Fost it-talent mużikali Malti li smajna u segwejna f’dawn l-aħħar jiem, ċertament spikkat l-interpretazzjoni ta’ Claudia Faniello tal-kanzunetta tagħha, Ġmielek.
Minbarra l-vuċi unika u impekkabbli ta’ Claudia Faniello fl-interpretazzjoni stupenda tal-kanzunetta Ġmielek, b’kitba ta’ Joe Julian Farrugia u kompożizzjoni ta’ Philip Vella, spikkat il-lingwa tas-sinjali.
Permezz tal-lingwa tas-sinjali, li hi xi ħaġa li m’aħniex imdorrijin naraw fejn tidħol mużika, Claudia wasslet messaġġ importanti ħafna ta’ inklużjoni.
Il-komunikazzjoni hija parti kruċjali mill-inklużjoni, u proprju f’dawk il-mumenti, permezz tal-kanzunetta tagħha, Claudia tesprimi l-valur ta’ kull individwu u tikkomunika ma’ dawk li jużaw il-lingwa tas-sinjali
Dan jirrifletti wkoll fil-messaġġ li twassal il-kanzunetta Ġmielek, li tittratta dwar kif għandna nagħrfu l-ġmiel ta’ xulxin, mhux biss dak ta’ barra, imma ħafna aktar ta’ ġewwa.
Li ma niġġudikawx u nwarrbu lil dawk li f’għajnejna jidhru differenti iżda li nagħrfu l-ġmiel ta’ xulxin. Ġmielek tagħti tama partikolarment lil dawk li qed ibatu fis-silenzju, tbatija kkawżata mill-uġigħ li f’diversi ċirkostanzi tal-ħajja u mis-solitudni, għaliex twassal il-messaġġ li jekk inħarsu lejn xulxin bla preġudizzji, nagħrfu l-valur ta’ xulxin u nistgħu nkunu l-leħen għal min m’għandux.
Claudia kellha kontribut biex tinkiteb din il-kanzunetta, dan minħabba li kif saħqet diversi drabi, kien hemm żminijiet fejn hi stess iffaċċjat sfidi personali fil-passat u kien hemm drabi fejn hi wkoll kienet tħossha waħedha.
Kont taf li Claudia kellha kliem miktub fuq il-libsa?
Jikkumplimenta l-messaġġ tal-kanzunetta Ġmielek, kien il-kliem li Claudia kellha miktub fuq il-mant tal-libsa; “Għalik li tħossok waħdek, kun af li m’intix“
Ġmielek ġiet ikklassifikata fit-tielet post bi 88 punt.
Ir-rispons dwar din il-kanzunetta fuq il-midja soċjali kien wieħed qawwi, u żgur li se tkun waħda li se tibqa’ tissemma’ u inkluża fil-ħidma għal soċjetà ħafna aktar inklużiva.
Min jgħix sa 100 u fuqhom u min imut ikun għadu lanqas twieled! Tisma’ min jgħidlek investi u aħseb għal quddiem, ħalli meta tikber ikollok rasek mistrieħa! Imbagħad f’daqqa waħda tiġi pandemija u jieqaf kollox, u wieħed jibda jistaqsi bejnu u bejn ruħu: Allura mhux aħjar ngħix ġurnata b’ġurnata u ma naħseb xejn għall-futur, wara kollox il-futur għadu ħadd ma rah!
Issa biex taxxaq faqqgħet din il-gwerra fl-Ukrajna wkoll flimkien mal-pandemija. Ħafna inċertezzi, biża’, nuqqas ta’ stabbiltà u motivazzjoni huma fost l-aktar emozzjonijiet li qed jinħassu u diskussi bħalissa. Personalment, qed nipprova ma ninqabadx minn din ix-xibka ta’ paniku żejjed, għax fl-aħħar mill-aħħar kollu jkun għalxejn.
Jien ftit li xejn nista’ nagħmel minn hawn Malta u żgur ma nistax inwaqqaf il-gwerra fl-Ukrajna! Iddeċidejt li minflok ma nħalli l-paniku u l-biża’ tirbaħni, nagħmel il-parti tiegħi żgħira kemm hi żgħira. Qed nipprattika ħafna iżjed is-sengħa tal-gratitudni, nitlob iżjed u nżomm il-paċi fija nnifsi u ma’ dawk kollha ta’ madwari.
Din il-paċi li tistedinni nara s-sbuħija tal-ħajja. Sbuħija li teżisti anke fl-eqqel tal-eħrex tbatija u kruha. Biżżejjed jekk inħares lejn din il-gwerra fl-Ukrajna nara li qed isir ħafna ġid minn tant nies madwar id-dinja li qed joffru l-għajnuna tagħhom b’diversi modi.
Għalhekk jien nara li l-ħajja hi sengħa sabiħa li nitgħallem ngħixha bil-mod il-mod matul iż-żmien. L-esperjenzi li ngħaddi minnhom matul ħajti juruni li s-sabiħ u l-ikrah fil-ħajja mhuma qatt maqtugħa minn xulxin imma huma katina mwaħħlin ma’ xulxin.
M’għandix tweġiba għaliex fil-ħajja l-ikrah u l-ħażen jidhru aktar b’ saħħithom fid-dinja, iżda ħaġa naf għax jien nesperjenzaha u s’issa nista’ ngħid li kuljum jirnexxieli nsib xi ħaġa tajba. Diffiċli kemm tkun diffiċli, qatt ma nista’ naqta’ qalbi mit-tajjeb u s-sabiħ għax dejjem hemm ikun. Hija jien li jkolli għajnejja u qalbi magħluqin u ma narax dan il-ġmiel!
Leto hija l-ewwel wirja għal Andrew E Zarb , fejn se jkun qiegħed jesibixxi esklussivament xogħlu. Din il-wirja se ssir bejn l-4 ta’ Frar u t-18 ta’ Frar ġewwa Art by the Seaside (65, triq il-Mina) l-Isla. Art Gallery li fetħet fl-2021 u li diġà qabdet ritmu tajjeb fix-xena tal-arti.
Leto fil-mitoloġija Griega hija Alla tal-maternità u l-umiltà. L-isem juri ċar it-tema ta’ din il-wirja, fejn permezz ta’ ritratti se naraw ommijiet fil-ġmiel kollu tagħhom, huma min huma u huma ta’ liema forma huma.
F’Leto ċerta li kull min se jattendi se jħoss ċertu paċi u ċertu sens ta’ wens, ħsus li jafu jħallu l-ommijiet biss fuq l-ulied. Tajjeb li nsemmi wkoll li f’din il-wirja Andrew jiftakar ukoll f’dawk l-ommijiet li għaddew għad-dinja l-oħra; li ċertament hija firda li ma nafx hawnx agħar minnha.
Andrew E Zarb tgħallem waħdu s-sengħa tal-fotografija. Din il-passjoni bdiet meta fl-2016, wara operazzjoni sab ruħu ġo sodda għal tliet xhur sa ma rkupra. Waqt dan il-perjodu sab ċans ifittex u jitgħallem fuq id-dinja tal-fotografija.
Beda b’diversi stili sa ma minn tliet snin ilu ‘l hawn ħassu komdu jiffoka fuq in-nudiżmu. Nudiżmu li juri b’eleganza kemm kull figura umana hija perfetta hi kif inhi, li jqanqal ħsus sottili ta’ ġmiel divin f’min japprezza dan ix-xogħol.
Mil-lenti t’Andrew naraw kif xogħlu jdur mal-ġisem uman. Jiffoka fuq dettalji, pożi u idealment bla użu ta’ props. Fix-xogħlijiet naraw prominenza femminili, dan minħabba l-fatt li mudelli maskili huma iktar rari biex isib. Iktar u iktar meta jaħdem fil-maġġoranza ma’ mudelli li mhumiex professjonali imma nies li jitħajru jippużaw, uħud anke biex jgħelbu ċerti ideat li ħolqu kontra l-apparenza tagħhom.
U fil-verità, it-tnejn li huma beżgħu xi ftit. Issa jekk terġa’ tkun tarbija kerha bħal ma kien Adam James? Iżda oħroġ il-għaġeb, din id-darba kienet tarbija sabiħa. Tifla. Tifla l-ġmiel tagħha. Kemm kienet tixbaħhom! Eżatt sabiħa bħalhom! “Trudy…………insemmuha Trudy!” għajtet b’ħanġra daqsiex Antonia, hekk malli rat il-ġmiel ta’ tarbija quddiemha. U beda għaddej iż-żmien. Kullimkien kienu jeħduha magħhom! Ikliet! Festini! Kienu saru joħorġu biha! Juruha! U jieħdu gost ifissdu fiha! U dakinhar kienet se tagħlaq l-erba’ snin. “Immorru dawra bid-dgħajsa llum Trudy!” qaltilha dakinhar Antonia, vera eċċitata. Ġieli kienu jmorru jduru xi dawra bid-dgħajsa li kellhom. U marru x-xtajta. Telgħu fuq id-dgħajsa. Lil Trudy poġġewha quddiem nett ħalli tkun tista’ tosserva l-ġmiel tan-natura. “Mamà, ejja waħda! Ejja ħdejja!” sejħet Trudy lil ommha hekk kif ħarġu ‘l barra. Antonia marret ħdejn Trudy. Qabditha minn wara u flimkien bdew josservaw il-mewġ żgħir żgħir li kienet qiegħda tferraq id-dgħajsa. “Mamà, terġax twaddabbni l-baħar bħal ma għamilt l-aħħar darba!” qaltilha Trudy. Antonia ħarset lejn bintha. Ħasset griżmejha jinxfu. Ħasset rasha ddur biha. Donald ra għajnejn Trudy donnhom ileqqu b’mod mhux normali. Telefonata. Pulizija. Instabet dgħajsa fuq wiċċ il-baħar. Vojta. Le, stenna. Kien hemm tifla fuqha. Waħedha. Ma kien hemm ħadd magħha. “Fejn huma l-ġenituri tiegħek?” staqsewha l-pulizija. Trudy ħarset lejhom u tbissmitilhom bilmod. “Jien m’għandix ġenituri,” weġbithom. “Ġejt dawra bid-dgħajsa. Waħdi.”
Għal ġimgħa oħra l-esploratur u avventuruż Angelo Caruana qasam magħna avventura interessanti oħra, din id-darba fil-gżira Għawdxija. Din id-darba se jeħodna fuq waħda mill-għoljiet dominanti li jinsabu f’Għawdex, dik li ħafna jsibuha l-għolja tas-Salvatur jew inkella l-Għolja tal-Merżuq.
Din l-għolja li fuqha nsibu statwa tas-salvatur magħmula mill-konkrit, mawdar 320 pied ‘il fuq mill-baħar. Statwa li hija simili ħafna għal dik li nsibu f’Rio De Janiero fil-Brażil però ħames darbiet iżgħar minnha, jiġifieri sitt metri għoli b’sitt metri wisa’.
Minn hawnhekk wieħed jista’ jgawdi mill-isbaħ b’panorama dawra tond tal-gżira Għawdxija li bħalissa qisha kartolina bil-ġmiel ta’ natura li toffri wara x-xita li niżlet fuq il-gżejjer Maltin. Angelo jfakkar li meta wieħed iżur dawn il-postijiet, irid jirrispetta l-ambjent ta’ madwaru billi ma jħammiġx, ma jagħmilx ħsara l-ħitan tas-sejjieħ kif ukoll juża’ passaġġi eżistenti biex ma jgħaffiġx kemm jista’ l-flora u fawna.
Segwi l-avventura ta’ Angelo Caruana permezz ta’ dan il-filmat:
We use cookies on our website to give you the most relevant experience by remembering your preferences and repeat visits. By clicking “Accept”, you consent to the use of ALL the cookies.
This website uses cookies to improve your experience while you navigate through the website. Out of these cookies, the cookies that are categorized as necessary are stored on your browser as they are essential for the working of basic functionalities of the website. We also use third-party cookies that help us analyze and understand how you use this website. These cookies will be stored in your browser only with your consent. You also have the option to opt-out of these cookies. But opting out of some of these cookies may have an effect on your browsing experience.
Necessary cookies are absolutely essential for the website to function properly. This category only includes cookies that ensures basic functionalities and security features of the website. These cookies do not store any personal information.
Any cookies that may not be particularly necessary for the website to function and is used specifically to collect user personal data via analytics, ads, other embedded contents are termed as non-necessary cookies. It is mandatory to procure user consent prior to running these cookies on your website.