Select Page
Il-President, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni jikkundannaw l-attakki fuq l-Ukrajna

Il-President, il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni jikkundannaw l-attakki fuq l-Ukrajna

Il-President George Vella, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ikkundannaw l-attakki fuq l-Ukrajna li bdew proprju dalgħodu.

Fi stqarrija, il-President George Vella esprima tħassib tiegħu u wassal l-appoġġ tiegħu lill-Gvern u lill-poplu Ukren.

Huwa qal li dan li qed iseħħ jirrappreżenta theddida mhux biss għall-poplu Ukren iżda wkoll għall-istabbiltà Ewropea u globali. Appella wkoll għal waqfien immedjat tal-attakki u irtirar tal-forzi militari mill-Ukrajna u għar-rispett tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

Il-Prim Ministru qal li minkejja li Malta se tibqa’ konsistenti favur in-newtralità u l-paċi, wieħed ma jistax jibqa’ sieket meta jkun hemm attroċitajiet, tbatija u mwiet.

Qal li t-tensjoni fl-Ukrajna u l-intelliġenza dwar il-possibbiltà ta’ attakk militari ilha tippersisti, iżda x-xeni li qed naraw bħalissa huma ta’ swied ta’ qalb. Qal li l-attentat ta’ invażjoni ta’ partijiet mill-lvant tal-Ukrajna u li qed jiġu rrappurtati eqreb lejn il-punent f’Kyiv, dejjem xtaqna li ma narawx bħalhom.

Huwa qal li bħala nazzjon għandna dover li nitkellmu u nsemmgħu l-vuċi tagħna u filwaqt li nkunu ċari u nwasslu messaġġ ta’ paċi kull fejn hemm tensjonijiet, imma rridu nikkundannaw dawn it-tip ta’ gwerer.

Żied jgħid li l-appell tal-Gvern Malti li anke l-miżuri li se jittieħdu mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar mill-aħħar iwassal għall-paċi u l-ordni, madanakollu se jibqa’ jagħti l-appoġġ u juri solidarjetà mal-Ukrajna. Dan filwaqt li jikkundanna kwalunkwe aggressjoni jew theddida fuq l-integrità u s-sovranità territorjali ta’ dan l-istat.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ikkundannaw l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna u qal li din tmur kontra l-integrità territorjali Ukrena li Malta tinsisti li tiġi rispettata.

Huwa saħaq li Malta trid tappoġġja bis-sħiħ l-isforzi Ewropej permezz ta’ sanzjonijiet ekonomiċi.

Esprima wkoll it-tħassib tiegħu li l-edukazzjoni tat-tensjoni fir-reġjun permezz tal-aggressjoni Russa fit-territorju Ukren toħloq impatti lil hinn mir-reġjun. Għaldaqstant saħaq li jeħtieġ koordinament fuq livell Ewropew biex l-effetti ikollhom l-anqas impatt fuq għajxien tal-Ewropej u tal-Maltin b’mod partikolari.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li dan hu mument ikrah ħafna, delikat I ta’ theddida għall-istabbiltà fl-Ewropa u madwar id-dinja, u għaldaqstant filwaqt li għandna nuru solidarjetà mal-poplu Ukren u nosservaw in-newtralità tagħna, irridu nwasslu l-messaġġ li azzjonijiet li jpoġġu f’riskju l-integrità u s-sovranita ta’ pajjiż mhumiex aċċettabbli.

Tisplodi karozza barra l-Isptar tan-Nisa f’Liverpool

Tisplodi karozza barra l-Isptar tan-Nisa f’Liverpool

Tliet irġiel ta’ 21, 26 u 29 sena, ġew arrestati fiż-żona ta’ Kensington taħt att ta’ terroriżmu wara li raġel inqatel fi splużjoni ta’ karozza barra l-isptar tan-nisa ta’ Liverpool.

Ftit qabel il-11 ta’ filgħodu, taxi b’passiġġier fiha splodiet, hekk kif il-pajjiż kien se jibda żewġ minuti ta’ silenzju ddedikati lil dawk li tilfu ħajjithom fil-gwerer.

Il-passiġġier ġie ddikjarat fuq il-post u għad irid jiġi identifikat formalment. Is-sewwieq indarab u jinsab l-isptar imma f’qagħda stabbli.

L-MI5, is-servizz tas-sigurtà fir-Renju Unit, qed jassisti wkoll fl-investigazzjoni ta’ dan il-każ.

Filmat li qajjem polemika fost il-Maltin – Int x’taħseb?

Filmat li qajjem polemika fost il-Maltin – Int x’taħseb?

Aktar kmieni llejla beda jdur filmat fuq il-midja soċjali li qajjem polemika kbira fost il-Maltin.

Dan il-filmat, li ttella’ fuq TikTok juri żewġ persuni ta’ nazzjonalità barranija jikkummentaw dwar il-fatt li Malta hawn ħafna barranin, u jistaqsu fejn qiegħdin il-Maltin.

Int x’taħseb? Taħseb li dawn jirrapreżentaw tassew il-fehma tal-komunità barranija f’Malta jew huma biss eċċezzjoni?

Aġġornament: Wara r-reazzjonijiet li qamu fost il-Maltin, ittella’filmat ieħor, fejn din id-darba talab skuża rigward il-filmat ta’ qabel u rringrazzja lill-Maltin talli jilqgħu lill-persuni bħalu għaliex, żied jgħid li f’pajjiżhom hemm il-gwerer u kien għalhekk li telqu. Ikkonkluda l-filmat billi reġa’ skuża ruħu għal darb’oħra u qal li l-Maltin huma l-aħjar nies.

Grey’s Anatomy ispirah biex jilħaq l-ambizzjonijiet tiegħu u issa jagħti sehmu fl-istess serje

Grey’s Anatomy ispirah biex jilħaq l-ambizzjonijiet tiegħu u issa jagħti sehmu fl-istess serje

Ħafna minna nieħdu pjaċir naraw serje televiżivi, uħud minna anke nirrelataw mat-trawma jew ma’ xi wieħed mill-karattri, imma Dr Naser Alazari ħa dan għal livell kompletament ogħla!!

Imwieled u mrobbi fl-Iraq, Alzari wera x-xewqa li jsir tabib minn mindu kellu 18-il sena. Wara li għex bosta gwerer, jgħid li ħass sens ta’ obbligu li jkun t’għajnuna f’dinja ta’ tbatija umana, faqar u mard.

Wara li kellu jħalli pajjiżu minħabba l-gwerra, ta’ 24 sena huwa spiċċa bħala tabib bla xogħol ġewwa s-Sirja. Dak iż-żmien, eżattament fl-2007, oħtu Safa insistiet u ikkonvinċietu biex jara s-serje Grey’s Anatomy, li tajjeb li ngħidu li għall-ewwel ma ried jara b’xejn.

Mill-ewwel mument li sema’ l-vuċi ta’ Dr Meredith Gray (Ellen Pompeo) wieħed jista’ jgħid li affettwatu tant li nisslet bidla fil-ħajja tiegħu! Hu stess jgħid li meta semagħha tagħmel ir-rakkont kif tagħmel f’kull episodju, xebbaħha ma ‘Aria‘ ta xi Opera.

Minn hemm għamel ħiltu biex jimbutta lilu nnifsu biex iżid il-ħiliet u l-istudji tiegħu bil-għan li jaħdem fl-Istati Uniti tal-Amerika fejn ċertament seta’ jilħaq l-għanijiet professjonali tiegħu.

U x-xogħol iebes tiegħu rnexxa!

Illum, fl-età ta’ 36 sena huwa tabib magħruf, kif ukoll ‘Senior Surgical Advisor ‘ għas-serje Grey’s Anatomy. Il-kompetenza medika tiegħu hija definittivament ta’ benefiċċju kbir biex tagħmel din is-serje tant awtentika u realistika. Meta ix-‘showrunner’ tas-sensiela Krista Vernoff kellha dubji dwar jekk kellhiex tindirizza l-pandemija tal-koronavirus fuq is-serje, Dr Alazari kien strumentali biex jikkonvinċiha li din kienet it-triq ‘il quddiem. Li kien mod eċċellenti kif ikunu mat-telespettaturi tas-serje f’dan iż-żmien diffiċli ħafna, u turihom il-fatti bl-aktar mod realistiku possibbli.

Sors: https://twitter.com/alazarius

Hu jisħaq li s-serje Grey’s Anatomy dejjem kisbet tifħir għall-immaniġġjar tal-istejjer tagħha dwar bosta kwistjonijiet mediċi u suġġetti sensittivi inklużi l-mortalità materna, abbuż sesswali u t-traffikar uman. Għaldaqstant, din id-darba m’hijiex se tkun eċċezzjoni u se jindirizzaw il-koronavirus b’sens ta’ responsabbiltà.

Kull min ra l-episodji riċenti ta’ Grey’s Anatomy żgur li jaqbel li Dr Alazari u t-tim tiegħu, il-crew, u l-kast kollu qedgħin jagħmlu xogħol eċċellenti!

Enable Notifications OK No thanks