Select Page
Il-Pjanta Alocasia Polly – Roxanne Gauci Taliana

Il-Pjanta Alocasia Polly – Roxanne Gauci Taliana

Il-pjanta Alocasia Polly, magħrufa wkoll bħala African Mask, hija nattiva għall-Asja subtropikali u l-Awstralja.

Din il-pjanta tippreferi ambjent imdawwal u umdu fid-dar jew ġo xi uffiċċju. Il-weraq aħdar skur tagħha għandhom forma ta’ arrowhead.

Għalkemm hija pjanta li tħobb dawl qawwi, il-weraq jistgħu jkunu sensittivi għall-ħruq tax-xemx. Qatt tħalliha f’xemx diretta, għalhekk l-aħjar li żżommha ftit ‘il bogħod minn tieqa jew wara purtiera ħafifa. Importanti wkoll li tevita milli tpoġġiha f’postijiet mudlama.

Saqqiha regolari, kull ġimgħa u żomm il-ħamrija niedja, iżda mhux imxarrba ħafna jew saturata għaliex dan jista’ jikkawża ħsara lill-għeruq. Mhix pjanta ta’ ġewwa li tittollera n-nixfa, iżda kapaċi tgħix jekk tinsa ssaqqiha f’xi drabi minn żmien għal żmien. Perjodi estiżi ta’ nixfa jistgħu jirriżultaw li l-ponot tal-weraq isiru kannella. Fix-xitwa teħtieġ inqas ilma peress li mhuwiex l-istaġun tagħha.

Il-pjanti tal-Alocasias huma kemmxejn tossiċi għall-annimali domestiċi u l-bnedmin. Tipikament, inġestjoni tikkawża irritazzjoni tal-ħalq u l-istonku u possibilità ta’ rimettar.

Uża fertilizzant ġenerali għall-pjanti tad-dar bil-ħadid kull erba’ ġimgħat matul ir-rebbiegħa u s-sajf. L-ebda fertilizzant mhu meħtieġ matul ix-xhur tax-xitwa meta t-tkabbir tal-pjanti jonqos b’mod naturali. Applika fertilizzant biss fuq ħamrija niedja, qatt niexfa, għax taħraq l-għeruq.

Il-Pjanta Asplenium Nidus – Roxanne Gauci Taliana

Il-Pjanta Asplenium Nidus – Roxanne Gauci Taliana

Il-pjanta Asplenium Nidus, hija magħrufa sewwa wkoll bħala l-pjanta tal-bejta tal-għasafar.

Hija pjanta tropikali nattiva għall-Hawaii u l-Gżejjer tal-Paċifiku.

Din il-pjanta tikber l-aħjar f’żoni dellija għaldaqstant biex tieħu ħsiebha sew, poġġiha f’żona tad-dar b’dawl indirett jew dellija.

Il-pjanta Asplenium Nidus tippreferi ambjent niedi. Li ssaqqi l-ħamrija ta’ spiss waqt it-tkabbir u li tpoġġi l-pjanta f’post moderatament umdu tgħin biex jinżamm ambjent adattat għall-Bird’s Nest. Qatt tħalli l-ħamrija tinxef iżżejjed.

Bħala pjanta li tikber bil-mod ħafna, ma teħtieġx fertilizzazzjoni daqs il-biċċa l-kbira tal-pjanti tad-dar oħrajn. Il-pjanta Asplenium Nidus taħdem l-aħjar meta fertilizzant likwidu bilanċjat npk 20-20-20 jitnaqqas għal nofs qawwa u jiġi applikat kull xahar fuq il-ħamrija ta’ madwar il-pjanta. Fertilizzazzjoni żejda tista’ tikkawża ħruq fl-għeruq. Il-kura tal-Asplenium Nidus tista’ tirriżulta fit-trattament ta’ diversi pesti u problemi fungali, batteriċi. L-afidi u l-insetti tal-qoxra huma pesti komuni li jaffettwaw din il-pjanta. Pjanti li jkunu ġew misqija b’mod eċċessiv jistgħu jesperjenzaw taħsir ta’ l-għeruq u problemi fungali oħra. Jekk iseħħ taħsir, iċċekkja l-ħamrija u l-pot tal-pjanta tiegħek għal drenaġġ xieraq.

Dan il-pjanta mhijiex tossika u allura hija ideali għal djar bil-klieb u l-qtates.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din il-pjanta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Il-pjanta Ficus Lyrata – Roxanne Gauci Taliana

Il-pjanta Ficus Lyrata – Roxanne Gauci Taliana

Il-Ficus Lyrata komunement magħrufa bħala Fiddle Leaf Ficus iġġib firxa ta’ benefiċċji għas-saħħa. Wieħed mill-benefiċċji hu li l-weraq wiegħsa tagħha jgħinu fil-purifikazzjoni tal-arja.

Kif tista’ tieħu ħsieb il-pjanta Fiddle Leaf Ficus?

Forsi ġieli smajt li din hija pjanta diffiċli biex tieħu ħsiebha, imma hija idea ħażina li ħafna għandhom għaliex jekk issegwi passi importanti jirnexxilek tieħu ħsiebha kif suppost.

Importanti li din il-pjanta jkollha dawl qawwi u ffiltrat għaliex inkella tiddeterjora malajr f’dawl baxx.

Żomm il-ħamrija niedja dejjem. Issaqqihiex iżżejjed jew tħalli l-pjanta wisq fl-ilma, imma saqqiha skont kemm tkun teħtieġ il-pjanta.

Uża fertilizzant kull 15-il jum b’likwidu tal-weak green plant matul l-istaġun tat-tkabbir.

Ibdel il-kompost u poġġiha f’pot akbar kull sena. Din il-pjanta naturalment tikber mhux ħażin, u għalhekk jeħtieġ kemm l-għoli kif ukoll spazju għall-estensjoni tal-għeruq.

Huwa importanti li wieħed ikun jaf li din il-pjanta sfortunatament hija tossika għall-klieb u l-qtates jekk tiġi inġerita, u tikkawża irritazzjoni fil-ħalq, tħammil eċċessiv, u rimettar.

Ħafna nies jinnutaw li jitfaċċaw tikek kannella fuq il-weraq jew twaqqa’ l-weraq tagħha. It-tnejn huma naturali u huma parti mill-proċess naturali tat-tkabbir tal-pjanta sakemm ma jkunx b’mod esaġerat. Weraq kannella u twaqqigħ ta’ weraq jista’ jseħħ ukoll minħabba l-kundizzjoni tal-arja u nuqqas ta’ umdità fid-dar tiegħek. Jekk tpoġġi umidifikatur viċin il-pjanta (importanti li dan ma jsirx direttament fuq il-weraq) jgħin fl-umdità.

Darba fix-xahar, kun żgur li ssaqqi sewwa l-pjanta biex telimina xi melħ, tossini, jew impuritajiet li jitrabbew fil-ħamrija. Il-Ficus Lyrata hija sensittiva għall-kimiċi u allura f’każ ta’ dud, uża l-pestiċida l-inqas qawwija kimikament.

Enable Notifications    OK No thanks