Select Page
Riċetta: Għaġin bit-Tiġieġ u Zalza Kremuża

Riċetta: Għaġin bit-Tiġieġ u Zalza Kremuża

Ingredjenti (għal 6 porzjonijiet):

600g sider tat-tiġieġ imqatta’ dadi

Żewġ imgħaref butir

Nofs kuċċarina riegnu niexef

Nofs kuċċarina ħabaq niexef

Ftit melħ u bżar

445g għaġin penne jew li tixtieq, imsajjar

10g tursin frisk

25g ġobon parmiġġan, imqatta’

Għaz-zalza:

Żewġ imgħaref butir

4 sinniet tewm, imfarrak

3 imgħaref dqiq

480ml ħalib

Nofs kuċċarina riegnu niexef

Nofs kuċċarina ħabaq niexef

55g ġobon parmiġġan imqatta’

Ftit melħ u bżar

Nota: Tista’ wkoll iżżid ftit spinaċi jekk trid.

Metodu:

  • F’taġen fuq nar medju-għoli, dewweb il-butir, imbagħad żid is-sider tat-tiġieġ.
  • Roxx il-melħ u bżar, ir-riegnu u l-ħabaq u sajjar għal bejn 8 u 10 minuti jew sakemm it-tiġieġ ikun imsajjar sew.
  • Neħħi minn fuq in-nar u warrab it-tiġieġ.
  • Fl-istess taġen fuq nar medju, dewweb il-butir u żid it-tewm. Sajjar sakemm it-tewm jibda jirtab.
  • Żid nofs id-dqiq mat-tewm u l-butir, ħawwad sakemm kollox jiġi mħallat sew ma’ xulxin. Imbagħad żid il-bqija tad-dqiq u ħawwad.
  • Ferra’ l-ħalib ftit ftit, u ħawwad sew wara kull darba, sakemm jitħallat sew mat-taħlita u z-zalza tibda tagħqad.
  • Roxx il-melħ u l-bżar, ir-riegnu u l-ħabaq, u ħawwad sew.
  • Żid il-ġobon parmiġġan u ħawwad sakemm jinħall.
  • Ferra’ z-zalza fuq l-għaġin, żid it-tiġieġ u ħawwad sew.
  • Żid it-tursin u aktar ġobon parmiġġan. Ħallat sew u servi.

L-ikla t-tajba!

Platt għaġin jiswa €35

Platt għaġin jiswa €35

Jisimha Angela Hartnett, ir-reġina tal-kċina Taljana fil-kapitali tar-Renju Unit, Londra.

Hija għamlet l-għaġin bolognese bħala platt popolari ħafna, kemm f’Londra kif ukoll f’postijiet oħra.

Madanakollu issa hija mġiegħla tgħolli l-prezzijiet. Fil-fatt għaxar snin ilu dan il-platt kien jiswa 14-il lira sterlina (16-il ewro), però issa għollietu għal 30 (35-il ewro). Ir-raġuni prinċipali tagħha għat-tali żieda hija “kien hemm wisq żidiet, irridu nibqgħu fil-wiċċ”.


Ma taħsbux li żidiet bħal dawn huma wisq?

L-effett tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna fuq l-ekonomija – Kif se tiġi affettwata?

L-effett tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna fuq l-ekonomija – Kif se tiġi affettwata?

Kull gwerra tħalli effetti diżastrużi, primarjament fit-telfiet tal-ħajja ta’ diversi persuni. Effett ieħor tal-gwerra huwa wkoll fuq l-ekonomija kemm dak tal-pajjiżi li direttament huma affettwati mill-gwerra u anke ta’ pajjiżi li indirettement ukoll jiġu affettwati.

Il-gwerra fl-Ukrajna ġiet fiż-żmien fejn pajjiżi diġà bdew jesperjenzaw inflazzjoni għolja ikkawżata mill-effett tal-Covid. Fl-Ewropa, l-inflazzjoni s-sena l-oħra kienet kwazi 3%, rata li ilha ma tiġi reġistrata għal aktar minn għaxar snin. Bl-effett tal-gwerra fl-Ukrajna, l-inflazzjoni mistennija tiżdied ħafna iktar. Ir-raġuni primarjament hija minħabba l-importanza tar-Russja fl-ekonomija globali kif ukoll tal-Ukrajna.

Biss biss, mill-aspett ta‘ enerġija, kwazi 40% mill-elettriku fl-Ewropa huwa ġenerat mill-fossil fuels u l-ikbar sors ta‘ gass u żejt ġej mir-Russja. Iċ-ċaqliq fil-kwantità tirrifletti fil-prezzijiet taż-żejt, tant hu hekk li l-prezz taż-żejt beda jeskala b’rata allarmanti. Dan iċ-ċaqliq jiġi rifless ukoll fil-prezzijiet tad-dawl li jħalli impatt qawwi fuq l-enterpriżi kif ukoll familji, partikolari dawk li huma l-aktar vulnerabbli. Sfortunatement l-Ewropa għadha ma ddiversifikatx biżżejjed is-settur tal-energija u b‘hekk id-dipendenza fuq ir Russja għadha wisq gholja.

L-effett fuq l-ekonomija mistenni jinħass ukoll fuq l-ikel. L-Ukrajna tipproduċi l-akbar volum ta’ sunflower oil u r-Russja t-tieni l-akbar produzzjoni. Bejniethom it-tnejn jipproduċu madwar 60% mill-ammont globali. Dawn iż-żewġ pajjiżi jesportaw ukoll kwazi 30% mill-qamħ globali. Hekk kif il-produzzjoni tieqaf minħabba il-gwerra, il-prezzijiet ta’ dawn il prodotti kif ukoll prodotti li jiddependu fuqhom, bħal ħalib u għaġin, mistennija jiżdiedu sostanzjalment ukoll.

L-effett tal-inflazzjoni, u b’hekk l-għoli tal-ħajja, tirriżulta wkoll fit-tnaqqis ta’ konsum u ta’ investiment: żewġ pilastri tal-ekonomija. Hekk kif il-konsum u l-investiment jonqos minħabba ż-żieda fil-prezzijiet kif ukoll minħabba l-inċertezza globali, l-ekonomija tibda tistagħġna u minflokk tikber tibda tiċkien. Dan jispiċċa jirrifletti fi problemi għall-impjiegi kif ukoll id-dħul għall-ekonomiji.

Għalhekk l-effett ta’ din il gwerra mistenni jkun dirett u indirett kif ukoll effetti ta’dak li huwa immedjat u dak li glad irid jinħass għat-tul ta’ żmien. It-tama hi li s-soluzzjonijiet ma jdumux ma jinstabu u li l-għajnuna tingħata diretta u kif meħtieġa, partikolarment għal min ikun l-aktar affettwat.

Riċetta: Rigatoni bir-Rump, Krema u Bżar Sħiħ

Riċetta: Rigatoni bir-Rump, Krema u Bżar Sħiħ

Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

Żewġ imgħaref żejt taż-żebbuġa

340g rump steak

Basla kbira, imqatta’

340g għaġin rigatoni

Mgħarfa butir

125ml inbid abjad

125ml stokk taċ-ċanga

Nofs mgħarfa bżar iswed sħiħ

Żewġ sinniet tewm, mgħaffeġ

200g faqqiegħ imqatta’ slajsis

Kuċċarina mustarda

200ml krema friska

Żewġ imgħaref tursin imqatta’

Metodu:

  • Poġġi taġen fond fuq nar għoli u ħallih jisħon.
  • Roxx il-melħ fuq il-laħam u għorku b’imgħarfa taż-żejt taż-żebbuġa.
  • Poġġi l-laħam sħiħ fit-taġen u aqlih għal 3 minuti fuq kull naħa.
  • Neħħi l-laħam mit-taġen u warrbu mgħotti bil-fojl.
  • Saħħan iż-żejt li fadal fit-taġen, imbagħad żid il-basla. Ħalliha ssir fuq nar baxx waqt li tipprepara l-għaġin.
  • Għalli borma bil-misħun, kif jagħli itfa’ mgħarfa melħ u żid l-għaġin. Sajjar sakemm isir al-dente, jiġifieri jibqa’ ftit iebes.
  • Waqt li l-għaġin ikun qed isir, kompli lesti z-zalza.
  • Żid in-nar taħt it-taġen li qed taqli l-basla fih għal medju. Żid il-butir u l-faqqiegħ imqatta’. Sajjar sakemm il-faqqiegħ jieħu kulur dehbi.
  • Żid l-inbid abjad, ħawwad sew u ħallih itektek għal ftit minuti.
  • Ladarba l-inbid ikun naqas bin-nofs, żid l-istokk taċ-ċanga, il-bżar iswed, it-tewm, il-mustarda u l-krema friska. Ħallih itektek imbagħad naqqas in-nar għal baxx.
  • Sadanittant l-għaġin ikun sar. Irriżerva tazza ilma minn tat-tisjir tal-għaġin u mbagħad saffi l-għaġin.
  • Neħħi t-taġen taz-zalza minn fuq in-nar sakemm issaffi l-għaġin.
  • Żid l-għaġin maz-zalza flimkien ma’ kwart ta’ tazza ilma tat-tisjir.
  • Poġġih lura fuq nar baxx u ħawwad biex tgħaqqad.
  • Qatta’ l-laħam fi strixxi rqaq u mbagħad żidha mat-taġen flimkien ma’ kwalunkwe meraq tal-laħam li jkun inġabar fuq il-platt.
  • Jekk hemm bżonn żid ftit aktar ilma tat-tisjir tal-għaġin biex iz-zalza ma tiġix magħquda wisq.
  • Ħawwad sew u servi bi ftit tursin u ġobon fil-wiċċ.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Tagliatelli bil-Gambli u l-Krema

Riċetta: Tagliatelli bil-Gambli u l-Krema

Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

350g tagliatelli

Żewġ imgħaref butir, separati

300g gambli mqaxxra

Tliet sinniet tat-tewm, ikkapuljat

65ml inbid abjad niexef

250ml krema

125ml stokk tat-tiġieġ (jew stokk tal-ħut jew tal-ħaxix)

50g ġobon parmiġġan maħkuk fin

Żewġ imgħaref tursin imqatta’ fin

Bżar għat-togħma

Metodu:

  • Għalli borma kbira ilma. Żid l-għaġin u sajjar minuta inqas minn kemm hemm miktub fuq il-pakkett.
  • Eżatt qabel issaffi l-għaġin, tella’ tazza ilma tat-tisjir tal-għaġin u warrab.
  • Saffi l-għaġin.
  • Sadanittant, dewweb mgħarfa butir fuq nar medju f’taġen kbir li ma jwaħħalx.
  • Żid il-gambli u sajjar għal żewġ minuti fuq kull naħa. Neħħi l-gambli u warrabhom.
  • Fl-istess taġen, żid l-imgħarfa l-oħra tal-butir. Kif idub, żid it-tewm u ħawwad għal 20 sekonda sakemm jibda jfuħ.
  • Żid l-inbid u ħawwad. Tektek għal żewġ minuti sakemm l-inbid jonqos ftit.
  • Żid krema, l-istokk u l-parmiġġan. Ħawwad sakemm idub il-parmiġġan, imbagħad ħallih itektek għal żewġ minuti sakemm jagħqad ftit (se jagħqad aktar fil-pass li jmiss).
  • Żid il-gambli, ħawwad, imbagħad żid l-għaġin flimkien ma’ madwar kwart ta’ tazza ilma tal-għaġin li kont warrabt. Ħalli t-taġen fuq nar baxx u itfa’ l-għaġin u ħawwad. Se tinnota li z-zalza teħxien f’madwar 40 sekonda u tibda teħel mal-għaġin.
  • Neħħiha minn fuq in-nar qabel ma z-zalza tkun għaqdet wisq.
  • Roxx il-biċċa l-kbira tat-tursin u l-bżar iswed.
  • Erġa’ ħawwad sakemm il-konsistenza taz-zalza tkun għall-gosti tiegħek.
  • Jekk tara li għaqdet wisq, tista’ żżid ftit ieħor mill-ilma tal-għaġin li kont warrabt.
  • Servi immedjatament, imżejjen bit-tursin u l-parmiġġan li fadallek.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications OK No thanks