Dak Li Nsejt (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Dak Li Nsejt (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

U hekk malli bdejt nisma’ l-ħoss tat-takkuna taż-żarbun tiegħi stess ittakkan bil-qalb fuq il-madum abjad tal-kuritur, l-istess ħsieb reġa’ beda jberren f’moħħi.
Tajt daqqa t’għajn ħafifa lejn il-veduta urbana, mimlija bini mdaqqas mit-twieqi kbar tal-istess kuritur hekk kif kont għaddejja b’pass mgħaġġel lejn il-lift forsi finalment nerġa’ nara l-arja ta’ barra wara ġurnata sħiħa xogħol. Ma ridtx noqgħod naħli ħini nerġa’ nħares lejn dawk il-blokok kbar tal-konkrit li kont naf eżatt kif kienu. Il-veduti li kienu joffru dawn il-kurituri bla kulur, kont nafhom iżjed milli bl-amment. Kont naf kull kantuniera, kull angolu, kull tabella, il-lampi tad-dawl u l-ħbula mdendlin magħhom kollha……….kollox. Saħansitra kont drajt anke fejn kienu jpoġġu l-ħamiem u l-għasafar tal-bejt biex joqogħdu jnemmsu t-toroq mimlija traffiku t’hemm taħt u jagħmlu xogħolhom.
U dak il-ħin waqaft.
Il-ħsieb.
Dak il-ħsieb li dejjem kien iberren f’moħħi, reġa’ ġie u ħa kontroll ta’ dak il-mument. Għalaqt għajnejja, ippruvajt nieħu nifs fit-tul iżda ma stajtx.
Kontra qalbi, erġajt ftakart.
André.
André kien telaqni.
Hekk.
Mingħajr rimors. Mingħajr ebda tip ta’ spjegazzjoni.
Xejn.
Ħalla warajh baħħ kbir.
Solitudni.
Uġigħ li trid tkun għaddejt minnu biex tkun taf xi jfisser.
Kultant, meta kont niftakar fih, kont inħoss l-intern ta’ ġismi kollu juġagħni. Qisu jsir parti għalih. Qisu ma jibqax jappartjeni lil ġismi. Isir parti minn vojt kbir. Vojt insapportabbli.
Kont ħabbejtu.
Ħabbejtu ta’ veru. U kieku stajt kont nagħtih id-dinja. Id-dinja kollha.
Imma kont naf…………
Kont naf li ma riedx dak li stajt noffrilu jien.
Ried iżjed.
Ried lil ħaddieħor.
U għal mument xtaqt nikkalma lili nnifsi bil-ħsieb li ħadd ma seta’ jħobbu kif kont ħabbejtu jien.
Kemm xtaqt………

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Moħħok hemm meta tixtri minn fuq Facebook! – Tanja Cilia

Moħħok hemm meta tixtri minn fuq Facebook! – Tanja Cilia

“Tafdax, biex ma tħallilx”

Naħseb li bħali xbajtu taraw “Free”, jew inkella “€1” immarkati taħt xi ħaġa li tkun għall-bejgħ, iżda meta tistaqsu dwar l-oġġett, issiru tafu li mhux talli ma jkunx b’xejn, jew kważi b’xejn, talli jiswa l-belli liri.

Hawn ħafna min ingidem, u hawn ħafna min għamel kemxa flus, minn dawn in-negozji. Għax jiġu bil-ħlewwa kollha, u jgħidulek li “bargain” u “għandhom bżonn il-flus” u li “tidher mara sew”, u ħafna kliem fieragħ ieħor.

Għalhekk tajjeb li żżomm moħħok hemm meta tiġi biex tixtri.

  • Data ta’ meta beda l-profil: Issib min jibda profili bl-addoċċ, kemm ibiegħ xi affarijiet, jew saħansitra jippretendi li se jbiegħhom, u jisparixxi. Jista’ jkun każ ġenwin għax ikun wiret xi affarijiet u jrid jeħles minnhom; iżda din ħaġa rari.
  • Dejjem itlob irċevuta: Jekk jista’ jkun, ħallas b’ċekk jew xi metodu bħal PayPal, biex hekk ikollox għal waħda, tnejn. Irċevuta mingħand bniedem li ma jeżistix, ma tiswiex.
  • Ikkomunika biss fuq Facebook: La bdejt minn hemm, kompli hemm. Iddurx għal imejl jew WhatsApp. Qatt tiltaqa’ ma’ xi ħadd, waħdek, u ltaqa’ biss meta jkun se jsir il-bejgħ. Qatt tagħti n-numru personali tat-telefon tiegħek.
  • Jitlob ħlas bil-quddiem: Tixtrix ħut fil-baħar. L-aħjar metodu dejjem jibqa’ Cash on Delivery. Issib min iħeġġeg biex tħallas depożitu, biex l-oġġett ma jinbigħx lil ħaddieħor. Jekk lesta li tħallas, ara li qatt ma jkun iżjed minn 25% tal-ħlas dovut, u dejjem itlob irċevuta (u ftakar li jekk il-profil hu falz, il-flus m’intix se tarahom b’għajnejk qatt iżjed).
  • Posta rreġistrata: Dejjem insisti li jekk ġej bil-posta, l-oġġett ikun irreġistrat, biex tkun taf fejn qiegħed sakemm jasal għandek.
  • Prezz fiss: Jekk il-bejjiegħ f’daqqa waħda jgħidlek li se jkollu jżidlek il-prezz, bl-iskuża li kien nesa jiċċekkja kemm iqum, mal-irkantatur, jew li hemm ħafna oħrajn li jriduh, mela allura, għidlu li jista’ jbiegħu lil ħaddieħor.
  • Profil falz; Dejjem agħmel ‘reverse search’ tar-ritratt; għandek mnejn issib li dan xi mudell jew saħanistra akkademiku f’Università Franċiża. Oqgħod attentat meta tara li m’hemmx ritratt, iżda kelb, fjura, jew inżul ix-xemx.
  • Rapporti: Qatt tiddejjaq tirrapporta li min ipprova jidħaq bik. Hawn min jippoża ta’ bejjiegħ, jew ta’ xerrej, speċifikament biex jagħmel il-frodi.
  • Ritratt: Dejjem esiġi li jkollok ritratt tal-oġġett kif inhu, biex ma jkunx hemm tħaqqieq dwar dan, wara.

Tafdax: In-nanniet Maltin jgħidulna “Tafdax, biex ma tħallilx”, u għandhom raġun.

L-importanza li nifhmu minn fejn verament tkun ġejja r-rabja – Tanja Cilia

L-importanza li nifhmu minn fejn verament tkun ġejja r-rabja – Tanja Cilia

Hawn min jgħid li r-rabja hija kurazza li tipproteġina mill-għemil ħażin ta’ ħaddieħor. Hawn min isostni li r-rabja hija velenu li jħassarlek saħħtek.

Dan forsi minnu, u forsi le; li hu żgur hu li wara r-rabja dejjem ikun hemm moħbija emozzjonijiet oħra. Inti forsi taħseb li qed tirrabja ma’ xi ħadd, imma dak il-ħin ma tkunx qed tqis is-sentimenti li tqajmu fik. Din insejħulha l-Anger Iceberg, għax naraw biss li jidher, u d-dwejjaq, il-mistħija, id-dipressjoni, u l-biża’ ma jidhrux.

Ir-rabja ġġiegħel id-demm jiċċirkola f’idejna, ir-rata tat-taħbit tal-qalb tiżdied, u l-ormoni, fosthom l-adrenalina, joħloqu spinta t’enerġija u hawn tidħol l-espressjoni Ingliża “fight or flee”.

Hawn familji fejn ir-rabja ma titħalliex teżisti; kulħadd irid iżomm l-emozzjonijiet negattivi msakkrin fih; u meta niltaqgħu magħhom f’xi ħaddieħor, niksħu.

Identifika s-sentimenti li mhux qed jidhru; Antida tirrabja għax xi ħadd ipparkja fejn soltu tipparkja hi. Imma fil-fatt, illum għeluq sninha, u ħadd ma ftakar.


Janet irrabjata għax il-kolazzjon tal-iskola illum bil-perżut, mhux bil-mortadella; imma fil-fatt, Shanice għaddietha b’żewġ marki fit-test tal-Germaniż. Irene irrabjata għax ix-xita xarbitilha l-ħasla. Imma fil-fatt, qed tibża’ li għandha kanċer. Sophia irrabjata għax inkisrilha difer. Imma fil-fatt, qed tħoss li hi biss, minn sitt aħwa, qed tieħu ħsieb il-ġenituri, “għax baqgħet xebba”.

Kultant ir-rabja tkun l-emozzjoni bażika li nuru għal xi ħaġa li ma tkunx, jew ma tmurx, kif nixtiquha aħna. Imma għalkemm din qisha xi ħaġa normali, ma tibqax hekk, jekk int tagħmel il-ħajja ta’ ħaddiehor miżerja minħabba xi ħaġa li mhux tort tagħhom, u li int ma tistax tirranġaha.

Min ikun qed jirrabja miegħek, mhux bilfors li jkun qed jirrabja għalik; imma dak il-ħin… int hemm quddiemu. Ir-rabja tgħin li dak li jkun biex ma jħossux vulnerabbli; jaħseb li int se titwaħħax, u ma tweġġgħux iżjed.

Jekk int tipprova tifhem il-kawża tar-rabja, forsi tasal biex tifhem lill-persuna li qed tirrabja. Min qed jirrabja forsi jaħseb li s-sentimenti tiegħu qatt ma jkunu indirizzati jew validati, u r-rabja hija l-frustrazzjoni li jħoss.


Jista’ jkun li r-rabja hija talba għall-għajnuna għax il-persuna tħossha megħluba minn xi sitwazzjoni li tkun fiha – abbuż, vizzji, dejn, mard, ġlied…

Jeħtieġ li meta jkun hemm ir-rabja, kemm tagħna u kif ukoll ta’ ħaddiehor, inħarsu lil hinn minnha.

Importanti li meta naraw lil xi ħadd jirrabja, la niddieħqu bih, u wisq inqas, ma ngħidulux biex jikkalma għax qed tirreaġixxi żżejjed. B’hekk, inkunu qed ngħidulu li m’għandux dritt juri li jħoss; aħseb u ara kemm se jrabbi l-kuraġġ biex jiftaħ qalbu dwar dak li mhux qed jidher.

“Jeħtieġ li aktar persuni b’diżabilità jitkellmu dwar il-bżonnijiet tal-intimità u s-sesswalità” – Lynn Aquilina

“Jeħtieġ li aktar persuni b’diżabilità jitkellmu dwar il-bżonnijiet tal-intimità u s-sesswalità” – Lynn Aquilina

Nitkellmu ma’ Lynn Aquilina

Lynn, għidilna ftit dwarek. Min hi Lynn Aquilina?

Mela Lynn hi mara ta’ 31 sena li tħobb il-ħajja u tħobb tgħix. Jien persuna sensittiva, nisma’ u nosserva ħafna. Inħobb nesperjenza affarijiet ġodda, anke jekk ġieli nibża’ jew nippanikkja ħafna għax inħalli l-ħsibijiet jiġru bija! Nemmen li kieku, ma ppruvajtx u ma nippruvax affarijiet u esperjenzi ġodda ma niltaqax ma’ nies ġodda li jgħinuni biex kemm jista’ jkun dejjem noħroġ l-aħjar tiegħi u ma neħilx mal-limitu tad-diżabilità fiżika li għandi. Minkejja dan kollu li għidt, inħoss li għadni ma nafx ma nafx min jien, għax kuljum ninbidel u niskopri ħaġa ġdida fija li ma kontx naf qabel.

Il-kapaċità tiegħek li tesprimi ruħek b’mod tajjeb ħafna u profond permezz tal-kitba, hija xi ħaġa li wieħed ma jistax ma jinnutax dwarek. Kif nibtet il-passjoni tiegħek tal-kitba, u x’libertà tagħtik?

Il-passjoni tal-kitba tmur lura għal meta kont fir-raba’ sena tal-primarja. Niftakar, l-għalliema kienet taqralna kuljum mill-kotba ta’ Trevor Zahra. Minn dak iż-żmien ‘il quddiem għidt li rrid insir bħal dan l-awtur bravu ħafna. Qrajt il-kotba kollha tiegħu għax jaffaxxinani kif jiżvolġi l-istejjer tiegħu bi kliem sempliċi u b’ritmu mexxej. Insomma f’kelma waħda sar l-idolu tiegħi, tant li fis-sekondarja meta kien ikollna komponiment kont nipprova nuża’ l-istil ta’ kitba tiegħu. L-għalliema kienu qaluli li għandi talent, imma bqajt ma ħadtux bis-serjetà sakemm spiċċajt mis-sekondarja.

Kont spiċċajt inqatta’ ħafna ħin id-dar, fija kien hemm vojt u monotonija kbira tant li waqajt f’dipressjoni. Imbagħad wara ħafna insistenza mingħand ħabibti ħarbixt l-istorja tiegħi. Minn hemm ma ħaristx lura, kuljum nikteb xi ħaġa, anki jekk tkun sentenza waħda biss. Bil-kitba, jien nista’ mmur u nimraħ kullimkien. Tilliberani għax meta nikteb jien ninsa għal ftit il-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħi u nidħol f’dinja oħra. Dinja fejn l-ispirtu tiegħi jtir ‘il fuq mingħajr ma jwaqqfu ħadd.

X’definizzjoni għandha d-diżabilità għalik personali?

Għalija d-definizzjoni tad-diżabilità tvarja ħafna. Skont iċ-ċirkostanzi li nkun fihom u l-burdati li jkolli. Ikun hemm ġranet fejn inħossni qisni għandi ġgant jgħaffeġ fuqi u rrid inkompli bil-ġurnata tiegħi, bih idur miegħi kullimkien. Drabi oħra lanqas biss taffettwani li jien b’diżabilità, għax inkun qed inħossni tajba fija nnifsi. Imma jien inħobb nara l-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħi bħala gaġġa li ssakkarni milli nagħmel dak li nixtieq. Għalkemm dejjem nipprova nsib mezzi kif indur ma’ din il-gaġġa, ġismi, biex fl-aħħar xorta nagħmel dak li nixtieq.

Kemm-il darba titkellem dwar l-intimità u s-sesswalità. L-ewwel nett, int personali kif tiddistingwi bejn dawn it-tnejn?

L-intimità u s-sesswalità huma konnessi u relatati ħafna ma’ xulxin, imma mhumiex l-istess. Għalija l-intimità hi u sseħħ kull meta nagħżel li nara lill-persuna l-oħra mhux bl-għajnejn fiżiċi tiegħi, iżda bl-għajnejn ta’ ruħi. Dawn l-għajnejn li jaraw il-bżonnijiet l-aktar profondi tal-oħrajn biex hekk nitqanqal minn ġewwa ħalli mhux biss ngħinhom, iżda mmur pass oltre minn hekk, insir naf l-istorja tagħhom u nitwaħħad magħhom, mhux għall-pjaċiri tiegħi, imma għax jinteressani u nħobb verament lill-oħrajn.

Is-sesswalità, imbagħad hi dak kollu li jagħmilni l-mara li jien. L-ewwel aspett tas-sesswalità jistedinni biex jien inħobb, nirrispetta u nkun konxja tas-sbuħija tal-feminilità tiegħi. Imbagħad għalija, l-att sesswali jikkumplimenta u jgħaqqad is-sbuħija tiegħi, ma’ dik ta’ ħaddieħor biex nikber fl-għarfien li ma nistax ngħix mingħajr ma nħobb verament biex nagħti ħajja lill-ieħor u eventwalment jista’ jkun hemm lok ta’ ħolqien ta’ ħajja wkoll.

Mill-perspettiva tiegħek, x’inhuma l-isfidi li trid tiffaċċja b’mod kontinwu fejn jidħlu l-intimità u s-sesswalità? X’inhuma n-nuqqasijiet li tħoss l-aktar bħala mara?

Fejn jidħlu l-persuni b’diżabilità, l-intimità u s-sesswalità għadhom tabù. Personalment din ir-realtà ttaqqalni ħafna għax ikolli ngħixha waħdi, naħbi l-bżonnijiet, ix-xewqat u l-emozzjonijiet naturali tiegħi. Ngħixha waħdi fis-skiet għax inħoss li s-soċjetà inġenerali ma tqishomx dawn il-bżonnijiet tal-persuna b’diżabilità u ma tiddistingwix bejn intimità u sesswalità. Jista’ jkun li persuna b’diżabilità tkun trid biss l-intimità, din tinkludi tgħanniq, karezzi, tmellis fix-xagħar, tpoġġi fuq xi ħadd eċċ.

L-akbar nuqqas li naħseb li hawn hu li persuni b’diżabilità ma jitkellmux biżżejjed fuq dawn il-bżonnijiet tagħhom fil-pubbliku. Allura, imbagħad ovvja li n-nies t’hemm barra ma jistgħux ikunu jafu vera xi nħossu aħna, jistgħu biss jispekulaw!

X’inhuma x-xewqat tiegħek f’dan ir-rigward? X’tixtieq li jsir?

Nixtieq li aktar nies ma jinħasdux u ma jibżgħux meta nesprimi dawn il-bżonnijiet li għandi. Ħeq, jien bniedma tad-demm u l-laħam bħal kulħadd! Hemm bżonn li jsiru aktar diskussjonijiet edukattivi fuq dan is-suġġett fuq it-televixin u l-midja soċjali.

X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar is-servizzi ta’ sex workers għal persuni b’diżabilità?

Naqbel li jkun hawn is-servizz ta’ sex workers, iva għaliex le. Basta dan ikun regolat u jkun hemm persuni mħarrġa sew kif jiffaċċjaw u jittrattaw persuni b’diżabilità, l-aktar meta dawn ikunu vulnerabbli.

Jekk dan it-tip ta’ servizz jiġi legalizzat f’Malta, tikkunsidra li tagħmel użu minnu int personali?

Mistoqsija diffiċli din! Kieku mmur żgur imma mhux għas-sess, l-ewwel ħaġa li nixtieq nagħmel hu li niskopri lil ġismi, għax minħabba li ma nużax idi sew ma nistax inkun intima miegħi nnifsi. Minħabba f’hekk f’dan l-aspett inħoss li għadni tifla u mhux mara. Allura nitlob l-għajnuna tas-sex worker biex nagħmel dan, rigward jekk nagħmilx is-sess ma’ sex worker illum bħalissa ngħid le. U ngħid le, għax nixtieq relazzjoni u s-sess waħdu narah bla sens mhux komplut, qisni mort ikla u qbiżt fid-deżerta mill-ewwel. Is-sess mingħajr relazzjoni u intimità nħoss li jitlef l-iskop u s-sbuħija tiegħu.

Liema mentalità tas-soċjetà ġenerali tħoss li hemm bżonn tinbidel l-aktar? U int, xi tħoss li tista’ tagħmel, jew x’qed tagħmel biex tagħti sehmek għal din il-bidla?

Thank God il-mentalità tas-soċjetà inġenerali lejna l-persuni b’diżabilità tjiebet ħafna, l-aktar fl-oqsma tal-aċċessibiltà u l-edukazzjoni għalkemm bħal f’kollox baqa’ xi jsir. Biss l-iżjed setturi li narahom baqgħu lura huma tax-xogħol u s-sesswalità. Mhux ħa noqgħod nirrepeti dwar is-suġġett tas-sesswalità, biss ma nafx għala persuna toqgħod lura milli turi affezzjoni lejn persuna b’diżabilità. Forsi jista’ jkun li dak li jkun joqgħod lura għax ma jkunx irid li l-persuna b’diżabilità tiggranfa miegħu bħal qarnita u tifhmu li jrid relazzjoni magħha, ma nafx eżatt. Biss ma fiha xejn ħażin billi tgħannaq u tikkarezza lil persuna b’diżabilità. L-importanti li jkun hemm komunikazzjoni ċara u diretta fuq l-emozzjonijiet taż-żewġ persuni kkonċernati.

Fil-qasam tax-xogħol, hi ħaġa frustranti ħafna li aħna l-persuni b’diżabilità jkollna l-kwalifiċi kollha meħtieġa u ma nsibux xogħol għas-sempliċi raġuni li min iħaddem ma jemminx fina. Min-naħa tiegħi, nieħu kull opportunità biex nitkellem fuq id-diżabilita’. Fil-fatt ħloqt grupp fuq Facebook jismu ‘People with Cerebral Palsy in Malta’. Fih inqajjem kuxjenza fuq dawn is-suġġetti u oħrajn li jolqtu lilna direttament bħala nies b’diżabilità.

Is-saħħa mentali u persuni b’diżabilità. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan?

Nemmen li s-saħħa mentali tal-persuni b’diżabilità trid tkun kemm jista’ jkun dejjem fl-aħjar forma possibbli. Għax diġà hu piż kbir li wieħed iġorr il-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħu kuljum bil-konsegwenzi u l-kumplikazzjonijiet kollha li dawn iġibu magħhom. Għalija li nkun mentalment b’saħħti hi xi ħaġa li ma nistax ngħaddi mingħajrha għax inkella ma nkunx nista’ nkampa mal-ostakli tad-diżabilità. Apparti minn hekk, tgħallimt u qed nitgħallem kif it-toqol tal-ħajja ta’ kuljum naqsmu ma’ dawk il-persuni li jien nafda biex dan il-piż ma jagħlaqnix fija nnifsi biex nipprova nkun pożittiva.

Inkun korretta jekk ngħid li int persuna reliġjuża ħafna? X’differenza jagħmel dan il-fatt fil-ħajja ta’ kuljum tiegħek?

Jien ma ngħidx li jien persuna reliġjuża għax għalkemm nieħu sehem fil-quddies kważi kuljum, hemm xi affarijiet fil-knisja li jien ma naqbilx magħhom. Imma ngħid li jien persuna li nħaddan il-fidi Kattolika. Iva, għalija l-fidi f’Ġesù hi kollox, għax bil-fidi jien kapaċi ngħix din it-tbatija tad-diżabilità bit-tama u bi skop li din ma tkunx kollha għalxejn. Anzi nħoss li Alla jrid u għandu sejħa partikolari permezz tad-diżabilità u jridni nwassal imħabbtu permezz tal-istess diżabilità.

Taħseb li l-Knisja Kattolika għadha tħares u tirreferi għall-persuni b’diżabilità bħala “anġli” u “speċjali”?

Iva, sfortunatament din il-mentalità tal-‘anġli u speċjali’ ilha magħna minn meta twaqqfet id-Dar tal-Providenza. Diffiċli ħafna tneħħi din il-mentalità, l-aktar għaliex huma ftit dawk il-persuni b’diżabilità li jinvolvu ruħhom fi gruppi taż-żgħażagħ bħali, li hi ħasra għax kull persuna għandha x’toffri. Nixtieq nara aktar nies b’diżabilità jinvolvu ruħhom fil-knisja biex ngħaddu l-messaġġ li aħna mhux karità biss irridu imma għandna x’nagħtu ukoll.

Naf li int taħdem. X’inhu x-xogħol tiegħek? U kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek fid-dinja tax-xogħol?

Jien ilni naħdem għal dawn l-aħħar 4 snin bħala data inputer ma’ kumpanija privata. Ix-xogħol lili tani d-dinjità li jistħoqqli u fejn qabel kont nistħi u naħrab mill-mistoqsija meta jistaqsuni x’nagħmel, issa m’għadnix. Peresss li naħdem dejjem mid-dar, nixtieq li jkolli l-opportunità li niltaqa’ mal-impjegati wiċċ imb’wiċċ, imma overall għal qalbi ħafna li japprezzaw xogħli.

Lynn, ma nistax ma nsemmilekx il-ħbiberija speċjali li ċertament hija importanti ħafna għalik. Xi jfisser għalik David? X’differenza jagħmel f’ħajtek u x’jagħmel il-ħbiberija tagħkom speċjali?

Inħossni mbierka ħafna li għandi ħabib bħal David. Għandi ħafna ħbieb u kollha jgħinuni ħafna, min b’mod u min b’ieħor, imma David jispikka fosthom kollha. Konna ltqajna mill-grupp tal-LAND, grupp għall-persuni b’diżabilità biex jissoċjalizzaw u hu kien ġie magħna bħala volontier. Imbagħad sirna ħbieb tal-qalb madwar 4 snin ilu meta kont għaddejja minn żmien diffiċli. Minn dakinhar sal-lum dejjem sibtu hemm għalija. Għamilna minn kollox flimkien, morna l-Olanda u ħa ħsiebi hu, immorru weekend breaks, iniżżilni l-baħar waħdu eċċ eċċ.

Niftakar darba qalli, li hu jrid jgħinni nagħmel dak li nħoss ġewwa fija, imma li ma nkunx nista’ noħorġu fuq barra minħabba d-diżabilità. Għalija, David huwa ħija li m’għandix, tant għandna ħbiberija intima bejnietna li min ma jafx li David miżżewweġ jaħseb li qiegħdin flimkien! Daqshekk hi speċjali l-ħbiberija tagħna u nittama li tibqa’.

Għidilna ftit dwar il-kotba li ktibt s’issa. Minn fejn ġiet l-idea u l-ispirazzjoni għalihom? Hemm pjan għal ktieb ieħor?

Mela, l-ewwel ktieb tiegħi jismu ‘Namra’ hu ġabra tal-ħsibijiet u l-poeżiji tal-bidu nett tal-kitba tiegħi u t-tieni ktieb jismu ‘Tiżwiqa’. ‘Tiżwiqa’ jikkonsisti f’10 novelli qosra soċjo-reliġjużi. Kollox jispirani jien, l-aktar l-esperjenzi li ngħaddi minnhom jien u persuni viċin tiegħi. Issa bdejt nikteb rumanz, forsi nippubblikah ‘il quddiem.

Għandek xi ħolm li tixtieq twettaq?

Jien persuna li ngħix ġurnata b’ġurnata, kull opportunità li tħabbatli l-bieb neħodha, però ma nippjanax ħafna għal quddiem għax jekk ma jirnexxilix inwettaq dak li jkolli f’moħħi naqa’ ħażin ħafna. Li nixtieq li nerġa’ nsiefer u nagħmel aktar avventuri partikolarment ma’ David.

X’inhu l-aħħar messaġġ tiegħek?

Nixtieq nirringrazzjakom għax permezz ta’ din l-intervista erġajt skoprejt affarijiet fija nnifsi li kont insejt.

Lynn se tkun ukoll qed tikkontribwixxi b’mod regolari fuq skoperta.net!

L-importanza li tieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħek waqt pandemija – Danica Ann Cassar

L-importanza li tieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħek waqt pandemija – Danica Ann Cassar

Fil-klinika qed niltaqa’ ma’ ħafna problemi tas-saħħa mentali relatati ma’ ansjetà u telf ta’ direzzjoni bħala riżultat mill-pandemija.

Ilna kważi sentejn għaddejjin mill-pandemija u bħala umani qed insibuha diffiċli kultant inkomplu nissieltu mal-ħajja minħabba l-inċertezzi li qed ngħixu fihom. Hemm min jgħid imnalla ġiet dil-pandemija ghax ħadt pawża u hemm min il-pandemija ħaditlu lil xi ħadd li jgħożż jew qalbitlu ħajtu ta’ taħt fuq. Kollha qed nesperjenzaw il-pandemija b’mod uniku u differenti u għalhekk huwa tajjeb li nitkellmu dwar dak li ghaddejjin minnu.

Bil-vaċċin primarjament qed nieħdu ħsieb is-saħħa fiżika tagħna li hija importantissima. Però għad m’għandniex xi ħaġa bħal vaċċin li tipproteġina għas-saħħa mentali tagħna. Minħabba ċerti esperjenzi ta’ iżolazzjoni, biża’ u inċertezza li għaddejna minnhom wassal li tmajna is-saħħa mentali tagħna. Hemm min għandu trawma u għadu għaddej minnha tort tal-pandemija. Hemm min qed isibha diffiċli jqum filgħodu u jmur ix-xogħol. Hemm min qed iħoss l-ansjetà u ma jafx minn fejn hi ġejja. Dawn jistgħu jkunu sintomi għaliex wieħed ikun għaddej minn bidla. L-ebda bidla mhi faċli.

Ħaġa importantissima li rridu nagħmlu biex nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħna hi li nirrealizzaw minn xiex għaddejjin u nitolbu għas-sapport. Dan jista’ jkun billi nitkellmu ma’ xi ħadd li jifhimna u jagħtina xi parir, xi ħadd tal-familja, kollegi jew ħbieb. Meta nitkellmu ma’ xi ħadd, speċjalment jekk huwa xi ħadd professjonali jista’ jservi ta’ gwida ta’ kif nistgħu nieħdu ħsieb tagħna nfusna u nirregolarizzaw l-emozzjonijiet tagħna.

Kultant tkun xi ftit diffiċli li nafdaw lil ħaddiehor bil-problemi u l-ħsibijiet tagħna għax forsi nibżgħu li ma jifhmuniex. Propju minħabba l-importanza tas-sapport soċjali u professjonali qed jinħolqu gruppi żgħar ta’ terapija onlajn fejn inti tista tikseb is-sapport mill-kumdità ta’ darek. L-għan ta’ dawn il-gruppi hu li jkun hemm spazju fejn tista’ titkellem u tiftaħ qalbek ma’ counsellor u tiltaqa’ ma’ nies li għaddejjin minn sitwazzjoni simili. Kultant li nkunu nafu li m’aħniex waħedna tgħin ħafna wkoll.

Issieħeb ma’ dawn il-gruppi billi tikkuntattja lil Willingness fuq 79291817 jew fuq info@willingness.com.mt biex tieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħek aħjar.

Enable Notifications OK No thanks