Select Page
Qlub Imwennsa (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Qlub Imwennsa (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Karistu resaq lejn it-tieqa tal-ħġieġ illi kellu fl-appartament il-ġdid. Ra l-kuluri fis-sema u sema’ l-istess ħsejjes familjari tan-nar tal-ajru.
Sena ġdida.
Ħares madwaru u ftakar f’kemm kienu ġraw affarijiet dis-sena. Dan l-appartament kien komdu, mimli għamara moderna u kellu dak kollu li Karistu qatt ma kien seta’ jaffordja qabel. Ħares lejn ħwejġu u tbissem. F’sena, b’dik l-imbierka lotterija kien sar nies.
Lanqas felaħ jistenna l-għada. Kellu seba’ mitt sena ħalli jara jekk Toni kienx se jiġi ħalli jagħtih dak kollu li kien tah hu meta ma kellux għaxja ta’ lejla.
L-għada mar iħaffef lejn il-bank, jitbissem, iżomm rigal f’idejh, liebes ilbies sabiħ. Kien qed ikanta minn taħt l-ilsien.
Rah hemm.
Toni.
Toni kien qiegħed bilqiegħda fuq il-bank jistennih.
“Toni…..” qallu Karistu hekk kif resaq lejh.
Iż-żewġt iħbieb ta’ kull nhar l-ewwel tas-sena.
Toni kien liebes bħas-soltu, impekkabbli.
“Int….?” qallu Toni.
“Jien, iva. Skużani li s-sena l-oħra ma sibtnix nistennik, imma rbaħt il-lotterija. Kellhom iġorruni d-dar bil-ħasda li ħadt! Din is-sena nħallaslek l-ikla jien.”
Tah ir-rigal u marru jieklu fl-istess ristorant lussuż illi kienu jmorru ta’ kull sena. Ferħu b’xulxin u twennsu bil-kliem li kienu jieħdu gost jirrakkontaw lil xulxin.
Kien propju dak il-ħin, li daħal raġel fqir, jittallab fil-bieb tal-ħanut għall-flus. Minnufih, Karistu qam bilwieqfa u tah karta ta’ għoxrin ewro.
“Mur ixtri xi ħaġa x’tiekol!” qallu Karistu, qabel ma’ ġie sid il-ħanut biex ikeċċih.
“Ara……mela inti taf lil Toni?” staqsieh dak ir-raġel mlibbes ħwejjeġ imtertqa. “Dak li jorqod f’kaxxa tal-kartun fit-tarf tat-triq?”
“Naħseb sejjer żball……” qallu Karistu.
“Le, żgur hu! Ton?” għajjatlu.
Toni qam bilwieqfa u ġie ħdejhom.
“Naħseb dan bidlek ma’ xi ħadd ieħor!” qallu Karistu.
“Le, Karistu…..dak ma biddilni ma ħadd! Jiena Toni. M’għandix dar. M’għandi xejn u lil ħadd. Kont niġbor ġabra ta’ kull sena ħalli kull l-ewwel ġurnata tas-sena jkolli ħabib. Ikolli ma’ min ngħid kelma, ikolli lilek. Ikolli ikla. Kont nagħmel sena sħiħa niġbor il-flus għal din il-ġurnata. Nixtri tibdila u nħallas ikla. U nħossni raġel maħbub għal din il-ġurnata. Maħbub minnek.”
Karistu baqa’ jħares lejh b’ħalqu miftuħ.
Antonio Galea Sciortino kien jaqsam dak kollu li kien ikollu miegħu, meta kien ifqar minnu!
“Illum stess se tibda toqgħod miegħi….” qallu bid-dmugħ f’għajnejh.

Filmat: “Għandna noħolqu diskussjonijiet fejn ikun inkluż kulħadd” – Oliver Scicluna

Filmat: “Għandna noħolqu diskussjonijiet fejn ikun inkluż kulħadd” – Oliver Scicluna

Nitkellmu ma’ Oliver Scicluna

Oliver, għadek kemm bdejt kapitlu ġdid fil-ħajja, forsi wieħed li ma kienx mistenni minn ħafna wkoll. X’kienu l-ewwel reazzjonijiet tiegħek kif ġejt avviċinat għal din il-kariga?

Għalkemm jien dejjem segwejt il-politika u dejjem kelli twemmin politiku qatt ma’ tkellimt dwar dan b’rispett u responsabilità li ġarrejt fl-aħħar snin fil-kariga li kont nokkupa. Għalkemm diversi individwi minn sferi differenti tal-ħajja kemm-il darba avviċinawni biex nidħol fil-ħajja politika, jien dejjem żammejt lura. Għalhekk meta kelli l-offerta tal-co-option jien inħsadt u xxukkjajt ruħi, għaddejt minn mumenti emozjonanti ħafna sakemm bdejt niffoka u qbadt nerġa’ nsib saqajja. Wara kollox umilment inħossni qed inġorr responsabilità kbira mhux għax jien membru parlamentari iżda għan-numru kbir ta’ individwi li kellmuni, awgurawli u wrew fiduċja fija inkluż dawk mill-kamp oppost.

Kif wasalt għad-deċiżjoni li tidħol għall-kariga ta’ membru parlamentari? Kienet deċiżjoni faċli?

Kienet deċiżjoni diffiċli. Diffiċli minħabba li bħala Kummissarju kont qiegħed għal qalbi naħdem ma’ tim ta’ nies tajjeb ħafna, bnejt relazzjoni tajba ħafna mal-għaqdiet u stakeholders importanti oħra fil-qasam tad-diżabilità u l-viżjoni tiegħi għall-KNPD kien fadlilha. Però nemmen ukoll li entità wara ċerti snin bl-istess tmexxija jkollha bżonn demm ġdid, u għalhekk kif ġiet l-opportunità li nidħol fil-politika aċċettajt għax nemmen li nista’ nkun ta’ ġid fuq livelli differenti tas-soċjetà. Mhux se nghid li kienet diffiċli minħabba l-familja għax sibt l-appoġġ sħiħ ta’ marti, il-familja tiegħi u tagħha, inkluż qraba u ħbieb oħra. Iżjed mid-deċiżjoni, iżjed kienu diffiċli l-ġranet, ġimgħatejn ta’ wara li ħadt id-deċiżjoni.

Issa li se tkun f’pożizzjoni fejn tista’ tagħmel differenza akbar. X’inhuma l-viżjonijiet tiegħek? Fejn qed taspira li tasal permezz ta’ din il-kariga?

Waħda mir-raġunijiet li aċċettajt li nidħol għal din l-isfida hi li nħoss li hemm bżonn iżjed tiġdid, hemm diversi setturi li għalkemm sar ħafna ġid xorta waħda fadal x’naqdfu u hemm oħrajn li nemmen li rridu nbidlu d-direzzjoni. Jien inzertajt persuna li l-ewwel u qabel kollox nimxi bil-prinċipji li nemmen fihom, u nemmen li bl-istess prinċipji u valuri nista’ nkun ta’ kontribut għall-pajjiż f’oqsma varji. L-unika aspirazzjoni li għandi hi li naħdem minn fejn naħdem inkun qiegħed naħdem biex in-nies ma’ jkunux skjavi tal-politiċi u viċi versa. Hawn irrid ngħid li sinjal li ċerti affarijiet mhux dejjem jaħdmu kif suppost minħabba li għadek issib nies li jmorru għand il-politiku għal xi pjaċir jew inkella l-politiku jistaqsi jekk xi ħadd għandux bżonn xi ħaġa. Jien nemmen li aħna l-politiċi rridu nagħmlu mezz li jkollna sistemi robusti biżżejjed li ma’ nħallux iżjed din il-prattika għaddejja.

Għalkemm ħafna jaqblu li int persuna valida, kien hemm bosta li ma qablux mal-mod ta’ kif ingħatajt din il-kariga. Xi twieġeb għal dan?

Min ma’ jaqbilx għandu kull dritt li jagħmel dan, però legalment ma’ sar xejn ħażin. Qabli kien hemm numru ta’ persuni oħra li ġew co-opted fil-Parlament.

Dejjem wassalt il-messaġġ u qdejt dmirek bl-aħjar mod u fl-interess ta’ dak kollu li kont tirrapreżenta, issa li se tkun ukoll qed tirrapreżenta partit politiku, kif se tassigura li se tibqa’ titkellem u taħdem għal dak li hemm bżonn isir anki fejn tħoss li jkun hemm nuqqas mill-partit li qed tirrapreżenta?

Jekk ma’ nagħmilx hekk inkun mhux biss qiegħed nonqos lill-partit li jien nagħmel parti minnu llum il-ġurnata, iżda ukoll lill-pajjiż. Il-punt ta’ tluq tiegħi f’din il-mixja fil-fatt kien li jien nibqa’ dak li jien bl-istess attitudni.

Fl-opinjoni tiegħek, x’inhi d-definizzjoni tal-politika?

Għodda biex toħloq opportunitajiet aħjar għas-soċjetà b’mod ġenerali, għodda li jekk tużaha tajjeb kapaċi tagħmel ħafna ġid biha u jekk tużaha ħażin tkun perikoluża immens.

Jinkwetak il-fatt li ħafna nies qiegħdin jitilfu l-fiduċja fil-politikanti?

Ħafna, jien l-ewwel wieħed ġieli ġrali hekk fil-passat però nemmen li jekk se nibqgħu nsabbtu saqajna minn barra mhux se jirnexxilna noħolqu l-bidliet li hemm bżonn. Huwa ta’ importanza li aħna l-politiċi nagħmluha ċara li aħna qed nirrapreżentaw ideoloġija u mhux xi tribu. Aħna l-politiċi għandna nittolleraw fehemiet differenti u għandna nkunu ta’ eżempju għas-soċjetà biex inħabbtu l-ideat flimkien mhux rasna ma’ xulxin. Nemmen li biex dan li qiegħed ngħid jien jitwettaq u b’hekk naraw iżjed persuni validi fil-politika irid ikollna parlament iżjed inklussiva fil-mod ta’ kif jopera, mhux biss inklussiv iżda jkun fora fejn wieħed jiddiskuti, jiddibatti, joħroġ l-ideat u jiddeċiedi. Jien nemmen li fil-politika għandna bżonn iżjed nies li qabel il-ħajja politika għandhom esperjenzi varji li jmorru lil hinn mid-door to door, aktar nies kompetenti li jwasslu għal dibattiti aktar produttivi u liġijiet aktar b’saħħithom.

Kif tiddeskrivi l-vjaġġ tiegħek bħala Kummissarju tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’diżabilità?

Jien ta’ 26 sena qbadt immexxi entità li kienet ilha mwaqqfa 27 sena (meta twaqqfet jien kelli sena). Meta dħalt spiċċajt immexxi din l-entità waħdi mingħajr diretturi u bi ftit struttura. Ma xtaqtx nagħmel terremoti b’rispett lejn il-ħaddiema u t-tmexxija ta’ qabli. Għalhekk l-ewwel xhur rajt x’hemm tajjeb biex inżommu u x’hemm ħażin. Fassalt pjan li kont għadni għaddej bih sa qabel tlaqt xahar ilu u bl-isfidi kollha qbadt miexi. Il-ħaddiema saru qishom familja, l-għaqdiet ukoll, il-familji u persuni b’dizabilità kienu kontinwament f’kuntatt miegħi u dan kien dejjem jagħtini l-enerġija biex naħdem u naħdem. Kien hemm żmien li qtajt qalbi, żmien li kbejt waħdi u żmien li iċċelebrajt kisbiet importanti f’isem il-persuni b’dizabilità. Iżda wara kollox kienet esperjenza li tibqa’ f’qalbi għal dejjem.

Liema sfidi sibt l-aktar diffiċli bħala Kummissarju?

Sfidi dejjem, ma’ jiqfux, iżda meta dħalt il-Kummissjoni ħassejt nuqqas fil-qasam leġislattiv tas-settur u għalhekk ridna naqdfu immens biex insaħħu l-att dwar l-Opportunitajiet Indaqs kif ukoll introduċejna liġijiet ġodda, kienet ta’ sfida biex nibni work force li bih stajna nsaħħu l-ħidma regolatorja tagħna, kienet sfida ukoll biex biddilna l-post fejn jospita l-uffiċini tal-KNPD fost diversi sfidi oħrajn.

Tħoss li sar progress f’ċerti aspetti?

Mingħajr dubju sar u nemmen li sfajna vittma wkoll tal-istess suċċess. Ma’ nqishiex bħala xi ħaġa ħażina, anzi xi ħaġa tajba ħafna għax b’hekk ħafna persuni b’diżabilità jew familjari dejjem qed jitgħallmu

Liema kwistjonijiet tħoss li fadal ħafna aktar xi jsir dwarhom?

Nixtieq nara iżjed edukazzjoni inklussiva fil-vera sens tal-kelma fejn nimxu lil hinn mill-iskejjel speċjali u naraw li kulħadd ikollu postu fi skola “mainstream” b’tagħlim adattat. Nixtieq li mmorru għall-mudel fejn persuni b’diżabilità jgħixu fil-komunità, fid-djar tagħhom bis-sapport li għandhom bżonn u b’mod indipendenti jew semi indipendenti, jiġifieri rridu naċċertaw li s-servizzi fil-komunità jisaħħu. Nixtieq li nara iżjed persuni b’diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol, jipprogressaw skont il-kapaċitajiet tagħhom u anke jkunu mexxejja. Nixtieq nara opportunitajiet fejn persuni b’diżabilità jiftħu u jmexxu l-business tagħhom. Nixtieq li l-persuni b’diżabilità ma’ jibqgħux jiġu preġudikati u ippatronizzati. Nixtieq li nieqfu nimxu fuq il-mudell karitatevoli fejn jidħlu l-persuni b’diżabilità u nimxu għall-mudell tad-drittijiet.

Xi tfisser inklużjoni għalik?

Inklużjoni fejn min m’għandux vuċi, ikun jista’ jinstema’, min hu fil-minoranza jingħata l-attenzjoni, fejn persuna li mhux tlaħħaq biex tagħmel xi ħaġa tingħata l-għoddod u sapport biex tilħaq l-għan tagħha.

Tħoss li għad hawn mentalità li persuna b’diżabilità tiġi assoċjata biss ma’ kwistjonijiet relatati mad-diżabilità?

Ħafna mid-drabi iva, tiġi b’mod awtomatiku u sa ċertu punt huwa importanti li jkunu l-persuni b’diżabilità stess li jitkellmu dwar l-ostakli li jaffaċjaw u mhux xi ħadd ieħor. Iżda nemmen ukoll li s-soċjetà l-ewwel għandha tħares lejn il-persuna mhux id-diżabilità tagħha għalhekk importanti li nifhmu li persuna b’diżabilità tista’ tikkontribwixxi f’affarijiet varji.

Għidilna ftit dwarek personali… Min hu Oliver Scicluna?

Għandi 34 sena, mill-Birgu, għext il-Kalkara u wara li żżewwiġt mort ngħix fir-raħal ċkejken tax-Xgħajra. Kont niżfen u ngħallem il-“breakdance”, fejn ikkompetejt fuq livell nazzjonali u internazzjonali kontra persuni mhux b’diżabilità. Dejjem kont u għadni interessat fis sotto kulturi fost l-oħrajn il-Hip Hop, il-mużika u l-arti huma marbuta ma’ qalbi u dejjem insib refuġju fihom. Inħobb il-futbol u nżomm mat-tim ta’ Manchester United, għalkemm mhux dejjem ikolli paċenzja nara logħba sħiħa. Miżżewweġ lil Angela sa mill-2015 u għandna żewġ subien, Declan li għandu 4 snin u Aidan li għandu sena. Gradwajt tliet darbiet fl-informatika, studju dwar iż-żgħażagħ u l-komunità u masters fil-management.

Oliver bħala missier, kif inhu? Strett?

Jien inzertajt bil-burdati, ġieli nkun strett ħafna u ġieli nagħmel agħar mit-tfal, speċjalment meta nkun qiegħed nilgħab magħhom jew ninbixhom. Id-dixxiplina nemmen li importanti ħafna però nemmen li mat-tfal trid tibni ċerta ħbiberija biex jafdawk u ‘l quddiem iħossuhom komdi jitkellmu miegħek.

X’memorji għandek taż-żmien meta kont tipprattika l-breakdancing?

Memorji sbieħ ħafna. Kont żgħir fl-età, moħħi kien iżjed frisk u kont tista’ tgħid naħseb biss fuq iż-żfin u t-tim li kont nagħmel parti minnu “Underground Shadows”. Fost il-memorji li għandi hemm dawk ta’ taħriġ li konna nagħmlu f’postijiet varji inkluż barra fit-triq jew xi pjazzez għax mhux dejjem kellna l-mezzi li xtaqna. Il-breakdance żfin partikolari għax ftit li xejn għandu regoli u għalhekk huwa inklussiv ħafna, niftakarni nsiefer u niltaqa’ u nieħu gost ma’ żeffiena mid-dinja kollha, inkluż mis-South Korea, Russi, Ukreni u għalkemm ma’ konniex nitkellmu l-istess lingwa xorta waħda konna nikkomunikaw tajjeb flimkien.

X’inhuma l-akbar aspirazzjonijiet tiegħek?

Li nikber flimkien mall-mara tiegħi, nibqgħu nieħdu ħsieb iż-żewġ uliedna, narawhom jikbru u jimirħu u jkunu ta’ suċċess iżjed minni.

Staqsejna lil Oliver biex jgħaddi messaġġ lis-segwaċi ta’ skoperta.net…

Kif nistgħu nsibu aktar paċi waqt l-inċertezzi tal-pandemija – Michelle Zerafa

Kif nistgħu nsibu aktar paċi waqt l-inċertezzi tal-pandemija – Michelle Zerafa

Tajjeb li nkunu konxji li kull wieħed u waħda minna għaddejna minn ħasda għax bħal donnha l-ħajja nbidlet ma’ din il- pandemija..
Għal xi wħud il-ħajja baqgħet għaddejja, għal oħrajn sfumat ruħha, filwaqt li għal xi wħud waqa’ d-dlam..
Irridu nammettu li qed ngħixu mumenti diffiċli u għalkemm mhux faċli.. wieħed irid jgħixhom ġurnata b’ġurnata..
Xejn mhu ċert u kollox jista’ jinbidel..
Li naċċettaw din is-sitwazzjoni kif inhi, hija mod kif nistgħu intaffu ftit mill-ansjetà li ħakmet lil ħafna minna..

Fil-verità issa tibda taqa’ l- għajja.. ilna ħafna nadattaw, nikkumbattu .. nistennew..

Nixtiequ ngħannqu lill-ġenituri anzjani tagħna..
Neputijiet jixtiequ jqattgħu l-ħin għand in-nanniet..
Kulħadd jibża’ għal saħħtu.. għal uliedu..
Kulħadd jibża’ li jitlef lill-għeżież tiegħu
Kulħadd jibża’ li jitlef lill-vulnerabbli.. lill-anzjani maħbubin tagħna..
Lil dawk li ddedikaw ħajjithom għalina..
Kulħadd jibża’ li jitlef ix-xogħol, għal dak li stinka jew ħadem għalih..
Kulħadd jippreferi li jmur għax-xogħol mingħajr ma jkollu għalfejn inaddaf il-mejda fejn se jaħdem jew iqatta’ ġurnata bil- maskra ma’ wiċċu.

M’hemm xejn ħażin li nħossuna inċerti,
Għajjenin..
Jew imxebba’ sal-ponta ta’ mneħirna…

Irridu nirrealizzaw kemm urejna reżiljenza
Hemm bżonn nemmnu fil-qawsalla..
Ngħixu ġurnata b’ġurnata..

Naqra naqra… biċċa biċċa

Kif titla’ x-xemx jista’ jkun bnazzi jew il-maltemp
Jew inlesti l-umbrella u nilbes il-boots ..
Jew noħroġ komda mingħajr restrizzjoni..
L-istess f’din is-sitwazzjoni..
Mhux dejjem nista’ noħroġ bla umbrella u boots.. nista’ noħroġ jekk irrid iżda nispiċċa nieħu tixriba..

Jekk naċċetta u nadatta għalkemm tkun ix-xita iċ-ċans hu li ma nixxarabx..

Importanti li niftakar kemm irnexxieli nagħmel..

Għax jekk naf li rnexxieli xi darba..

Din tagħtini l-grinta li nkompli nimxi ‘l quddiem.

Ieqaf ftit.. għal mument biss…

Ftakar ftit f’dak li rnexxielek tagħmel.

Forsi bħalissa hemm biss xemgħa tnemnem..

Iżda xorta qed tara ftit..

Il-kumplament tad-dawl nistgħu nsibuh ukoll ..

Però forsi mhux għalissa..

Għalissa hemm bżonn inkunu aktar hemm għal xulxin..

Għax kull wieħed u waħda minna qed jitħabat b’xi mod jew ieħor..

Hemm bżonn ta’ aktar imħabba u tama..

Jekk qed tħossok taqta’ qalbek..

Jew tixtieq ħajt ta’ kenn..

Tibżax tfittex is-sapport li għandek bżonn.

F’kull baħar imqalleb.. dejjem hemm dak ir-raġġ ta’ dawl, tama u ġmiel infinit…

Kif jixhed fil-fatt dan ir-ritratt li ħadt fil-bidu nett ta’ meta l- pandemija laqtet il-gżejjer tagħna….

Paċi, saħħa u tislijiet

Enable Notifications OK No thanks