Select Page
Il-Kap tal-WHO jwissi li l-pandemija għadha m’għaddietx

Il-Kap tal-WHO jwissi li l-pandemija għadha m’għaddietx

Il-kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa Dr Tedros Adhanom Ghebreyesus wissa li l-pandemija għadha m’għaddietx, u qal li x’aktarx ikomplu joħorġu varjanti ġodda wara l-Omicron minħabba li dan tal-aħħar qed jikkawża żieda fil-każijiet globalment.

Il-varjant Omicron, li huwa trażmissibbli ħafna, ġie identifikat għall-ewwel darba fl-aħħar tas-sena li għaddiet u nfirex madwar id-dinja. Dan il-varjant qed iwassal għal numru ta’ każijiet rekord fl-Ewropa u globalment.

Uffiċjali tal-WHO qalu li filwaqt li l-varjant huwa inqas sever bħala medja, xorta qed jikkawża dħul fl-isptarijiet u mewt.

Id-direttur eżekuttiv tal-programm tal-emerġenzi tas-saħħa tal-WHO Mike Ryan qal li wieħed jitkellem dwar dan il-varjant bħala virus ħafif jew inqas sever jagħti l-impressjoni li dan ikun inqas sever fl-impatt tiegħu fuq is-sistema tas-saħħa. Huwa qal li dan mhux il-każ jekk il-virus ikun kapaċi jinfirex bla kontroll fis-soċjetà kollha u għalhekk qed jibqgħu jappellaw biex jinżammu u jiġu segwiti l-miżuri.

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ħarġet dawn it-twissijiet hekk kif xi gvernijiet qed jissuġġerixxu li jistgħu jittrattaw il-Covid-19 bħala marda endemika, jiġifieri waħda li tinstab regolament fost in-nies bħal virus tar-riħ jew tal-influwenza.

WHO tappella għall-kawtela fil-Milied: “Aħjar avveniment ikkanċellat milli ħajja mitlufa”

WHO tappella għall-kawtela fil-Milied: “Aħjar avveniment ikkanċellat milli ħajja mitlufa”

“L-2022 trid tkun is-sena li ntemmu l-pandemija” – WHO

Il-Kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), Tedros Adhanom Ghebreyesus, wissa li l-vaganzi tal-festi f’ħafna postijiet iwasslu għal żieda ta’ każijiet, pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa u aktar imwiet. Għaldaqstant huwa qed iħeġġeġ lin-nies biex jipposponu l-laqgħat u l-avvenimenti ta’ dan iż-żmien hekk kif il-varjant omicron qed ikompli jinfirex madwar id-dinja.

Huwa qal li l-varjant omicron qed jinfirex aktar malajr mill-varjant Delta u qed jikkawża infezzjonijiet f’nies diġà mlaqqma jew li rkupraw mill-Covid-19. Il-varjant issa ġie skopert f’mill-inqas 89 pajjiż u wassal lil bosta gvernijiet jimponu miżuri ta’ trażżin aktar stretti matul il-perjodu ta’ dawn il-festi.

Il-WHO qalet li l-każijiet qed jirduppjaw kull 1.5 sa 3 ijiem f’żoni ta’ trażmissjoni fil-komunità. L-omicron issa huwa wkoll il-varjant dominanti fl-Istati Uniti, li jammonta għal 73 fil-mija tal-infezzjonijiet kollha.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet minn nhar it-Tnejn, il-Kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa qal li li kemm dawk li jfasslu l-politika kif ukoll il-pubbliku jkollhom jieħdu deċiżjonijiet diffiċli sabiex jasal iż-żmien li nerġgħu lura għan-normal.

Żied jgħid li lkoll kemm aħna ddejjaqna b’din il-pandemija u rridu nqattgħu ħin mal-ħbieb u l-familja, u llkoll irridu nerġgħu lura għan-normal. Għaldaqstant huwa qal li l-aktar mod mgħaġġel biex nagħmlu dan huwa li kulħadd, mexxejja u individwi, irid jieħu deċiżjonijiet diffiċli li hemm bżonn biex nipproteġu lilna nfusna u lill-oħrajn.

Avveniment ikkanċellat huwa aħjar minn ħajja mitlufa,” qal il-Kap tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

Il-parlament tal-Iżvezja jeleġġi lil Magdalena Andersson bħala l-ewwel Prim Ministru mara fil-pajjiż

Il-parlament tal-Iżvezja jeleġġi lil Magdalena Andersson bħala l-ewwel Prim Ministru mara fil-pajjiż

Il-parlament tal-Iżvezja eleġġa lill-mexxej tas-Soċjal-Demokratiku u Ministru tal-Finanzi Magdalena Andersson bħala l-ewwel Prim Ministru mara tal-pajjiż.

B’kollox ivvutaw għaliha 117-il membru parlamentari, filwaqt li 174 vvutaw kontriha, u 57 astjenew.

Taħt is-sistema tal-Iżvezja, kandidat għall-prim ministru m’għandux bżonn l-appoġġ ta’ maġġoranza fil-parlament, jeħtieġ biss li ma jkollux maġġoranza kontrih.

Magdalena Andersson, li għandha 54 sena u li bħalissa hija l-Ministru tal-Finanzi tal-Iżvezja, se tingħata formalment il-kariga ta’ Prim Ministru wara laqgħa mar-Re Carl XVI Gustaf nhar il-Ġimgħa.

Minkejja li kien nazzjon li ilu jsostni l-ugwaljanza bejn is-sessi, l-Iżvezja qatt ma kellha mara bħala Prim Ministru.

Fil-fatt kien l-uniku pajjiż Nordiku li qatt ma eleġġa mara bħala Prim Ministru, għaliex fil-pajjiżi Nordiċi l-oħra kollha, in-Norveġja, id-Danimarka, il-Finlandja u l-Iżlanda kien hemm nisa jmexxu l-gvernijiet tagħhom.

Agħti d-demm u żomm id-dinja tħabbat – Il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm

Agħti d-demm u żomm id-dinja tħabbat – Il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm

Dan il-jum jipprovdi opportunità biex isejjaħ għal azzjoni lill-gvernijiet u lill-awtoritajiet tas-saħħa biex jipprovdu riżorsi adegwati u jwaqqfu sistemi biex iżidu l-ġbir tad-demm minn donaturi volontarji tad-demm.

Id-demm u prodotti tad-demm u t-trasfużjoni tagħhom huma aspetti sinifikanti tal-kura u s-saħħa pubblika. Kuljum, isalvaw miljuni ta’ ħajjiet u jtejbu s-saħħa u l-kwalità ta’ ħajja ta’ diversi pazjenti.

Il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm huwa osservat fl-14 ta’ Ġunju biex ifakkar l-anniversarju ta’ Karl Landsteinerli, li kien xjenzat kbir li rebaħ il-Premju Nobel għall-iskoperta kbira tiegħu tas-sistema tal-grupp tad-demm ABO. Ġie ċċelebrat għall-ewwel darba fl-2004 biex ixerred l-għarfien dwar il-ħtieġa għal donazzjonijiet regolari tad-demm u l-ħtieġa tiegħu li jsalva l-ħajjiet.

It-trasferiment ta’ demm jew komponenti ta’ demm mid-donatur fiċ-ċirkolazzjoni tad-demm tar-riċevitur iservi bħala operazzjoni li ssalva l-ħajja għaliex dan ikun qed jissostitwixxi ċ-ċelloli tad-demm jew prodotti tad-demm mitlufa minħabba telf ta’ demm jew minħabba depressjoni tal-mudullun.

L-islogan tal-Jum Dinji tad-Demm 2021 huwa “Agħti d-demm u żomm id-dinja tħabbat”. Huwa jenfasizza l-kontribuzzjoni essenzjali li jagħtu d-donaturi tad-demm biex id-dinja tibqa’ tħabbat billi ssalva l-ħajjiet u ttejjeb is-saħħa ta’ ħaddieħor.

Dan il-jum huwa wkoll sejħa biex aktar persuni madwar id-dinja jagħtu d-demm regolarment u jikkontribwixxu għal saħħa aħjar.

Enable Notifications    OK No thanks