Select Page
Sessjonijiet ta’ sapport għall-aħwa ta’ persuni b’diżabilità minn Aġenzija Sapport

Sessjonijiet ta’ sapport għall-aħwa ta’ persuni b’diżabilità minn Aġenzija Sapport

Is-sapport lill-familji ta’ persuni b’diżabilità huwa importanti ħafna. Dan minħabba li l-persuni b’diżabilità jiggwadanjaw ferm meta jkunu qed jgħixu fil-komunità, u jibqgħu jgħixu d-dar mal-familja. Madanakollu, il-familji jgħaddu minn diversi ċirkostanzi li jekk ma jsibux għajnuna, id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom sabiex ikomplu jieħdu ħsieb lill-individwu b’diżabilità, jistgħu jikbru.


Fin-nukleu tal-familja hemm ukoll l-ulied l-oħra, l-aħwa li minn ċkunithom ikunu draw li hi responsabilità ta’ kull membru li jindokra lill-membru b’diżabilità. L-esperjenzi ta’ dawn l-aħwa huma varji – min jieħu r-rwol ta’ kuratur maż-żmien, min iħoss li ma jkunx forsi ingħata biżżejjed attenzjoni daqs ħuthom b’diżabilità minħabba ċ-ċirkostanzi, min kien involut fit-trobbija ta’ ħuthom b’diżabilità u min le.

Fattur komuni bejn l-aħwa kollha jibqa’ li kollha għandhom għal qalbhom il-benesseri ta’ ħuthom u li jagħmlu minn kollox sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jgħinu lil ħuthom b’diżabilità tul ħajjithom u jagħtu l-kontribut tagħhom waqt li jirrikonoxxu l-fatt li l-ħajja tagħhom evolviet u li f’ċerti sitwazzjonijiet jista’ jkun li jkollhom bżonn is-sostenn huma wkoll.

Dawn huma biss ftit mill-fatturi li Aġenzija Sapport tindirizza waqt sessjonijiet li professjonisti fi ħdanha, inkluż ħaddiema soċjali, imexxu bħala gruppi ta’ sostenn għal aħwa adulti ta’ persuni b’diżabilità.

Dawn is-sessjonijiet joffru spazju fejn dawn l-aħwa jiltaqgħu flimkien u jaqsmu flimkien esperjenzi, diffikultajiet, ħsibijiet u sfidi ma’ oħrajn li jkunu fl-istess sitwazzjoni tagħhom, waqt li jkunu jistgħu wkoll jevalwaw kwistjonijiet u possibilitajiet għall-futur.

Parteċipanti minn gruppi simili fil-passat stqarrew li dawn il-gruppi u laqgħat servew sabiex iħossuhom li mhumiex weħedhom u li wkoll ingħataw stampa ċara anke dwar x’servizzi huma u l-familjari tagħhom jistgħu jaċċessaw.


Uħud mis-suġġetti li huma koperti waqt dawn is-sessjonijiet huma:

  • Relazzjonijiet familjari: X’impatt ikollhom il-ġenituri fuq l-ulied li għandhom diżabilità
  • Kif tħares il-komunità lejn persuni b’diżabilità u kif iħossuhom l-aħwa dwar dan
  • Kif jieħdu ħsieb tagħhom infushom
  • Servizzi disponibbli
  • L-impatt fuq deċiżjonijiet tal-ħajja tagħhom

Bħalissa Aġenzija Sapport qed tilqa’ applikazzjonijiet għal gruppi ġodda li se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. Is-sessjonijiet se jsiru darba fix-xahar. Se jkun hemm 12-il sessjoni b’kollox, u kull sessjoni ddum sagħtejn. Sabiex ikun assigurat li nimxu mal-miżuri maħruġa mill-Awtorità tas-Saħħa kull workshop se jkollu massimu ta’ 10 parteċipanti, bi preżentazzjoni ta’ ċertifikat validu tal-vaċċin. Grupp żgħir hu ideali sabiex kull parteċipant ikollu ħin biżżejjed biex jiddiskuti l-ħsibijiet tiegħu jew tagħha. Grupp żgħir jgħin ukoll biex il-persuna tħossha komda li tista’ titkellem.

Dawn il-gruppi huma miftuħa għal aħwa li jkunu għalqu t-18-il sena. L-attendenza hija mingħajr ħlas iżda wieħed jeħtieġ li jibbukkja.

Dan jista’ jsir permezz ta’ formola ta’ applikazzjoni li tista’ titniżżel jew tintbagħat mis-sit elettroniku www.sapport.gov.mt jew billi wieħed jagħmel kuntatt ma’ Aġenzija Sapport (Helpline – Freephone 153 u jagħfas in-numru 5 / iċempel fuq 2256 8000 / jibgħat email fuq sapport@gov.mt). Wieħed jista’ jagħżel li jattendi sessjonijiet filgħodu jew filgħaxija.

David Thake jirriżenja mill-Parlament

David Thake jirriżenja mill-Parlament

Ilbieraħ tħabbret ir-riżenja ta’ David Thake minn deputat Parlamentari.

Din ġiet imħabbra ftit jiem wara li David Thake irriżenja mix-Shadow Cabinet u ssospenda lilu nnifsu mill-grupp parlamentari Nazzjonalista minħabba l-investigazzjoni li għaddejja bħalissa mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika dwar ħlas pendenti ta’ taxxa fil-kumpanija tiegħu.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li aċċetta r-riżenja u rringrazzja lil David Thake talli refa’ r-responsabbiltà politika tiegħu u rriżenja mill-Parlament kif ukoll irtira l-kandidatura tiegħu minn mal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech mistenni jipproponi lill-istrutturi tal-Partit biex il-Perit Graziella Galea timla l-post vakant minn David Thake.

Il-Perit Graziella Galea hija l-minority leader tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u kandidat tal-Partit Nazzjonalista fuq it-12-il distrett.

David Thake jirriżenja mix-Shadow Cabinet u jissospendi lilu nnifsu mill-Grupp Parlamentari tal-PN

David Thake jirriżenja mix-Shadow Cabinet u jissospendi lilu nnifsu mill-Grupp Parlamentari tal-PN

Permezz ta’ filmat li tella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, David Thake ħabbar ir-riżenja tiegħu b’effett immedjat mix-Shadow Cabinet kif ukoll issospenda lilu nnifsu mill-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.

Dan wara l-investigazzjoni li qed issir mill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, dwar ħlas pendenti ta’ taxxa fil-kumpanija tiegħu.

David Thake qal li huwa qed jissospendi lilu nnifsu sakemm tibqa’ għaddejja l-investigazzjoni għaliex jemmen li l-Partit u l-pajjiż huma ferm akbar minnu u ma jridx ikun ta’ xkiel fix-xogħol, skont hu, siewi u importanti li qed isir mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u l-grupp parlamentari Nazzjonalista.

Enable Notifications    OK No thanks