Moħħok hemm meta tixtri minn fuq Facebook! – Tanja Cilia

Moħħok hemm meta tixtri minn fuq Facebook! – Tanja Cilia

“Tafdax, biex ma tħallilx”

Naħseb li bħali xbajtu taraw “Free”, jew inkella “€1” immarkati taħt xi ħaġa li tkun għall-bejgħ, iżda meta tistaqsu dwar l-oġġett, issiru tafu li mhux talli ma jkunx b’xejn, jew kważi b’xejn, talli jiswa l-belli liri.

Hawn ħafna min ingidem, u hawn ħafna min għamel kemxa flus, minn dawn in-negozji. Għax jiġu bil-ħlewwa kollha, u jgħidulek li “bargain” u “għandhom bżonn il-flus” u li “tidher mara sew”, u ħafna kliem fieragħ ieħor.

Għalhekk tajjeb li żżomm moħħok hemm meta tiġi biex tixtri.

  • Data ta’ meta beda l-profil: Issib min jibda profili bl-addoċċ, kemm ibiegħ xi affarijiet, jew saħansitra jippretendi li se jbiegħhom, u jisparixxi. Jista’ jkun każ ġenwin għax ikun wiret xi affarijiet u jrid jeħles minnhom; iżda din ħaġa rari.
  • Dejjem itlob irċevuta: Jekk jista’ jkun, ħallas b’ċekk jew xi metodu bħal PayPal, biex hekk ikollox għal waħda, tnejn. Irċevuta mingħand bniedem li ma jeżistix, ma tiswiex.
  • Ikkomunika biss fuq Facebook: La bdejt minn hemm, kompli hemm. Iddurx għal imejl jew WhatsApp. Qatt tiltaqa’ ma’ xi ħadd, waħdek, u ltaqa’ biss meta jkun se jsir il-bejgħ. Qatt tagħti n-numru personali tat-telefon tiegħek.
  • Jitlob ħlas bil-quddiem: Tixtrix ħut fil-baħar. L-aħjar metodu dejjem jibqa’ Cash on Delivery. Issib min iħeġġeg biex tħallas depożitu, biex l-oġġett ma jinbigħx lil ħaddieħor. Jekk lesta li tħallas, ara li qatt ma jkun iżjed minn 25% tal-ħlas dovut, u dejjem itlob irċevuta (u ftakar li jekk il-profil hu falz, il-flus m’intix se tarahom b’għajnejk qatt iżjed).
  • Posta rreġistrata: Dejjem insisti li jekk ġej bil-posta, l-oġġett ikun irreġistrat, biex tkun taf fejn qiegħed sakemm jasal għandek.
  • Prezz fiss: Jekk il-bejjiegħ f’daqqa waħda jgħidlek li se jkollu jżidlek il-prezz, bl-iskuża li kien nesa jiċċekkja kemm iqum, mal-irkantatur, jew li hemm ħafna oħrajn li jriduh, mela allura, għidlu li jista’ jbiegħu lil ħaddieħor.
  • Profil falz; Dejjem agħmel ‘reverse search’ tar-ritratt; għandek mnejn issib li dan xi mudell jew saħanistra akkademiku f’Università Franċiża. Oqgħod attentat meta tara li m’hemmx ritratt, iżda kelb, fjura, jew inżul ix-xemx.
  • Rapporti: Qatt tiddejjaq tirrapporta li min ipprova jidħaq bik. Hawn min jippoża ta’ bejjiegħ, jew ta’ xerrej, speċifikament biex jagħmel il-frodi.
  • Ritratt: Dejjem esiġi li jkollok ritratt tal-oġġett kif inhu, biex ma jkunx hemm tħaqqieq dwar dan, wara.

Tafdax: In-nanniet Maltin jgħidulna “Tafdax, biex ma tħallilx”, u għandhom raġun.

Wirja tal-Arti mill-artist Antoine Farrugia – Miftuħa sal-15 ta’ Frar

Wirja tal-Arti mill-artist Antoine Farrugia – Miftuħa sal-15 ta’ Frar

Xulliela Bajda, wirja tal-arti mill-artist Antoine Farrugia, qed tittella’ fil-Kamra ta’ Fuq, Mqabba, u għandha miftuħa sal-15 ta’ Frar.

Xulliela, il-kelma li tintuża biex niddeskrivu l-lat tal-ġebla li jitħalla fl-istat naturali, mhux maħdum, għaliex ikun se jinħeba, preċiżament wiċċu mal-ħajt, għal dejjem.

Dan huwa titlu li jixraq u jaqbel sew max-xogħol ta’ Farrugia peress li 80 fil-mija tax-xogħol tiegħu hu esegwit fuq ġebel diġà użat, riċiklat, u forsi anke mwarrab, skartat, u li bil-kapaċità immensa u t-talent uniku li għandu jerġgħu jingħataw il-ħajja, nifs ġdid, ċans ieħor, din id-darba mhux wiċċhom mal-ħajt imma bħala protagonisti.

Antoine jippreferi juża ġebel antik, peress li bil-bjuda u bl-għebusija tiegħu jkun jista’ joħroġ l-aħjar riżultati. Aktar minn hekk, ir-referenza għall-kelma bajda fit-titlu, tagħmel enfasi fuq il-fatt li qiegħed jesperimenta fuq metodi u proċessi partikolari li jippreservaw il-bjuda u l-kulur oriġinali tal-ġebla li hu jkun qiegħed jittrasforma.

F’din il-wirja, naraw lil Farrugia jimraħ u juża teknika ġdida fejn il-forom tiegħu jgħaddu mill-proċess ta’ patinament. Wara snin ta’ esperimentar u wara li fuq l-iskultura tiġi applikata t-tempera, l-artist sab mod kif jippreserva l-kulur pristin tal-ġebla mingħajr ma jitlef xejn mill-oriġinalità meta tiġi applikata x-xemgħa u l-prodott finali jkun illustrat.

Il-forom li għandu għall-wiri huma tipiċi tiegħu, astratti, illustrati u senswali, li jġiegħluk kważi tigdem xufftejk hekk kif għajnejk iduru mal-kontorni, mal-kurvaturi, u jixorbu l-kumplessità tas-sempliċità tax-xogħlijet tiegħu.

Ħinijiet tal-ftuħ:

Mit-Tnejn sas-Sibt – Mis-6 ta’ filgħodu sa nofsinhar

Il-Ħdud – Mis-7 ta’ filgħodu sa nofsinhar

Il-wirja Xulliela Bajda hija kkurata minn Art Sweven.

Kull min jattendi jrid jippreżenta ċertifikat validu tal-vaċċin.

Meta ma tħossokx li tista’ tiċċelebra Jum l-Omm – Roberta Magri

Meta ma tħossokx li tista’ tiċċelebra Jum l-Omm – Roberta Magri

Qabel xejn nixtieq nibda billi niċċara li jien m’għandi l-ebda kwalifiki fil-psikoloġija, iżda huwa suġġett li minn dejjem kien jinteressani u minbarra li nagħmel riċerka dwaru regolarment biex dejjem nitgħallem aktar, ħafna minn dak li naf, tgħallimtu mill-“università tal-ħajja” nħobb ngħid jien, għaliex minkejja li l-edukazzjoni akkademika hija importanti ħafna u neċessarja, mhemm xejn li jista’ jgħallmek aħjar mill-esperjenzi u s-sitwazzjonijiet tal-ħajja.

Għaldaqstant inħoss li għandi naqsam dak li naf, u r-riflessjonijiet tiegħi magħkom is-segwaċi ta’ skoperta.net.

Bħal kull ġurnata li tirrapreżenta sinjifikat partikolari, iġġib magħha emozzjonijiet differenti għal kulħadd u mhux kulħadd jista’, jew iħossu li jista’ jiċċelebra l-ġurnata.

Għal ħafna din hija ġurnata bħall-oħrajn, hija biss ġurnata minn dawk fejn il-materjaliżmu jirrenja, għaliex jemmnu li wieħed għandu juri l-imħabba u r-rispett matul is-sena kollha. Fil-fatt hekk hu, imma mbagħad hemm ħafna oħrajn li minkejja li wkoll jemmnu dan tal-aħħar, xorta jfittxu li jiċċelebraw din il-ġurnata u dak kollu relatat magħha.

Hemm ukoll ħafna oħrajn li din il-ġurnata tqanqlilhom emozzjonijiet negattivi, jistgħu wkoll iħossu li ma jafux kif se jirnexxilhom ikampaw f’din il-ġurnata.

L-ewwel u qabel kollox, minkejja li l-aspett bioloġiku għandu s-sinjifikat importanti tiegħu, madanakollu huma l-imħabba u l-imġiba li jiffurmaw u jirrapreżentaw verament l-irwol tal-persuna.

Għaldaqstant dik il-persuna li f’qalbha għandha mħabba ġenwina u bla kundizzjoni lejn kwalunkwe persuna oħra, lejn it-tfal tal-partner tagħha, lejn it-tfal adottivi tagħha, lejn it-tfal li għal xi raġuni jew oħra qed tieħu ħsieb, u iva, lejn l-annimali tagħha. Hemm ukoll dak il-missier li minbarra li għandu l-irwol ta’ missier, jieħu wkoll l-irwol tal-omm.

Dawk kollha li b’xi mod jew ieħor jgħixu l-irwol ta’ omm, jixraqilhom li jiġu ċċelebrati mhux biss f’ġurnata partikolari imma kuljum.

Lil hinn minn hekk, insibu dawk il-persuni li ħafna drabi fis-skiet, din il-ġurnata hija sfida diffiċli ħafna għalihom..

Dawk il-persuni li tilfu lil ommhom, riċentament jew snin ilu.. Għaliex le, iż-żmien ma jtaffix l-uġigħ, biż-żmien tissaħħaħ u titgħallem tgħix bl-uġigħ.

Dawk il-persuni li tilfu wild, riċentament jew snin ilu.

Dawk il-persuni li qed jiffaċċjaw problemi u sfidi ta’ infertilità.

Dawk il-persuni li jixtiequ jsiru ommijiet bioloġiċi u għal xi raġunijiet ma jistgħux.

Dawk il-persuni li għal xi raġunijiet m’għandhomx kuntatt m’ommhom jew mat-tfal tagħhom, jew inkella jinsabu xi mkien fejn ma jistgħux iqattgħu l-ħin magħhom.

Dawk il-persuni li għadhom kemm irċevew aħbar li ommhom jew it-tfal tagħhom għandhom marda terminali.

Dawk il-persuni li ommhom m’għadhiex tagħrafhom.

Dawk il-persuni li ġew abbandunati jew abbużati minn ommhom jew mit-tfal tagħhom.

U ħafna oħrajn.

Bħal ma dejjem ngħid, f’ċirkostanzi bħal dawn l-ebda kelma ma tista’ tbiddel is-sitwazzjoni għall-aħjar għal dawn il-persuni, però…

Jekk int wieħed jew waħda minn dawn il-persuni, jekk tfittex sew ġewwa fik, issib is-saħħa biex jirnexxilek tkampa, mhux f’din il-ġurnata biss imma matul il-kumplament tal-ġranet kollha.

Jekk din il-ġurnata qed taraha bħala waħda minn dawk li tkun tixtieq tagħlaq għajnejk u tgħaddi, emmen li se tgħaddi wkoll.

Fittex li tqatta’ l-ġurnata billi..

Forsi tieħu ħsieb lilek innifsek aktar mis-soltu.

Tagħmel dak kollu li taħseb li se jgħin biex din il-ġurnata tkun, anki jekk ftit, inqas diffiċli.

Tipprova tiftakar f’memorji sbieħ.

Tipprova tiftakar fl-imħabba li tirċievi u li tagħti int stess.

Ħalli lilek innifsek tħoss dak kollu li qed tħoss mingħajr ma tipprova żżomm lura.

Li tibki xi bikja tajba, hija ħafna drabi bżonnjuża wkoll.

Tesprimi l-ħsibijiet u dak li qed tħoss permezz tal-kitba jew b’xi mod ieħor li tħoss li tista’ tesprimi ruħek.

Tmur mixja waħdek, jew ma’ xi kumpanija, fil-kampanja jew inkella ħdejn il-baħar.

Jekk hija sitwazzjoni li hemm possibilitajiet ta’ soluzzjonijiet għall-aħjar, aħseb fuqhom u x’tista’ tagħmel biex twettaqhom.

Fittex kumpanija ta’ persuni li tkun komda magħhom, li jitrasmettu enerġija pożittiva u ta’ mħabba, u li forsi anki tista’ titkellem magħhom dwar dak li qed tħoss għax taf li se jifhmuk.

Min-naħa l-oħra, jekk int għandek persuna f’ħajtek li taf li għaliha din hija ġurnata diffiċli aktar minn oħrajn, kun ċert li, bħal m’għandek tagħmel matul is-sena kollha, imma forsi xi ftit aktar minħabba l-fatt li tkun aktar diffiċli, tfakkar lill-persuna li int tinsab dejjem hemm għaliha. Li tfakkar lill-persuna kemm tfisser għalik, li lest li tisma’ dak li għandha xi tgħid, li mhijiex waħedha, kemm tħobbha u li tista’ taqsam dak li qed tħoss miegħek.

Ħafna kliem xi drabi jkun kollu żejjed, imma messaġġ anki b’kelma waħda, telefonata, jew ġest żgħir imma mill-qalb jistgħu jagħmlu differenza kbira.

Niddejjaq nispeċifika, għaliex fl-emozzjonijiet m’għandux ikun hemm speċifikazzjoni jekk intix raġel jew mara, iżda sfortunatament hemm tendenza li ħafna jaħsbu li l-irġiel ma jħossux bħal ma tħoss mara, jew saħansitra l-irġiel stess jaħsbu li ma jistgħux jesprimu l-emozzjonijiet tagħhom minħabba ċerta mentalità li teżisti fost is-soċjetà, u fl-opinjoni tiegħi din hija teorija żbaljata…

Allura, qed infakkrek, li jekk int raġel, u din il-ġurnata hija diffiċli għalik, dan kollu li għidt jgħodd għalik ukoll.

Importanti li dejjem inżommu f’moħħna li l-fatt li jkollna mumenti u sfidi diffiċli, il-fatt li jkollna ġranet u perjodu fejn inħossuna dgħajfa u vulnerabbli, mhux għax verament inkunu dgħajfa, iżda għax aħna umani.

Xi mkien ġewwa fik se ssib dejjem dik is-saħħa biex tikkumbatti jekk tfittex sew, u jekk xi drabi tħoss li għandek bżonn l-għajnuna, fittixha, għaliex dik hija parti mis-saħħa ġewwiena tiegħek.

Enable Notifications OK No thanks