Select Page
L-istorja ta’ Cody: “Dr Calvagna u l-karting biddlulna ħajjitna”

L-istorja ta’ Cody: “Dr Calvagna u l-karting biddlulna ħajjitna”

Illum skoperta.net se jlaqqagħkom ma’ tifel bl-isem ta’ Cody, li l-istorja tiegħu żgur se tħalli impatt fuqek li qed taqra.

Min hu Cody?

F’kuntatt magħna, il-ġenituri ta’ Cody, tifel ta’ 7 snin, iddeskrivew lil binhom bħala tfajjel enerġetiku, mimli kariżma, soċjevoli, avventuruż u sportiv. Huma spjegawlna kif ta’ sentejn, Cody kien ġie dijanjostikat bl-immune thrombocytopenia purpura (ITP), li fi ftit kliem tfisser kundizzjoni fid-demm ikkaratterizzata minn tnaqqis fin-numru ta’ plejtlits fid-demm. Il-plejtlits huma ċelluli fid-demm li jgħinu biex iwaqqfu n-nixxijiet. Tnaqqis fil-plejtlits jista’ jikkawża tbenġil, dmija fil-ħanek, u nixxijat interni.

Il-ġenituri qalulna li għall-ewwel bdew jinnutaw tbenġil madwar ġismu speċjalment fuq saqajh, però qatt ma ħasbu xejn ħazin, għall-fatt li ta’ dik l-età huwa normali li tfal jaħbtu jew jaqgħu.

Madanakollu, ġurnata minnhom, waqt li t-tifel kien qed jilgħab bir-rota, ħabat u l-manku tar-rota laqtitu fin-nofs ta’ sidru. Dak il-ħin huwa qam normali u kompla jilgħab, mingħajr biki u uġigħ.

Kien wara ftit jiem, meta kienu qegħdin jippreparaw biex joħorġu jieklu ma’ xi ħbieb tagħhom, meta omm it-tifel innotat tbenġila vjola u kbira f’nofs sidru. Immedjatament ħaduh għand it-tabib tagħhom, u minn hemm bagħathom dritt l-isptar.

Fi ftit sigħat, ġewwa l-emerġenza, lil Cody sarulu diversi testijiet biex jaraw x’kien qed jiġri eżattament.

Id-dinja ta’ dawn il-ġenituri tqalbet ta’ taħt fuq hekk kif ġew imsejħa f’kamra biex ikellimhom it-tabib dwar ir-riżultati tat-testijiet. “Mument li l-ebda ġenitur u l-ebda persuna m’għandha tgħaddi minnu” jgħidilna missier Cody.

Waqt li kienu qed jistennew, bid-dmugħ f’għajnejhom, għax ma kinux ippreparati għal dak li t-tabib kellu xi jgħidilhom, Cody, bħal ma jagħmlu tfal oħra, beda jiġri u jdur, u kien se jaħbat ma’ kabinett. Kien hawnhekk meta t-tabib inħasad u qalilhom dwar il-kundizzjoni tat-tifel tagħhom u x’għandhom bżonn jagħmlu.

Il-każ ta’ Cody ngħata f’idejn il-mibki u tant maħbub, Dr Victor Calvagna.

Missier Cody ddeskriva lil Dr Calvagna bħala “wieħed mill-aqwa tobba li qatt iltqajna miegħu. Tana t-tama u ggwidana fuq dak li kien hemm bżonn isir u l-mediċini li kellu bżonn jieħu Cody.”

Minn hemm hekk Cody, flimkien mal-ġenituri tiegħu, beda l-vjaġġ mhux daqstant faċli. Sakemm kien hemm sinjali ta’ progress f’saħħtu, Cody kien jeħtieġ li jmur għal test tad-demm kull ġimgħa.

F’każ li t-tifel kien ikollu xi deni jew riħ, kien ikollhom iqattgħu ftit jiem l-isptar.

Din kienet il-ħajja ġdida li l-ġenituri, flimkien ma’ binhom kellhom jadattaw ruħhom għaliha. Iżda maż-żmien bdew jitfaċċaw xi sinjali żgħar ta’ progress.

Madanakollu, l-akbar sfida għalihom kienet li jżommu lil Cody sikur, billi ma jħalluhx jagħmel l-ebda sport li jirrikjedi kuntatt fiżiku jew xi ħaġa simili li seta’ jħalli impatt ikrah fuq saħħtu. Għalkemm ippruvaw jeħduh jgħum u sa anke ħaduh għat-taħriġ tal-futbol, Cody ma tantx kien interessat.

Kif nibtet l-imħabba ta’ Cody għall-karting u x’impatt għamel dan l-isport fil-ħajja tiegħu u tal-ġenituri?

F’għeluq l-4 snin tiegħu, ommu u missieru xtrawlu nintendo bi steering wheel u sett paddles. Il-missier irrakontalna kif wara li għaddew ftit xhur huwa nduna li ibnu kien qed jilgħab logħba tat-tiġrijiet tal-karozzi. Jistqarr li kemm-il darba pprova jilgħabha imma qatt ma rnexxielu jegħleb ir-rekord personali ta’ Cody.

Missier Cody huwa fotografu tal-karozzi, allura kull fejn seta’ kien jieħdu miegħu, kemm f’avvenimenti tal-isport tal-muturi u anki wirjiet tal-karozzi. Għalhekk dan Cody kiber imdawwar bil-karozzi.

Kien wasal il-Milied u l-ġenituri ta’ Cody xtaqu jagħtuh xi ħaġa differenti mis-soltu bħala rigal. Meta staqsewh x’jixtieq bejn quad bike u go kart, bla eżitazzjoni ta’ xejn huwa wieġeb li ried go kart sabiex ikun jista’ jtellaq.

Dwar ix-xewqa ta’ Cody tkellmu ma’ Dr Calvagna, u qalilhom li sakemm Cody jkun liebes tagħmir tas-sigurtà u li kien sport bla ebda kuntatt fiżiku, seta’ jagħmel dan.

Ladarba kkonsultaw ma’ Dr Calvagna, bdew jeħduh fil-korsa biex jaraw xi sessjonijiet ta’ prattika u minn hemm f’Cody nibtet din il-passjoni.

Ta’ 5 snin, xtrawlu l-ewwel ‘baby kart’ b’magna ta’ 35cc 4 stroke, li wara ġimgħatejn bidluha għal magna ta’ 50cc 2 stroke, hekk kif Cody rieda ftit aktar b’saħħita.

Meta t-tifel għalaq 6 snin u raw l-progress tiegħu u dak li verament ried, ommu u missieru ħadu d-deċiżjoni li jagħmlu pass ieħor, dak li minn ‘baby kart’, jibda jsuq ‘mini kart’.

Kienu jqattgħu kull weekend fil-korsa, biex Cody jipprattika dan l-isport, li mhux biss għamel differenza kbira fil-progress ta’ saħħtu imma wassal lilu u lill-ġenituri tiegħu biex jiltaqgħu ma’ persuni li llum il-ġurnata saru parti minn ħajjithom tant li jikkunsidrawhom bħal familja.

Il-progress f’saħħtu kien tant li Dr Calvagna beda jara lil Cody kull xahar minflok kull ġimgħa peress li l-kundizzjoni tiegħu kienet dejjem sejra għall-aħjar. Minbarra hekk, il-ġenituri qalulna wkoll li bdew jaraw progress kbir anki fl-edukazzjoni tiegħu, kienu qed jarawh aktar iffukat u determinat.

Illum, sentejn wara, Cody għadu kif spiċċa l-ewwel Kampjonat Nazzjonali tiegħu fejn kiseb it-tieni post fil-kategorija tiegħu!

Ix-xewqa kbira tagħhom hija li jaraw lil Cody itellaq barra minn Malta.

Permezz tal-istorja tagħna nixtiequ nwasslu messaġġ ta’ tama lil min għaddej minn sitwazzjoni simili u li qed jiffaċċja sfidi li għaddejna minnhom aħna.

Il-ġenituri ta’ Cody

Ċertament, il-messaġġ li jispikka minn din l-istorja huwa li bit-tama, determinazzjoni, sapport u mħabba, l-esperjenzi diffiċli li tgħaddi minnhom fil-ħajja tista’ ddawwarhom f’xi ħaġa tant sabiħa li tkompli tgħinek tgħix u tiffaċċja l-isfidi li għad trid tiffaċċja fil-futur.

F’isem it-tim ta’ Skoperta, nirringrazzjaw lill-ġenituri ta’ Cody talli qasmu l-istorja tagħhom magħna, u nawguraw lil Cody ħafna aktar saħħa u aktar suċċess fil-karting.

Jekk int tixtieq taqsam l-istorja tiegħek magħna, agħmel kuntatt magħna fuq info@skoperta.net

Quinton Scerri u martu Kerstyl isiru ġenituri

Quinton Scerri u martu Kerstyl isiru ġenituri

Ftit tal-minuti ilu, il-preżentatur popolari Quinton Scerri għadu kif ħabbar fuq il-paġna ta’ Facebook, li l-familja tagħhom żdiedet għal ħames membri! Dan minħabba li lbieraħ 28 ta’ Settembru, hu u l-mara tiegħu, Kerstyl, saru ġenituri ta’ “Baby J.”

Huwa esprima l-ferħ tiegħu billi qal li l-esperjenza tat-twelid ta’ Baby J kienet indiskrivibbli, u kemm hu u kemm martu, lesti għal dan il-vjaġġ ġdid f’ħajjtihom.

Huwa rringrazzja lil kull min kien ta’ għajnuna fosthom il-qbiela fl-isptar Mater Dei, it-tobba, il-familjari u ħbieb tagħhom ukoll.

It-tim kollu ta’ Skoperta jawgura lil Quinton u lill-mara tiegħu għat-twelid ta’ baby J.

Carlos u Carolyne jsiru ġenituri!

Carlos u Carolyne jsiru ġenituri!

Ftit tal-ħin ilu, l-attur Carlos Farrugia ħabbar fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu li nhar it-Tnejn il-5 ta’ Settembru, hu u l-maħbuba tiegħu Carolyne saru ġenituri taċ-ċkejkna Bettina.

Carlos qal li dan kien l-aqwa rigal li rċieva għal għeluq sninu, dan għaliex binthom Bettina twieldet tlett ijiem wara jum għeluq sninu!

Huwa rringrazzja lill-istaff ta’ Mater Dei u lil Alla għal din l-esperjenza.

F’isem it-tim ta’ Skoperta, nawguraw lil Carlos u Carolyne għal dan il-vjaġġ ġdid f’ħajjithom bħala ġenituri.

Anke Jien (It-tieni parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Anke Jien (It-tieni parti minn erbgħa) – Rakkont minn Sharon Calleja

Meta saru jafu bir-relazzjoni tagħna, il-ġenituri tagħha xejn ma kienu ħadu pjaċir.
“Inħobbok, Amelia………..” għidtilha dakinhar, eżatt malli erġajna wasalna quddiem ir-rixtellu.
U dakinhar, fetħitu b’idejha tirtogħod, għamlet pass ‘il ġewwa u waqfet għal ftit mingħajr ma kellmitni.
Kont indunajt li dik il-lejla, Amelia ma kinitx bħas-soltu. Is-soltu konna nidħqu. Niċċajtaw flimkien. Tħabbilli xagħri iswed, innukklat u folt.
Iżda dakinhar kont innutajt li Amelia kienet differenti. Kwieta wisq.
“Se jkolli nitlaq,” qaltli dak il-ħin, mingħajr ma daret tħares lejja.
Kieku għaddiet karozza riħ, laqtitni u sabtitni mal-faċċata tad-dar opposta ma kontx inħoss l-istess uġigħ li kont ħassejt dak il-ħin.
“X’inti tgħid, Amelia?”
Għal mument xtaqt li kont smajt ħażin.
“Ommi u missieri bagħtuni kulleġġ barra minn Malta.”
Ħassejt nifsi jinqata’.
U Amelia baqgħet ma daritx tħares lejha. Kont naf li kienet qiegħda tibki. Smajt leħinha miksur, rajt saqajha jirtogħdu. U dak il-ħin, rajt il-fossa taċ-ċurkett li kont xtrajtilha jien ileqq mad-dawl oranġjo tat-triq.
“Meta? U meta tiġi lura?”
“Ħames snin tal-inqas…………….”
“Niġi miegħek…………niġi narak, noqgħod hemm. Niġi. Toqgħodx tinkwieta……………”
“Jason,” qaltli bilkemm tinstema’. “Se jkollna nieqfu. Daqshekk.”
U dak il-ħin, ħassejt l-art tiblagħni u tkaxkarni fl-abbissi fittizji ta’ moħħi.
“X’inti tgħid? Għax qed tgħidli hekk?” staqsejtha b’għoqla fi griżmejja.
“Għax ma jridunix miegħek. Se jibgħatuni minħabba fik,” qaltli.
“Imma inti xorta waħda………………..jien inħobbok………” għidtilha, inħoss il-kesħa f’ġismi kollu, hekk f’salt wieħed.
“Ma nistax nibqa’ miegħek, Jason!” qaltli.
U dak il-ħin daret tħares lejja.
Inħsadt.
Wiċċha kien jidher deċiż.
Kienet iddeċidiet li titlaqni!
“Amelia……………”
“Nibqa’ nħobbok, Jason. Imma bejnietna spiċċa kollox. Tittamax fija………………”
“Nibqa’ nistennik! Naħliflek!” għidtilha u tant kemm għafast snieni ma’ xulxin li ħassejt il-ħanek juġgħani.
“Għix ħajtek. Mingħajri.”

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Keith isellem għall-aħħar darba lit-telespettaturi b’għafsa ta’ qalb iżda b’sodisfazzjon

Keith isellem għall-aħħar darba lit-telespettaturi b’għafsa ta’ qalb iżda b’sodisfazzjon

Il-ġurnalist tant maħbub Keith Demicoli temm il-karriera ġurnalistika tiegħu b’messaġġ emozzjonanti li ċertament nissel demgħa lil bosta.

Filwaqt li rringrazzja lill-ġenituri tiegħu u lil familja tiegħu li dejjem kienu warajh, huwa ta ħajr ukoll lill-kollegi tiegħu u lit-telespettaturi ta’ TVM għall-fiduċja, ir-rispett u l-imħabba li dejjem urewh.

It-tim ta’ skoperta.net jawgura lil Keith kull suċċess għall-futur.

Enable Notifications OK No thanks