
Kont taf li t-tibdil fil-klima jżid ir-riskju ta’ mard infettiv? – Loriana Mazzonello
Skont studju ġdid ippubblikat f’Nature, minħabba t-tibdil fil-klima, sal-2070, eluf ta’ viruses ġodda se jinfirxu fost speċi ta’ annimali. Dan x’aktarx iżid ir-riskju li mard infettiv emerġenti jaqbeż mill-annimali għall-bnedmin.
Ix-xjentisti ilhom ibassru u jwissu li t-tisħin globali jista’ jżid il-piż u l-konsegwenzi tal-mard.
Pereżempju, il-malarja hija mbassra li tinfirex hekk kif in-nemus li jġorru l-marda jespandu l-firxa tagħhom fi klimi aktar sħan. Iżda, billi l-infezzjonijiet jitħallew jinfirxu fi speċi organiżmi ġodda, it-tibdil fil-klima jista’ jwassal għal mard totalment ġdid.
Dan l-istudju jiffoka fuq żewġ kriżijiet ewlenin – it-tibdil fil-klima u t-tixrid ta’ mard infettiv. Ir-riċerkaturi ta’ dan l-istudju, użaw mudell biex iħarsu lejn kif aktar minn 3,000 speċi ta’ mammiferi jemigraw u jaqsmu l-viruses matul il-50 sena li ġejjin, jekk il-pjaneta tisħon b’2 gradi Celsius, li kif tissuġġerixxi riċerka riċenti x’aktarx huwa possibbli. Huma skoprew li t-tixrid tal-virus bejn l-ispeċi se jseħħ aktar minn 4,000 darba fost il-mammiferi biss.
Hekk kif it-temperaturi jogħlew, ħafna speċijiet huma mbassra li jemigraw lil hinn mill-Ekwatur, li jkun qed jisreġ, biex ifittxu klimi aktar friski. Oħrajn jistgħu jfittxu altitudnijiet aktar friski billi jitilgħu l-ġnub ta’ għoljiet u muntanji. Meta speċi differenti jiġu f’kuntatt għall-ewwel darba, il-viruses jistgħu jkunu kapaċi jinfettaw organiżmi ġodda.
Skont ir-riċerkaturi, mhux il-viruses kollha se jinfirxu għall-bnedmin jew isiru pandemiji fuq il-livell tal-koronavirus, iżda n-numru ta’ viruses bejn l-ispeċi jżid il-probabbiltà ta’ infezzjoni umana.
“Ma nitkellmux ħafna dwar il-klima fil-kuntest taż-żoonożi” – mard li jista’ jinfirex minn annimali għal nies, qal il-ko-awtur tal-istudju Colin Carlson. “L-istudju tagħna… jiġbor flimkien iż-żewġ kriżijiet globali l-aktar urġenti li għandna.”
Gregory Albery, wieħed mill-awturi ta’ dan l-istudju, qal li minħabba li l-emerġenza ta’ mard infettiv ikkawżat mit-tibdil fil-klima, li x’aktarx diġà qed isseħħ, jemmen li d-dinja għandha tagħmel aktar biex titgħallem dwar dan u tipprepara għalih “Ma jistax jiġi evitat, anke fl-aħjar xenarji tat-tibdil fil-klima,” qal Albery.
L-impatti relatati mal-klima jistgħu jibdew ħafna qabel l-2070. Fl-aħħar mill-aħħar, id-dinja diġà hija 1.1 gradi aktar sħuna milli kienet fis-seklu dsatax. Dr Carlson iddikjara, “L-ammont ta’ tisħin li kellna kien biżżejjed biex nibdew.”

Kontributriċi