biss biex nipparadjawhom jew biex ikun hemm xi photo shoot jew ħalli noqogħdu nbusuhom u nagħtuhom il-flus. Mhux vera qed nippermettu li dawn il-persuni jkunu ċittadini attivi.

Fejn naf jien.

Il-qasam tal-inklużjoni u l-mudell ta’ LSEs u programm li jmexxu t-teachers fl-iskejjel li xxuttaw mill-effettività. Dan qasam li għandu bżonn naħsbu sew fuq kif qed nippruvaw nagħmlu l-inklużjoni meta tant nies direttament involuti lanqas biss jimpurtahom jew jemmnu f’din il-kawża.

Fejn naf jien.

Il-fatt li tant professjonisti jisolħu tant flus u pagelli esaġerati mill-ġenituri li jippruvaw jagħmlu kollox għall-uliedhom. Naħseb wasal iż-żmien li jkun hemm pagelli stabbiliti li jirriflettu l-ħidma u mhux l-ego tal-professjonsiti kkonċernati.

Ajma xi dwejjaq. Dan mhux il-qasam li jien immilitajt għalih. Wasal iż-żmien li din ir-rotta tinbidel mill-aktar fis.

L-agħar ħaġa li nistgħu nagħmlu hija li naħsbu li wasalna. Għax sar pass ma jfissirx li spiċċa l-vjaġġ imma sempliċiment beda. Dan is-settur jibqa’ wieħed mill-oqsma li l-aktar huwa fil-ġenb u fil-qiegħ tal-prioritajiet tagħna bħala pajjiż. Jekk m’aħniex ħa nkunu avventurużi u nillivellaw tant diżlivelli soċjali nistgħu nroddulu salib u nibqgħu ngħidu thank you għal xi loqma li tiġi f’din id-direzzjoni.

Jekk mhux ħa naraw moviment qawwi u organizzat ta’ persuni b’diżabilità u l-alleati tagħhom.

Jekk m’aħniex ha naraw CRPD aktar on the ball, deċiżiva, inċissiva u bla kompromessi.

Jekk mhux ħa naraw NGOs li kapaċi f’mumenti jitkellmu b’vuċi waħda.

Jekk mhux ħa naraw persuni b’diżabilità mogħnija b’leadership skills.

Jekk mhux ħa jkollna akktar persuni b’diżabilità kkwalifikati.

Jekk mhux ħa jibda jkun hemm direct action dawn il-persuni ha jibqgħu jieħdu ġo fihom bla risposta.

Jekk mhux ħa jkollna aktar riċerka empirika mill-Università.

Jekk mhux ħa jkollna aktar flus investiti fis-servizzi li jingħataw direttament lill-persuni b’diżastru.

Allura nistgħu nintefgħu nsaqqu l-ħass u s-siġar ta’ taħt il-flyover tal-Marsa.

Min għandu s-setgħa ħa jibqa’ jieħu dan is-settur bin-nejk u aħna nkomplu ngħidu thank you tal-loqom.

Wasal iż-żmien għar-revoluzzjoni, mhux bl-armi u l-vjolenza ovvjament, imma b’ħidma organizzata xprunata mill-persuni b’diżabilità nfushom.

Mhux vera li l-kamera ma tigdibx! – Tanja Cilia

Mhux vera li l-kamera ma tigdibx! – Tanja Cilia

Konna qed nilgħabu bil-kliem – mhux bid-diskors! – u għidt, kif dejjem ngħid, kemm hu sabiħ il-Malti.

L-Ingliżi għandhom corner, imma aħna għandna rokna u kantuniera.

L-Ingliżi għandhom selfie, u aħna għandna, jew almenu jista’ jkolna – selfie, selfek, selfu, selfha, selfna, selfkom, u selfhom… skont min jieħu r-ritratt u skont min jiġi fih.

Kulħadd daħaq, u fakkruni li bil-Malti, il-kelma hija stessu – imma ma ċedejtx. U kienu biss, li la m’għandniex ġens newtrali, il-kelma kellha tkun stessa, għax selfie huwa “xbiha”. Kien hemm min qabel miegħi, u kien hemm min qal li selfie huwa ritratt, u għaldaqstant, il-kelma tieħu nom tal-ġens maskil.

Jew, forsi, raġel jieħu stessu, u mara tieħu stessa.

Kos, kemm tixbaħ il-kelma selfish, hux, il-kelma selfies?

Ara tarawhiex bħali… hawn min jitfa’ għexieren ta’ ritratti fuq is-siti soċjali, biex kulħadd jgħaddi l-kummenti bħal “xi ġmiel” jew “kemm hu ħelu xagħrek hekk”…

Dan il-fenomenu narċissista tant ħa, li l-Oxford English Dictionary kien iddikjara li selfie hija l-kelma tas-sena fl-2013.

Hawn min jisħaq li huwa importanti li tgħix il-mument preżenti; u m’hemm xejn iżjed preżenti minn selfie, għax jurik kif int filwaqt u l-ħin li tkun ħadtu.

Kien fl-1839 li ttieħed l-ewwel “awto-ritratt”, kif issejjaħ dak iż-żmien. Robert Cornelius, dilettant tal-fotografija, spiżjar dilettant u spiżjar, li kien jgħix f’Philadelphia, irnexxielu jidħol f’ritratt li ħadu hu stess billi waqqaf il-kamera fuq tripied, ta l-ħabel lill-arloġġ, u ġera għal quddiem il-lenti.

Dawn il-mutetti m’għadx hawn bżonnhom, għax selfie jittieħed tipikament minn tablet, jew smartphone, jew webcam, b’mod instantanju.

Jingħad li l-kelma nnifisha kienet ivvintata fl-2002, meta Nathan Hope żagħżugħ Awstraljan, għalaq 21 sena. Waqt il-festin tiegħu, kien kemmxejn imlaħlaħ, iżda xorta dehrlu li kien kapaċi jieħu ritratt tiegħu innifsu; l-iżjed biex juri lid-dinja li kellu l-punti f’xoftu, fuq sit soċjali.

Il-kumment li tefa’ kien: u skużawni li dan mhux iffokat, għax dan selfie…

Nibtu l-Ħelfie (selfie tax-xagħar), il-Belfie (selfie tal-warrani), u l-Welfie (waqt li wieħed ikun qiegħed jagħmel xi eżerċizzju). U hemm ukoll, ħaġa tal-għaġeb, id-Drelfie, li wieħd jieħu meta jkun fis-sakra.

Hemm saħansitra sit minnhom invażat b’selfies li jittieħdu waqt funeral… f’uħud minnhom saħansitra jidhru l-kadavri fit-twiebet miftuħa.

Imma dawn in-nies jafu jistħu? Jew tant huma wiċċhom sfiq li anqas tgħaddilhom minn moħħom li għandhom jistħu?

Il-kelma selfie nnifisha turi li r-ritratt huwa xi ħaġa egoċentrika. X’jimporta li int mort Ta’ Pinu, jew it-Taj Mahal, jew il-Piramidi, jew is-Sydney Opera House? Mhux basta tieħu selfie? Ħalliha tinżel, lix-xemx, u tinseġ elf kulur fuq ix-xefaq. Mhux basta tieħu ritratt tiegħek innifsek quddiemha? Jekk mhux għal kollox isbaħ, imma għall-anqas, żgur iżjed importanti…

Hawn min jgħidlek biex ma tintremiex, u hawn min jgħidlek biex ma tiftaħarx, għax jisħtuk. Mela allura, l-ewwel iżżejjen il-paġni tiegħek b’għadd ta’ selfies, u mbagħad tgħid “Isma’, il-ġmiel mhux kollox…” Mela allura, qed tikkonferma li int taħseb li int sabiħa, u wara, tgħidilna li taħseb li għandek doni oħrajn ukoll.

Il-ħajja ta’ vera ta’ xi wħud twaħħdet mal-ħajja diġitali tagħhom. Nafu x’kielu, meta biddlu l-kulur ta’ xagħarhom, fejn marru, u ma’ min iltaqgħu iżjed milli t-telespettaturi ta’ The Truman Show kienu jkunu jafu x’qed jagħmel Truman Burbank [parti maħduma minn Jim Carey].

Il-lenti ta’ quddiemhom forsi ma tħallihomx ikunu “huma”, iżda jsiru “huma ta’ quddiem il-kamera”, artifiċjali u mimlija bihom infushom. Int trid tkun bħal qatta’ oħrajn li qabel joħorġu mid-dar jiġbdu ritratt? Int trid li titfa’ selfie f’xi wieħed minn dawk is-siti fejn jgħidulek “Jaqq kemm int ikraħ, mur aqbeż minn fuq is-sur…”?

Aħna nafu kif il-fotografi tal-midja jsusu wara l-personalitajiet biex jiġbdulhom ir-ritratti meta jkunu mhux f’tagħhom. U dawn, biex juruna li huma xorta sbieħ, u mhux dejjem ikunu libsin tracksuit kerha, jitfgħu ħafna selfies fuq is-siti tagħhom.

Snapchat, Tumblr, Facebook, Twitter, u siti oħra, lilna jagħtuna l-istess opportunità… għax jekk xi ħadd ma jaħmilniex pinġuti jitfa’ ritratt tagħna qisna x-xuxani, jew meta nkunu qed nirrabjaw, biex iwaqqgħuna għaċ-ċajt, aħna dlonk nitfgħu ħamsa, sitta, bil-kosmetiċi u b’maxta perfetta.

Aħna min aħna? Dawk li jidhru fir-rirtatti “mhux tagħna”; jew dawk tas-selfies, li qatt ma juruna mill-ġenb biex imneħierna ma jidhirx kbir, jew x’imkien fin-nofs? Jew dawn huma tliet diskrizzjonijiet foloz, għax l-awtentiċità ma titkejjilx?

Enable Notifications OK No thanks