Select Page
Riċetta: Ġwienaħ tat-Tiġieġ bl-Għasel u s-Sos tal-BBQ

Riċetta: Ġwienaħ tat-Tiġieġ bl-Għasel u s-Sos tal-BBQ

Ingredjenti (għal 20 ġewnaħ):

20 ġewnaħ tat-tiġieġ jew drumettes

125g dqiq

Kuċċarina trab taċ-chili

Kuċċarina melħ

Kuċċarina bżar iswed, midħun frisk

Kuċċarina paprika

Kuċċarina trab tat-tewm

290g BBQ sauce

170g għasel

Metodu:

  • Saħħan il-forn għal 220°C.
  • Fi skutella, ħallat flimkien id-dqiq, it-trab taċ-chili, il-melħ, il-bżar, il-paprika u t-trab tat-tewm. Iksi l-ġwienaħ bit-taħlita u ara li jaqa’ dak li jkun hemm żejjed.
  • Poġġi l-ġwienaħ fuq folja tal-ħami miksija bil-karta tal-parċmina u ferrixhom f’saff wieħed.
  • Aħmi għal 45 minuta, dawwarhom ftit f’nofs sajran, sakemm il-ġilda tkun tqarmeċ u ssir kannella dehbi.
  • Wara li tkun ħriġthom mill-forn, fi skutella separata, ħallat il-BBQ sauce u l-għasel flimkien. Ħawwad il-ġwienaħ imsajra fit-taħlita u ara li jkunu miksija sew.
  • Poġġi l-ġwienaħ miksija lura fuq il-folja tal-ħami u ferrixhom f’saff wieħed.
  • Saħħan il-forn għal 250°C u aħmi għal 8 sa 10 minuti, sakemm il-BBQ sauce jiġi karamelizzat.
  • Ħallihom jibirdu, imbagħad servi.

L-ikla t-tajba!

Riċetta: Peanut Butter Energy Bites

Riċetta: Peanut Butter Energy Bites

Ingredjenti (għal 16-il ballun):

160g peanut butter kremuż

100g ħafur (oats), u ftit żejjed għall-irrumblar

Mgħarfa u nofs għasel

40g mini chocolate chips, u ftit żejjed għall-irrumblar

40g flax seed (jekk tippreferi)

Metodu:

  • Ħallat l-ingredjenti kollha fi skutella sakemm it-taħlita tiġi magħquda sew.
  • Għatti bil-plastik u kessaħ fil-friġġ għal mill-inqas 30 minuta.
  • Ladarba t-taħlita tkun kesħet, irrombla fi blalen ta’ madwar 1 pulzier (2.5 ċm). (Dellek ftit butir jew żejt ma’ idejk biex tifforma l-blalen aktar faċli u tevita milli t-taħlita teħel ma’ idejk.)
  • Qiegħed saff irqiq ta’ ħafur u chocolate chips fuq bord tat-tqattigħ jew fuq bank u rrombla l-blalen fit-taħlita.
  • Dawwar kull ballun bejn idejk biex il-ħafur u ċ-chocolate chips jeħlu sew.

Riċetta: Kheema Beef Curry

Riċetta: Kheema Beef Curry

Għandek bżonn (għal 4 persuni):

320g ross Basmati

500g kapuljat taċ-ċanga (Tiġi tajba wkoll bil-kapuljat tal-ħaruf)

3 imgħaref żejt veġetali

Mgħarfa żerriegħa tal-mustarda

Mgħarfa żerriegħa tal-kemmun

4 basliet żgħar, imqattgħin flieli

6 sinniet tewm, imqattgħin irqaq

Kwart ta’ kuċċarina imsiemer tal-qronfol midħun

Kwart ta’ kuċċarina kardamomu midħun

Kuċċarina kannella

Nofs kuċċarina turmeric

Kuċċarina hot paprika

Kuċċarina w nofs kemmun midħun

Mgħarfa kosbor midħun

Niskata fenugreek midħun

5 imgħaref kunserva

Kuċċarina jew tnejn melħ ‘sea salt’, skont il-gosti tiegħek

200g faqqiegħ imqatta’ flieli

8 tadamiet cherry, maqsumin min-nofs (jekk tixtieq)

Mazz kosbor frisk, imqatta’. (Warrab mgħarfa minnu għat-tiżjin tal-platti)

170g jogurt Grieg

Żewġ imgħaref garam masala spice

Mgħarfa għasel

Meraq ta’ nofs lumija

200g piżelli tal-friża jew tal-landa

Żewġ imgħaref lewż imqatta’, għat tiżjin.

Metodu:

  • Ibda billi fi skutella żgħira tħallat flimkien l-imsiemer tal-qronfol, il-kardamomu, il-kannella, it-turmeric, il-paprika, il-kemmun, il-kosbor il-midħun, u l-fenugreek.
  • Warrabhom, ħalli b’hekk issibhom lesti meta jkollok bżonnhom aktar tard.
  • Saħħan iż-żejt ġo taġen fond fuq nar medju.
  • Żid iż-żerriegħa tal-mustarda u għatti t-taġen parzjalment sakemm iż-żrieragħ jibdew ifaqqgħu.
  • Meta jkunu kważi waqfu jfaqqgħu, żid iż-żerriegħa tal-kemmun.
  • Ħallihom jinqlew għal madwar minuta fuq nar baxx, sakemm jiskuraw ftit u jsiru fragranti. Però, oqgħod attent li ma jinħarqux għax inkella jagħtu togħma morra.
  • Żid il-basal imqatta’ u l-melħ u ħalli l-basal jikkaramelizza għal 15-il minuta, waqt li tħawwad spiss. Jekk tara li qed jinħarqu, żid ftit qtar ilma sħun skont il-bżonn.
  • Żid it-tewm u sajjar għal 3 minuti oħra.
  • Żid il-faqqiegħ imqatta’ u ħallihom isiru għal madwar 5 minuti. Ħawwad spiss.
  • Żid il-ħwawar imnixxfin kollha li kont lestejt fi skutella. Ħawwad kontinwament għal minuta.
  • Żid il-kunserva u ħawwad għal minuta oħra.
  • Issa żid il-kapuljat. Ħawwad sewwa biex ma jibqalekx biċċiet kbar, u ħallih isir sakemm jieħu kulur kannella.
  • Żid it-tadam imqatta’ jekk se tużah. Ħawwad u ħallih isir għal madwar żewġ minuti.
  • Żid il-kosbor il-frisk imqatta’. Ħawwad sewwa u żid il-jogurt. Tih taħwida, għatti, u ħallih itektek fuq nar baxx għal 10 minuti.
  • Żid il-garam masala, l-għasel u l-meraq tal-lumi. Ħawwad u żid il-piżelli.
  • Ħawwad kollox sewwa u ħalli z-zalza ttektek fuq nar baxx għal 5 minuti.
  • Servi ma’ ross Basmati jew ma’ ħobż ċatt.
  • Żejjen il-platti bil-kosbor frisk u l-lewż imqatta’.

L-ikla t-tajba!

Ir-riċetta tal-lum qed titwassal lilkom minni Jackie, u Leo.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Kif tista’ tieħu ħsieb il-pjanta tal-Ażalea?

Kif tista’ tieħu ħsieb il-pjanta tal-Ażalea?

L-Ażalea hija pjanta sabiħa magħrufa bħala Royalty of the Garden minħabba l-blanzuni vibranti u kkuluriti tagħhom.

Hemm aktar minn 10,000 varjetajiet tal-pjanta ażalea. Il-varjetà ta’ kuluri tal-ażalea tinkludi roża, vjola, ħamra, oranġjo, bajda u aktar. In-numru ta’ fjuri uniċi għal kull tip ta’ ażalea jvarja, l-istess ukoll il-forma tal-petali.

L-ażalea ġejja mill-ġeneru Rhododendron. Il-weraq ta’ kull pjanta li tkun ġejja minn dan il-ġeneru huma differenti. Il-weraq tal-ażalea huma ħafna iżgħar minn tar-rhododendron u bil-ponta.

Id-daqs tal-ażalea jvarja wkoll. Hemm minnhom li jikbru minn wieħed sa żewġ piedi u hemm ukoll arbuxelli tal-ażalea li jistgħu jikbru sa 25 pied.

L-ażalea tista’ tiffjorixxi kemm ġewwa kif ukoll barra, il-kura tagħha tiddependi fuq il-post li tkun qiegħda fih. Il-pjanta tiffjorixxi fir-rebbiegħa u ddum diversi ġimgħat.

Evita li tpoġġi l-ażalea f’post li jkun hemm dell biss jew inkella xemx diretta l-ġurnata kollha. L-ażalea tmur tajjeb l-aktar meta tkun f’post li jkollu x-xemx filgħodu u d-dell wara nofsinhar.

L-ilma li jkollha bżonn jiddependi skont il-klima u l-ammont ta’ dawl li jkollha l-pjanta tiegħek. Jekk tkun f’post bi klima friska tippreferi inqas ilma, madwar darbtejn jew tliet darbiet fix-xahar. Jekk tkun f’post aktar xemxi u sħun, ikollha bżonn tissaqqa madwar darba jew darbtejn fil-ġimgħa. Żomm f’moħħok li l-ażalea mhix kapaċi tittollera ħamrija mxarrba iżda teħtieġ li tinżamm niedja.

ll-fjuri tal-ażalea jipproduċu għasel imsejjaħ mad honey, li huwa tossiku u ħafna drabi l-klieb u l-qtates huma l-aktar vittmi tal-avvelenament minn dan l-għasel.

L-għasel inixxi madwar il-pjanta kollha u jwassal għal perikli potenzjali. Filwaqt li tossiċità severa hija rari, jekk il-pjanta tittiekel tista’ twassal għal sintomi li jkunu ta’ periklu kbir.

Jekk tieħu ħsiebha sew, il-pjanta tal-ażalea tista’ tkun waħda minn dawk li tikkumplimentalek id-dar jew il-ġnien tiegħek.

Riċetta: Insalata bil-Parma Ham, Romanesco u Għasel

Riċetta: Insalata bil-Parma Ham, Romanesco u Għasel

Għandek bżonn (għal żewġ persuni):

Żewġ werqiet minn kaboċċa ħamra
Żewġ werqiet minn kaboċċa ħadra
Żewġ basliet mill-aħdar (spring onions)
Sitta ravanell, imqattgħin slices
Nofs Romanesco mqatta’ fi ‘florets’ żgħar
10 fażoliet mill-ħadra (imsajra u maqsuma f’żewġ biċċiet)
4 slices perżut tal-parma
Żewġ imgħaref lewż, imqatta’ u inkaljat.
Żewġ imgħaref parmesan, imqatta’ rqiq.
Raxxa bżar

Għad-dressing:

Żewġ imgħaref għasel
Mgħarfa żejt taż-żebbuġa
Żewġ kuċċarini mustarda
Kuċċarina ħall balsamiku

Metodu:

  • Ipprepara d-dressing billi tħallat sew l-erba’ ingredjenti flimkien ġo tazza. Żomm fil-friġġ biex tużah aktar tard.
  • Imbagħad ibda billi tqatta’ l-kaboċċa ħamra, il-kaboċċa ħadra, u l-basal aħdar. Ħallathom flimkien, u poġġi nofs it-taħlita fil-qiegħ ta’ kull platt.
  • Imbagħad ibda ibni l-insalata tiegħek billi żżid il-biċċiet tar-ravanell, u l-biċċiet tar-romanesco.
  • Aqta’ kull ‘slice’ ta’ perżut parma f’erba’ biċċiet. Irrumblahom u żejjen il-platti tiegħek bihom u bil-fażola ħadra.
  • Żid il-biċċiet tal-parmesan u l-lewż inkaljat, u fl-aħħar agħmel raxxa bżar fuq kull platt.
  • Żid id-dressing fil wiċċ u servi.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications    OK No thanks