Riċetta: Ross bil-Karrotti u l-Bajd Iebes

Riċetta: Ross bil-Karrotti u l-Bajd Iebes

Nota: Dan il-platt faċli ħafna u tajjeb sħun jew anki kiesaħ, kif ukoll iżomm tajjeb f’lunchbox għal xogħol jew skola.

Għandek bżonn (għal żewġ porzjonijiet):

Żewġ kikkri ross mgħolli (jekk tippreferi tista’ tuża couscous jew quinoa)

Kikkra karrotti maħkuk

2 sinniet tewm imqatta’ rqiq ħafna

Basla mqatta’ rqiqa ħafna

2 Basliet ħodor (spring onions) imqatta’ roti rqaq

2 imgħaref soy sauce

2 imgħaref għasel

Mgħarfa ħall abjad

Kuċċarina coconut midħun

Kuċċarina ġunġlien

Żewġ bajdiet iebsa mqatta’ roti

Metodu:

Ġo skutella ħallat is-soy sauce, l-għasel u l-ħall flimkien, u warrabhom għalissa.

F’taġen fond ”non stick” qalli l-basla u t-tewm għal żewġ minuti. Żid il-karrotti u kompli qalli għal 5 minuti.

Ferra t-taħlita tas-soy sauce li kont lestejt u warrabt. Ħawwad sew u żid ir-ross. Kompli ħawwad sew fuq nar baxx għal xi 3 jew 4 minuti, sakemm ir-ross jisħon u jitħallat sew mal-ingredjenti kollha.

Qassam ir-ross f’żewġ platti. Żejjen bil-coconut, basal aħdar u ġunġlien, u fl-aħħar irranġa bajda f’ġenb wieħed tal-platt.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications OK No thanks