
Bil-filmat: “L-annimali huma l-għaxqa ta’ qalbi. Tini l-annimali u ttini xejn iktar!” – Ġużeppa
Il-paġna tant poplari magħna l-Maltin, The People of Malta, laqqgħetna ma’ Ġużeppa, mill-Qala Għawdex, permezz tar-ritratti u filmat qasir u ħelu.
F’dan il-filmat hija tenniet bil-qawwa li l-ewwel Alla, il-Madonna u San Ġużepp u mbagħad l-annimali. Hija stqarret b’konvinzjoni li tiha l-annimali u ttiha xejn iktar, tant li tippreferi tara annimal milli n-nies.
Ġużeppa, minn dejjem għexet ġor-razzett, ħlief għal xahrejn meta kellha titla’ l-Ingilterra minħabba r-raġel. L-annimali tar-razzett, kienu l-kumpanija tagħha matul ħajjitha. Tistqarr li jekk xi ħadd joffrilha villa biex tgħix fiha hija tirrifjuta għax żgur ma tkunx kuntenta daqs kemm hi fir-razzett, imdawra b’dawn il-meravilji ta’ kreaturi.
Il-lussu ma jgħoddx għaliha, tippreferi ħajja sempliċi. M’għandekx ċans li ħa tara lil Ġużeppa r-Rabat Għawdex jew ġo xi misraħ. Minflok, lil Ġużeppa ssibha b’xi furkettun jew mgħażqa fl-għalqa għall-kwiet. L-hena tagħha tqatta’ l-ġurnata fejn it-tiġieġ, in-nagħaġ, il-papri u mdawra bil-klieb u l-qtates.
Ġużeppa żgur mhux ħa ttik animal biex toqtlu u tieklu. Żgur li le! Anzi insiha! Stqarret li tbus lill-annimali u ma tbusx lin-nies.
Għal Ġużeppa, l-annimali huma l-għaxqa ta’ qalbha!
Ġużeppa tirrakkonta kif irnexxielha tgħajjex liż-żewġ uliedha mix-xogħol li kienet tagħmel l-għalqa. Tistqarr li l-ħajja tal-lum hija differenti mill-imgħoddi.
Veru trabbejt fit-tbatija b’kisra ħobż u ġieli żebbuġa waħda x’nieklu, imma xorta aħjar mil-lum. Batejna imma konna kuntenti. Illum lanqas jekk ikollhom l-ilma jiżfen ma jkunu kuntenti.
