Select Page
Kif u minn fejn oriġina l-Jum Internazzjonali tan-Nisa?

Kif u minn fejn oriġina l-Jum Internazzjonali tan-Nisa?

Għal aktar minn 100 sena, it-8 ta’ Marzu mmarka dak li sar magħruf bħala l-Jum Internazzjonali tan-nisa f’pajjiżi madwar id-dinja. Filwaqt li l-iskop tiegħu jvarja minn post għall-ieħor, f’xi pajjiżi huwa jum ta’ protesta u f’oħrajn huwa mod kif jiġu ċċelebrati l-kisbiet tan-nisa u jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-festa hija iktar minn sempliċi hashtag.

Ejjew niskopru flimkien l-oriġini u t-tradizzjonijiet ta’ dan il-jum..

Kif diġà semmejna, il-Jum Internazzjonali tan-Nisa oriġina aktar minn 100 sena ilu. Fit-28 ta’ Frar, 1909, il-Partit Soċjalista tal-Amerika li issa ġie xolt, organizza l-ewwel Jum Nazzjonali tal-Mara, li seħħ fl-aħħar Ħadd ta’ Frar. Fl-1910, Clara Zetkin, il-Kap tal-Uffiċju tan-Nisa tal-Ġermanja għall-Partit Soċjal-demokratiku , ipproponiet l-idea ta’ Jum Internazzjonali tan-nisa globali sabiex in-nies madwar id-dinja jkunu jistgħu jiċċelebraw fl-istess ħin. Fid-19 ta’ Marzu, 1911, sar l-ewwel Jum Internazzjonali tan-Nisa fejn ħadu sehem aktar minn miljun persuna fil-Ġermanja, l-Iżvizzera, l-Awstrija u d-Danimarka.

Il-Kap tal-Uffiċju tan-Nisa tal-Ġermanja għall-Partit Soċjal-demokratiku Clara Zetkin u ħabiba tagħha.

Din iċ-ċelebrazzjoni ġabet il-vot lin-nisa fir-Russja. Fl-1917, in-nisa fir-Russja onoraw il-ġurnata billi bdew strajk għal “ħobż u l-paċi” bħala mod biex jipprotestaw għall-Ewwel Gwerra Dinjija u jippromwovu l-parità bejn is-sessi. Czar Nicholas II, li dak iż-żmien kien il-mexxej tal-pajjiż, ma kienx impressjonat u ta struzzjonijiet lill-Ġeneral Khabalov tad-Distrett Militari ta’ Petrograd biex itemm il-protesti u jispara lil kull mara li rrifjutat li toqgħod. Madanakollu, in-nisa ma kinux intimidati u komplew bil-protesti tagħhom, li wasslu lil Czar biex jabdika ftit jiem wara. Il-Gvern proviżorju mbagħad ta lin-nisa fir-Russja d-dritt tal-vot.

Nisa jimmarċjaw matul ir-Rivoluzzjoni Russa fl-1917, jitolbu d-dritt tal-vot.

In-Nazzjonijiet Uniti adottat uffiċjalment il-Jum Internazzjonali tan-Nisa fl-1975. Dan seħħ meta n-Nazzjonijiet Uniti ċċelebrat għall-ewwel darba dan il-jum fit-8 ta’ Marzu tas-sena msemmija. Minn dakinhar, in-Nazzjonijiet Uniti saret l-isponsor primarju u tal-avveniment annwali u ħeġġet saħansitra aktar pajjiżi madwar id-dinja biex iħaddnu l-festa u l-għan tagħha li tiċċelebra atti ta’ kuraġġ u determinazzjoni minn nisa ordinarji li kellhom rwol straordinarju fl-istorja tal-pajjiżi u l-komunitajiet tagħhom.

ll-Jum Internazzjonali tan-Nisa huwa jum ta’ ċelebrazzjoni madwar id-dinja, u festa pubblika f’għexieren ta’ pajjiżi. L-Afganistan, Kuba, il-Vjetnam, l-Uganda, il-Mongolja, il-Ġeorġja, il-Laos, il-Kambodja, l-Armenja, il-Belarussja, il-Montenegro, ir-Russja u l-Ukrajna huma biss uħud mill-pajjiżi fejn it-8 ta’ Marzu huwa rikonoxxut bħala festa pubblika.

Dan il-Jum huwa wkoll ċelebrazzjoni kombinata ma’ Jum l-Omm f’diversi pajjiżi, inklużi s-Serbja, l-Albanija, il-Maċedonja u l-Użbekistan. F’dan il-jum, it-tfal jippreżentaw lil ommijiet u nanniethom rigali żgħar u simboli ta’ mħabba u apprezzament.

Kull sena, mill-1996 s’issa, in-Nazzjonijiet Uniti toħloq tema differenti li tirrapreżenta l-għan ewlieni ta’ dan il-jum. It-tema ta’ din is-sena hija “Nisa fit-tmexxija: Il-kisba ta’ futur ugwali f’dinja bil-pandemija Covid-19.”

4 ta’ Frar – Jum Dinji tal-Kanċer – Kif bdiet din il-kampanja u x’inhu l-għan?

4 ta’ Frar – Jum Dinji tal-Kanċer – Kif bdiet din il-kampanja u x’inhu l-għan?

Kull sena, l-4 ta’ Frar huwa osservat bħala l-Jum Dinji tal-Kanċer sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-kanċer u titnaqqas l-istigma fuq din il-marda li hija t-tieni kawża ewlenija ta’ mwiet globalment.

Dan il-jum internazzjonali huwa inizjattiva ta’ għaqda globali immexxija mill-Union of International Cancer Control (UICC) u huwa maħsub biex jinkoraġġixxi l-prevenzjoni, id-dijanjosi u t-trattament tal-kanċer kmieni kemm jista’ jkun.

Il-Jum Dinji tal-Kanċer ġie stabbilit għall-ewwel darba fis-Summit Dinji tal-Kanċer kontra l-kanċer għall-Millenju l-Ġdid li sar f’Pariġi, fl-4 ta’ Frar, 2000.

Sa mill-bidu tiegħu, il-Jum Dinji tal-Kanċer ġie osservat billi jinżammu ċerti temi li jiggwidaw l-aġenda taċ-ċelebrazzjonijiet u l-kampanji. Fl-2019 ġiet introdotta t-tema ‘I am and I will’ u kellha titkompla sal-2021. Il-kampanja hija iffukata fuq il-komunità kollha kemm hi u l-azzjonijiet li kull individwu jista’ jieħu biex inaqqas l-impatt globali tal-kanċer.

Skont is-sit elettroniku tal-Jum Dinji tal-Kanċer, l-għan primarju huwa li tiffoka fuq azzjonijiet pożittivi sabiex tilħaq il-mira li tnaqqas in-numru ta’ mwiet prematuri minn kanċer u mard ieħor li ma jitteħidx b’1/3 sal-2030.

Nibqgħu nisħqu dejjem l-importanza li minbarra li nieħdu tagħna nfusna billi ngħixu stil ta’ ħajja kemm jista’ jkun sana, niċċekkjaw u neżaminaw ġisimna b’mod regolari ħalli f’każ li ninnutaw xi ħaġa li mhijiex tas-soltu nkunu nistgħu nieħdu azzjoni mill-ewwel.

Minkejja li l-kelma nnifisha ‘kanċer’ tqanqal ċerta diqa u biża’, tajjeb niftakru wkoll li għalkemm mhux dejjem, imma ħafna drabi l-possibilità ta’ tama tkun hemm ukoll, speċjalment meta jkun hemm dijanjosi fil-bidu tal-marda.

Il-kura mediċinali hija ħafna drabi neċessarja iżda daqstant ieħor huwa importanti li tieħu ħsieb is-saħħa fiżika u mentali tiegħek b’kull mod li tista’.

Tiddejjaqx tfittex l-għajnuna..

Filmat: ‘Milied tal-Familja’ – kanzunetta ġdida minn Franz Galea Bezzina

Filmat: ‘Milied tal-Familja’ – kanzunetta ġdida minn Franz Galea Bezzina

Franz Galea Bezzina u ilu jkanta għal dawn l-aħħar 18-il sena. Jgħidilna li l-kant dejjem kien strument li bih jirnexxilu jferraħ lin-nies b’mod speċjali lil dawk li jinsabu waħedhom u jkunu jixtiequ ftit kumpanija. Għal Franz, m’hemm xejn isbaħ mill-mużika biex tagħmel dan.

Wara s-suċċess li kiseb bil-kanzunetta Jien hekk, proprju ftit tal-ħin ilu għadu kemm nieda kanzunetta ġdida li ġġib l-isem ta’ ‘Milied tal-familja‘. Miktuba minn Franz innifsu u mużika ta’ Marco Debono, din il-kanzunetta titratta fuq tipi differenti ta’ familji u kif kulħadd igawdi l-Milied bil-mod tiegħu. Kif ukoll titratta l-elementi kolla li jġib miegħu l-Milied – kemm talb, kemm tiżjin, u l-improtanza li nkunu magħqudin u ngħinu lill-batut.

Il-messaġġ ewlieni ta’ din il-kanzunetta hu l-importanza u l-valur tal-familja, u l-valuri li għandna ngħixu bihom matul is-sena kollha iżda li jirriflettu anki fil-Milied. F’Milied tal-Familja.

Silta mill-kanzunetta:

Milied Tal-Familja, b’għan nobbli u pożittiv,

Innaqsu ftit kapriċċi, ngħinu lil min hu fil-qiegħ,

Naraw l-anzjani tagħna u mhux dejjem imwarrbin,

Milied b’differenza, mingħajr bews u tgħanniq.

X’inhu l-għan tal-kampanja Saving Our Blue?

X’inhu l-għan tal-kampanja Saving Our Blue?

L-għan tal-kampanja Saving Our Blue hu li tkompli teduka u tqanqal għarfien fuq l-impatt qerriedi tal-plastika u l-iskart fuq il-ħut li nieklu, l-ambjent marittimu u l-ekosistemi tal-baħar u ż-żoni naturali fejn il-baħar.

F’attività ta’ ġbir ta’ skart li saret f’Settembru li għadda nġabar aktar minn 4,250kg skart mix-xtut u l-bajjiet.

Skart li nstab fil-bajja f’temp ta’ ftit minuti

Keith Demicoli li huwa ambaxxatur ta’ din il-kampanja spjega kif minkejja li din is-sena innutaw progress speċjalment fir-rimi inqas ta’ plastik, madanakollu għadhom qed jaraw lil min ipejjep jarmi l-loqom tas-sigaretti bl-addoċċ fil-bajjiet u l-kampanja b’detriment kbir għal saħħitna minħabba li l-kimiċi li fihom (fosthom valenu tal-ġrieden) jikkomtaminaw il-baħar u l-ħut. Huwa jemmen li kampanji bħal dawn qed jagħmlu differenza biex aħna lkoll nirrealizzaw l-impatt kbir li l-azzjonijiet żgħar tagħna jħallu fuq l-ambjent u saħħitna.

Min-naħa ta’ Skoperta inħeġġu li mhux biss nirrikonoxxu l-ħidma ta’ kampanji bħal Saving Our Blue imma wkoll aħna bħala individwi naraw li nkunu parti mis-soluzzjoni u mhux mill-problema.

Enable Notifications OK No thanks