Sessjonijiet ta’ sapport għall-aħwa ta’ persuni b’diżabilità minn Aġenzija Sapport

Sessjonijiet ta’ sapport għall-aħwa ta’ persuni b’diżabilità minn Aġenzija Sapport

Is-sapport lill-familji ta’ persuni b’diżabilità huwa importanti ħafna. Dan minħabba li l-persuni b’diżabilità jiggwadanjaw ferm meta jkunu qed jgħixu fil-komunità, u jibqgħu jgħixu d-dar mal-familja. Madanakollu, il-familji jgħaddu minn diversi ċirkostanzi li jekk ma jsibux għajnuna, id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom sabiex ikomplu jieħdu ħsieb lill-individwu b’diżabilità, jistgħu jikbru.


Fin-nukleu tal-familja hemm ukoll l-ulied l-oħra, l-aħwa li minn ċkunithom ikunu draw li hi responsabilità ta’ kull membru li jindokra lill-membru b’diżabilità. L-esperjenzi ta’ dawn l-aħwa huma varji – min jieħu r-rwol ta’ kuratur maż-żmien, min iħoss li ma jkunx forsi ingħata biżżejjed attenzjoni daqs ħuthom b’diżabilità minħabba ċ-ċirkostanzi, min kien involut fit-trobbija ta’ ħuthom b’diżabilità u min le.

Fattur komuni bejn l-aħwa kollha jibqa’ li kollha għandhom għal qalbhom il-benesseri ta’ ħuthom u li jagħmlu minn kollox sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jgħinu lil ħuthom b’diżabilità tul ħajjithom u jagħtu l-kontribut tagħhom waqt li jirrikonoxxu l-fatt li l-ħajja tagħhom evolviet u li f’ċerti sitwazzjonijiet jista’ jkun li jkollhom bżonn is-sostenn huma wkoll.

Dawn huma biss ftit mill-fatturi li Aġenzija Sapport tindirizza waqt sessjonijiet li professjonisti fi ħdanha, inkluż ħaddiema soċjali, imexxu bħala gruppi ta’ sostenn għal aħwa adulti ta’ persuni b’diżabilità.

Dawn is-sessjonijiet joffru spazju fejn dawn l-aħwa jiltaqgħu flimkien u jaqsmu flimkien esperjenzi, diffikultajiet, ħsibijiet u sfidi ma’ oħrajn li jkunu fl-istess sitwazzjoni tagħhom, waqt li jkunu jistgħu wkoll jevalwaw kwistjonijiet u possibilitajiet għall-futur.

Parteċipanti minn gruppi simili fil-passat stqarrew li dawn il-gruppi u laqgħat servew sabiex iħossuhom li mhumiex weħedhom u li wkoll ingħataw stampa ċara anke dwar x’servizzi huma u l-familjari tagħhom jistgħu jaċċessaw.


Uħud mis-suġġetti li huma koperti waqt dawn is-sessjonijiet huma:

  • Relazzjonijiet familjari: X’impatt ikollhom il-ġenituri fuq l-ulied li għandhom diżabilità
  • Kif tħares il-komunità lejn persuni b’diżabilità u kif iħossuhom l-aħwa dwar dan
  • Kif jieħdu ħsieb tagħhom infushom
  • Servizzi disponibbli
  • L-impatt fuq deċiżjonijiet tal-ħajja tagħhom

Bħalissa Aġenzija Sapport qed tilqa’ applikazzjonijiet għal gruppi ġodda li se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. Is-sessjonijiet se jsiru darba fix-xahar. Se jkun hemm 12-il sessjoni b’kollox, u kull sessjoni ddum sagħtejn. Sabiex ikun assigurat li nimxu mal-miżuri maħruġa mill-Awtorità tas-Saħħa kull workshop se jkollu massimu ta’ 10 parteċipanti, bi preżentazzjoni ta’ ċertifikat validu tal-vaċċin. Grupp żgħir hu ideali sabiex kull parteċipant ikollu ħin biżżejjed biex jiddiskuti l-ħsibijiet tiegħu jew tagħha. Grupp żgħir jgħin ukoll biex il-persuna tħossha komda li tista’ titkellem.

Dawn il-gruppi huma miftuħa għal aħwa li jkunu għalqu t-18-il sena. L-attendenza hija mingħajr ħlas iżda wieħed jeħtieġ li jibbukkja.

Dan jista’ jsir permezz ta’ formola ta’ applikazzjoni li tista’ titniżżel jew tintbagħat mis-sit elettroniku www.sapport.gov.mt jew billi wieħed jagħmel kuntatt ma’ Aġenzija Sapport (Helpline – Freephone 153 u jagħfas in-numru 5 / iċempel fuq 2256 8000 / jibgħat email fuq sapport@gov.mt). Wieħed jista’ jagħżel li jattendi sessjonijiet filgħodu jew filgħaxija.

Segwi b’mod virtwali ċ-ċelebrazzjoni tal-maħbub Dr Victor Calvagna

Segwi b’mod virtwali ċ-ċelebrazzjoni tal-maħbub Dr Victor Calvagna

Illum tingħata l-aħħar tislima lill-konsulent tant maħbub Dr Victor Calvagna.

Tista’ ssegwi virtwalment b’mod dirett iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja tiegħu li se ssir fil-Bażilika ta’ Marija Assunta fil-Mosta, fit-15:30.

Dr Victor Calvagna miet fl-4 ta’ Jannar fl-età ta’ 63 sena wara li kien sofra minn ġrieħi gravi wara li ttajjar minn karozza fil-Qawra. Huwa kien ilu tmint ijiem jissielet għal ħajtu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-isptar Mater Dei.

Il-mewt tiegħu kienet telfa kbira mhux biss għall-familja u dawk qrib tiegħu iżda għall-eluf ta’ nies li xi darba jew oħra Dr Calvagna għamel impatt f’ħajjithom.

Bosta esprimew il-gratitudni lejn dan il-Konsulent li kien għalihom kien pilastru mhux biss mediku iżda wkoll mill-aspett morali.

Dr Calvagna ħa l-ispeċjaliżżazzjoni tiegħu ġewwa r-Royal Marsden Hospital, l-Ingilterra u kien l-ewwel konsulent Malti tat-tfal morda bil-kanċer.

Filmat: Il-Kalakku b’kanzunetta kontra l-vjolenza domestika fuq in-nisa

Filmat: Il-Kalakku b’kanzunetta kontra l-vjolenza domestika fuq in-nisa

Ftit tal-jiem ilu, il-kantant Matthew Attard magħruf bħala Il-Kalakku nieda kanzunetta ġdida b’messaġġ pjuttost b’saħħtu u dirett.

Mara, kanzunetta miktuba minn Matthew stess, tittratta l-vjolenza domestika fuq in-nisa u t-tbatija, ħafna drabi fis-silenzju, li jgħaddu minnha.

Meta staqsejna lil Matthew x’kien li wasslu biex jikteb kanzunetta bħal din, qalilna li kien il-fatt li minkejja li hawn ħafna għarfien kontra l-vjolenza domestika, xorta jibqgħu jiġru każijiet u traġedji u għaldaqstant kiteb il-kanzunetta bit-tama li l-messaġġ tagħha jkun aktar effettiv.

Il-kanzunetta hija ddedikata għal dawk kollha li b’xi mod jew ieħor sfaw vittma ta’ vjolenza domestika, u dawk li tilfu wkoll ħajjithom, riċentament Paulina Dembska.

Jispikka wkoll il-messaġġ minn Matthew fl-aħħar tal-filmat, li ġie rrekordjat minn Gilkicker Music u ffilmjat minn Marlon Polidano, fejn ġibed ukoll l-attenzjoni li s-sitwazzjoni tista’ tkun ukoll viċi versa.

Konsulent li ta servizz b’dedikazzjoni u mħabba – X’differenza għamel Dr Calvagna f’ħajtek?

Konsulent li ta servizz b’dedikazzjoni u mħabba – X’differenza għamel Dr Calvagna f’ħajtek?

Waħda mit-traġedji li bħalissa qiegħdin fuq fomm kulħadd hija dik li wasslet għat-telfa kbira mhux biss għall-familja tiegħu u dawk qrib tiegħu, iżda wkoll għall-pajjiżna, partikolarment dawk il-pazjenti kollha li xi darba jew oħra kellhom kuntatt ma’ Dr Calvagna.

Victor Calvagna, Konsulent tat-tfal morda bil-kanċer u President ta’ Puttinu Cares, miet fl-età ta’ 63 sena, ġimgħa wara li ttajjar minn karozza.

Il-mewta traġika tiegħu qajmet reazzjonijiet u emozzjonijiet ta’ diqa, dispjaċir, u forsi anki ta’ rabja, iżda qajmet ukoll reazzjonijiet ta’ mħabba, apprezzament u gratitudni lejn dan il-bniedem li ddedika ħajtu għal dawk li kienu jiġu bżonn is-servizz tiegħu.

Ħafna nies, partikolarment pazjenti u familjari tagħhom qed isellmu lil Dr Calvagna u jesprimu l-impatt li ħalla f’ħajjithom iddeskrivuh mhux biss bħala l-konsulent tagħhom jew ta’ wliedhom iżda wkoll ħabib, li kienu jsibuh f’kull ħin tal-ġurnata.

Bosta semmew il-fatt li mingħandu mhux biss irċevew għajnuna medika iżda wkoll sapport morali li għenhom jikkumbattu ż-żmien diffiċli li kienu fih.

Bla ebda dubju, Dr Calvagna se jibqa’ ħaj fil-qlub, u l-ħajja ta’ dawk li xi darba jew oħra kellhom kuntatt miegħu, u fil-legat li ħalla warajh.

Bħala tislima xierqa lil Dr Calvagna, u sapport lill-familja tiegħu u dawk qrib tiegħu, ħsibna biex nistaqsu lilek li qed taqra dan l-artiklu sabiex taqsam magħna hawn taħt, il-memorji tiegħek ma’ dan il-Konsulent tant maħbub u x’impatt għamel f’ħajtek.

Installazzjoni tal-Arti minn Katel Delia – Miftuħa sas-16 ta’ Jannar

Installazzjoni tal-Arti minn Katel Delia – Miftuħa sas-16 ta’ Jannar

Delia qed tippreżenta installazzjoni immersiva, maħluqa speċifikament għall-Kamra ta’ Fuq. L-għan ta’ din l-installazzjoni hija li taħkem lill-kamra kollha u tibdilha fi spazju surreali. It-tema tagħha hija l-migrazzjoni fil-baħar Mediterran, u r-realtà allarmanti u ta’ diqa marbuta magħha, li iżda ħafna draw daqslikieku mhi xejn.

L-installazzjoni tuża elementi varji – dwal, ħsejjes u viżwali – li permezz tagħhom Delia trid tieħu lill-viżitaturi f’post ieħor lil hinn mill-Kamra ta’ Fuq. L-esperjenza tal-osservatur se tkun omaġġ għal dawk il-ħafna migranti li tilfu ħajjithom waqt li paradossalment kienu qed ifittxu ħajja aħjar. L-installazzjoni toffri livelli varji ta’ interpretazzjoni – mill-idilliku għal realtà xokkanti.

Delia għandha interess speċjali fil-migrazzjoni, minħabba li hija nnifisha hija parti minn familja li kellha temigra lejn diversi pajjiżi matul is-snin u għandha kompassjoni lejn nies li m’għandhomx għażla oħra ħlief li jħallu kollox warajhom u jitilqu.

Parti mill-ispirazzjoni ta’ dan il-proġett huwa mappa li Delia ltaqgħet magħha f’Migreurop, li turi l-ammont ta’ persuni li għebu jew mietu fil-Mediterran.

Fil-fatt, mill-2014 ‘l hawn, 22,930 migrant ġew irreġistrati nieqsa fil-Mediterran.

L-installazzjoni tal-arti The Last Breath qed tittella’ f’Il-Kamra ta’ Fuq, Mqabba, u se tibqa’ miftuħa sas-16 ta’ Jannar.

Ħinijiet tal-ftuħ:

Mit-Tnejn sas-Sibt – Mis-6 ta’ filgħodu sa nofsinhar

Il-Ħdud – Mis-7 ta’ filgħodu sa nofsinhar

Enable Notifications OK No thanks