Select Page
Għaliex jintuża l-ħwawar Ras el Hanout? U kif isir?

Għaliex jintuża l-ħwawar Ras el Hanout? U kif isir?

Ras el Hanout hija taħlita ta’ ħwawar misjuba f’forom differenti fit-Tuneżija, l-Alġerija u l-Marokk.
Għandha rwol simili fil-kċina tal-Afrika ta’ fuq bħal m’għandu l-garam masala fil-kċina Indjana.
L-isem bl-Għarbi jfisser “kap tal-ħanut” u jimplika taħlita tal-aqwa ħwawar li l-bejjiegħ għandu x’joffri.
Ras el hanout jintuża f’ħafna platti, xi drabi jingħorok fuq laħam jew ħut, jew jitħawwad f’kuskus, għaġin jew ross.

M’hemm l-ebda kompożizzjoni definittiva ta’ ħwawar li tifforma r-Ras el Hanout, għax kull ħanut, kumpanija, jew familja jista’ jkollhom it-taħlita tagħhom stess. It-taħlita ġeneralment tikkonsisti f’aktar minn tużżana ħwawar, fi proporzjonijiet differenti

Però llum se naqsam magħkom il-mod kif nagħmlu jien.

Biex tagħmel vażett żgħir, għandek bżonn:

Żewġ imgħaref u nofs żerriegħa tal-kemmun
Żewġ imgħaref żerriegħa tal-kosbor
Mgħarfa kannella midħuna jew stikka waħda tal-kannella
Żewġ kuċċarini ġinġer midħun
Żewġ kuċċarini bżar iswed
Kuċċarina turmeric midħun
Madwar 10 żrieragħ tal-kardamomu
Niskata żagħfran

Ixwi l-ħwawar sħaħ ġo taġen żgħir ‘nonstick’ sakemm isiru aromatiċi u jiskuraw ftit.
Ipprova taqbiżx dan il-pass li tixwi l-ħwawar, għax verament joħorġu aktar it-togħmiet tagħhom b’dan il-metodu.

Itfa’ din it-taħlita ta’ ħwawar fi grinder tal-ħwawar (jew uża mehries u lida), u idħanhom sakemm ikollok taħlita ta’ trab fin.

Aħżen ġo vażett issiġillat sa sitt xhur biex tużahom meta jkollok bżonn.

Kif naraw il-kelma ‘Ragu’ l-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħna hi l-kċina Taljana, imma kont taf li…

Kif naraw il-kelma ‘Ragu’ l-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħna hi l-kċina Taljana, imma kont taf li…

Kif naraw il-kelma Ragu l-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħna hi l-kċina Taljana, pero’ tajjeb li nkunu nafu li din il-kelma ġejja mill-kelma Franċiża Ragout.

Sa mis-16-il seklu il-Franċiżi kienu jsajjru dan ir-ragout li llum insejħulu stuffat. Dejjem kien ikun fih xi tip ta’ laħam, imma kienu jservuh waħdu mingħajr għaġin. Lejn it-18-il seklu din l-ikla waslet l-Italja wkoll, x’aktarx fiż-żmien li Napuljun ħa ċerti reġjuni ta’ l-Italja f’idejh. U ħalli għat-Taljani, ma damux ma qassru l-isem u bdew isajjru dan ir-Ragu mal-għaġin!

Sors: https://www.insidetherustickitchen.com/

L-ewwel riċetta ta’ ”Ragu per maccheroni” li ġiet imsajra u miktuba fl-Italja kien sajjarha il-kok tal-kardinal ta’ Imola, Alberto Alvisi. Minn dak iż-żmien din l-ikla infirxet ġmielha u bdew isajjruha ħafna koki oħrajn ukoll. Però f’dawk iż-żminijiet in-nies li kienu fqar u ma kinux jistgħu jixtru laħam.

Għalhekk, fil-bidu kienet pjuttost ikla ta’ nhar ta’ Ħadd għal nies sinjuri biss. Illum kapaċi jgawdiha kulħadd 🙂

Enable Notifications OK No thanks