Select Page
L-attriċi li qed tinterpreta l-karattru ta’ Ġina f’Nostalġija – Shelby Aquilina

L-attriċi li qed tinterpreta l-karattru ta’ Ġina f’Nostalġija – Shelby Aquilina

Bosta segwew l-ewwel episodju tas-serje tant mistennija Nostalġija, fejn rajna wiċċ pjuttost ġdid għall-iskrin.

Nitkellmu ma’ Shelby Aquilina, l-attriċi li qed tinterpreta l-karattru ta’ Ġina.

Shelby, proprju llum fuq TVM, ixxandar l-ewwel episodju tas-serje Nostalġija. X’tista’ tgħidilna dwar il-karattru li qed tinterpreta?

Nostalġija huwa serje ambjentat fil-ġurnata tal-lum li jfakkar ħafna fi stil ta’ ħajja u tradizzjonijiet tal-imgħoddi. Jien qed ninterpreta l-parti ta’ Ġina, tfajla kwieta, eżemplari u li ġejja minn familja reliġjuża ħafna. Lil Ġina taraha dejjem il-knisja ma’ ommha u missierha, iżda se ssib ruħha f’sitwazzjoni li jaf twassal għal kunflitt kbir mal-ġenituri tagħha. Naturalment l-istorja se tiżvolġi ħafna matul is-serje għalhekk ma nistax niżvela wisq iżjed!

Għidilna ftit dwarek… Min hi eżattament Shelby Aquilina?

Jiena persuna li dejjem inħobb li jkolli xi ħaġa għaddejja, jekk hux xogħol tal-Università, filming jew rehearsals għal xi play, ma tantx se ssibli mumenti kwieti. Minkejja dan dejjem nipprova nsib ħin għall-familja u l-ħbieb li jfissru ħafna għalija. Inħobb ħafna l-ivjaġġar għalkemm bħalissa ma tantx huwa żmienu.

Ritratt: Chanelle Demicoli (Emotive Media)

Minn fejn u kif nibtet l-imħabba tiegħek lejn id-drama?

Minn ta’ età żgħira dejjem urejt interess lejn dan il-qasam – id-dar kont nirreċta l-ħin kollu u kemm-il darba kellhom jieħdu paċenzja bija tal-familja, jitilqu minn idejhom u jpoġġu fis-salott ħalli jaraw xi ‘play’ li kont nivvinta dak il-ħin. Iz-zija tiegħi hija l-iktar waħda li kienet tkompli miegħi. Minjaf kemm kienet taqrali stejjer jew tivvintali xenarji biex imbagħad nirreċtawhom flimkien u dan kollu kkontribwixxa għall-imħabba kbira li għandi lejn ir-reċtar illum il-ġurnata.

Kif bdiet Il-karriera tiegħek bħala attriċi?

Ta’ erba’ snin bdejt nattendi l-lezzjonijiet tad-drama li servew ta’ bażi fuqiex stajt inkompli nkabbar il-passjoni tiegħi. Bqajt nattendi sakemm kelli erbatax-il sena meta l-għalliema tad-drama tiegħi ħeġġitni nieħu sehem bħala extra f’ ‘Il-Kappillan ta’ Malta’. Din kienet se tkun l-ewwel produzzjoni li kont se nieħu sehem fiha barra mill-iskola tad-drama. Kienet esperjenza mill-isbaħ fejn kelli l-opportunità naħdem ma’ wħud mill-aqwa atturi Maltin u fejn tgħallimt ħafna affarijiet, fosthom kemm ix-xogħol ta’ attur jirrikjedi dedikazzjoni u impenn.

Liem kienet l-ewwel produzzjoni teatrali li ħdimt fiha? U x’memorji għandek?

Ftit xhur wara li ffurmajt parti mill-ensemble f’‘Il-Kappillan ta’ Malta’ ingħatajt wieħed mill-irwoli ewlenin fi produzzjoni teatrali ġewwa t-Teatru Manoel bl-isem ta’ ‘Ix-Xitan Kunjomu Malti’. Niftakarni eċitata u mbeżża’ għall-ewwel rehearsal iżda kont kuntenta għall-fatt illi kelli opportunità ikbar biex nitjieb f’dak li nħobb nagħmel.

L-iktar memorja li tispikka minn dik il-produzzjoni hija l-emozzjoni li ħassejt l-ewwel darba li ħriġt għall-curtain call. M’hawn xejn isbaħ milli tara l-house lights tat-Teatru Manoel jinxtegħlu u juru mhux biss il-ġmiel tat-teatru nazzjonali, iżda sala mimlija b’udjenza li ħadet gost tara x-xogħol li int, l-atturi sħabek u l-crew kontu tant ilkom tippreparaw.

Televiżjoni jew teatru? U għaliex?

Ikolli nagħżel it-teatru. Apparti mill-fatt li għandi iktar esperjenza f’din l-isfera, it-teatru narah irawwem ċerta dixxiplina li naħseb kull attur jeħtieġ. Apparti minn hekk inħoss li m’hawn xejn isbaħ milli tara u tisma’ r-reazzjoni tal-udjenza int u tirreċta. Għalija din hija xi ħaġa li żżidli l-enerġija x’ħin inkun fuq il-palk u taffettwa ħafna l-prestazzjoni tiegħi. Naturalment, it-televiżjoni għandha s-sabiħ tagħha wkoll, fosthom li tista’ tasal għand u tkun ta’ divertiment għal ħafna iktar nies.

Liema produzzjonijiet li ħadt sehem fihom s’issa huma l-aktar għal qalbek? U liema minnhom tħoss li għenuk tikber aktar bħala attriċi?

Mill-ftit produzzjonijiet li kelli x-xorti nieħu sehem fihom s’issa nista’ ngħid li ma kienx hemm parti li ddejjaqt ninterpreta, iżda li kieku kelli nagħżel liema hi l-iktar produzzjoni għal qalbi żgur illi nsemmi ‘Ħabbilni ħa Nirbaħ’. Dan il-proġett, miktub minn Simon Bartolo, ittella’ l-ewwel darba bħala produzzjoni teatrali minn Staġun Teatru Malti fejn jien interpretajt il-karattru ta’ Ylenia – wieħed mill-iktar karattri li ħadt gost ninterpreta u ftit wara kelli x-xorti li nerġa’ ninterpretah għaliex adattaw l-iskript għal feature film.

Din kienet l-ewwel esperjenza tiegħi naħdem quddiem kamera u naħseb illi kienet introduzzjoni tajba ferm għaliex il-fatt illi ħdimt l-istess karattru kemm għat-teatru kif ukoll għaċ-ċinema għeni nagħraf id-differenzi li hemm fit-teknika tar-reċtar f’dawn iż-żewg oqsma.

Ritratt: Noel Mallia Photography

Kif tipprepara ruħek qabel kull interpretazzjoni?

Ġeneralment nibda billi nagħmel warm up mal-bqija tal-cast, imbagħad nieħu belgħa te’ u ndur is-sekwenza tax-xeni f’moħħi. Ftit qabel inkunu se nibdew inħobb nieħu ftit ħin waħdi għall-kwiet biex niffoka u nidħol fil-karattru. Fil-ħajja ta’ kuljum m’iniex persuna superstizzjuża però qabel kull produzzjoni dejjem inħoss il-bżonn illi nimxi eżatt mal-mod kif inkun preparajt ruħi għax-show ta’ qabel…dejjem jekk tkun marret tajjeb!

L-aktar karattru li kien ta’ sfida akbar minn oħrajn s’issa..

Sentejn ilu fil-play ‘Rajtha Fejsbuk’ interpretajt karattru ta’ tfajla ribelluża, b’mibgħeda qawwija lejn il-ġenituri tagħha u rabja kbira lejn il-ħajja. Huwa karattru totalment differenti minni u dan huwa s-sabiħ tar-reċtar. Din il-play kienet iebsa għaliex kelli ħafna xeni tqal u emozzjonanti li kienu jirrikjedu iżjed iffukar u preparazzjoni minn oħrajn, iżda kienet ukoll waħda mill-iktar plays li tatni sodisfazzjon.

Hemm xi tip ta’ karattru partikolari li tixtieq li jkollok l-opportunità li tinterpreta?

S’issa l-maġġoranza tal-produzzjonijiet li għamilt kienu drammatiċi allura fil-futur nixtieq illi ninterpreta iktar karattri komiċi.

Għidilna dwar is-sehem tiegħek fil-programm Serataron..

F’Serataron kelli parti żgħira fejn imitajt influencer Maltija li kisbet ħafna popolarita’ kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna. Kien ta’ unur għalija li ħadt sehem f’programm tant maħbub mill-Maltin u fuq kollox nittama li flimkien mal-bqija tat-tim irnexxieli ndaħħak ftit lin-nies.

Mument imbarazzanti jew partikolari li kellek relatat ma’ xi produzzjoni..

Mument li żgur ma ninsa qatt kien meta kelli xena fejn id-djalogu kollu kien fuq laptop li kellu jkun imqiegħed fuq il-mejda mill-bidu tal-play bħala parti mis-sett. Kif mort quddiem il-mejda biex naqbad il-laptop indunajt li dan ma kienx qiegħed hemm. Il-ħarsa li tani l-attur li kien miegħi fix-xena dak il-ħin tibqa’ stampata f’moħħi. It-tnejn li aħna xtaqna li naqbżu għax-xena li jmiss iżda naturalment dan ma kienx possibbli u b’xi mod irnexxielna ngħadduha mingħajr ma nagħtu wisq fil-għajn ta’ x’kien ġara!

Minbarra li ikklassifikajt fit-tielet post fil-kategorija ta’ Best Actress għall-interepretazzjoni tiegħek fil-Cospicua Short Play Festival fl-2019, is-sehem tiegħek fil-film qasir bl-isem ta’ Orrajt wasslek biex fis-sena li għaddiet tirbaħ il-premju ta’ Best Actress fil-kategorija tal-Comedy f’Iminese Indipendent Film Festival. Għidilna ftit dwar dan il-film u xi jfisser għalik premju bħal dan?

Il-film qasir ‘Orrajt’, b’kitba u direzzjoni ta’ Jeremy Vella, jirrelata fuq id-dibattitu lingwistiku li ilu jeżisti f’Malta għal snin twal – għandna nitkellmu bil-Malti jew bl-Ingliż? ‘Orrajt’ jittratta dan is-suġġett b’mod umoristiku u kontemporanju ħafna. Grata mmens tal-premju li rċevejt u onorata li kelli parti minn film li għamel ħafna suċċess f’film festivals barra minn xtutna.

Screengrab mill-film ‘Orrajt’ ta’ Jeremy Vella

X’jagħmlek l-aktar kuntenta?

Li nara lil ta’ madwari ferħanin.

L-isbaħ u l-agħar esperjenza ta’ ħajtek s’issa..

Uħud mill-isbaħ esperjenzi ta’ ħajti jinvolvu l-palk u s-sodisfazzjon li nħoss meta nlesti produzzjoni li tkun intgħoġbot min-nies u fejn kollox ikun mar kif xtaqna. Esperjenza kerha kienet meta sirna nafu li membru familjari qed ibati mid-dimenzja. Mhix faċli li tara lill-persuna li tħobb fi stat permanenti ta’ konfużjoni u inti ma tista’ tagħmel xejn biex tgħin.

Int tinsab fl-aħħar sena tal-istudji tiegħek fl-Università. X’qed tistudja? U kif jirnexxilek issib bilanċ bejn l-istudji u l-karriera ta’ attriċi?

Ninsab fir-raba’ sena fil-kors tal-liġi. Li nsib bilanċ bejn l-istudji u d-drama mhix ħaġa faċli. Ikun hemm bżonn ta’ ħafna mmaniġjar tal-ħin u tqassim sew tax-xogħol minn qabel. Fortunata ukoll għaliex għandi appoġġ kbir mingħand tal-familja li jgħinuni nleħħaq ma’ kollox. Fl-aħħar mill-aħħar nemmen li jekk verament għandek passjoni lejn xi ħaġa, li fil-każ tiegħi huma d-drama u l-edukazzjoni, se tipprova tagħmel minn kollox biex jirnexxielek twettaqha.

Persuni li jispirawk..

Bħala attriċi, persuna li tispirani hija Anne Hathaway. Kbirt naraha u nemmen li hija attriċi versatili immens. Ħadmet minn action films sa musicals u għandha repertorju verament vast, xi ħaġa illi naħseb hija ħolma ta’ kull attur – dik li ma jinterpretax dejjem l-istess tip ta’ karattru.

Lil hinn mid-drama, persuna li taspirani hija Jacinda Ardern, il-Prim Ministru ta’ New Zealand. Hija mara li kissret ħafna mill-isterjotipi relatati man-nisa fid-dinja tax-xogħol. Persuna umli, awtentika u li ma tarax biss il-poter abbinat mal-pożizzjoni tagħha iżda ukoll ir-responsabbiltà li għandha lejn il-pajjiż u dan nemmen li jikkontribwixxi għas-suċċess li qed tikseb waqt it-tmexxija tagħha.

Liema film rajt kemm-il darba u li ma tiddejjaq qatt tara?

Breakfast at Tiffany’s

Għandek xi proġetti relatati kemm mal-karriera kif ukoll personali, ippjanati għall-futur?

Sfortunatament bħalissa d-dinja tal-ispettaklu tinsab iktar kwieta mis-soltu minħabba l-pandemija. Kulħadd, inkluż jiena, jittama li kollox jerġa’ lura għan-normal ħalli nkunu nistgħu nerġgħu lura fuq il-palk u quddiem il-kamera mingħajr restrizzjonijiet. Tul dawn l-aħħar sentejn kont impjenjata bil-filming tas-serje Nostalġija. Nittama li fil-futur qarib ikolli iktar opportunitajiet fil-qasam tat-televiżjoni.

Ritratt: JTM Photography

X’messaġġ tgħaddi lis-segwaċi u l-qarrejja ta’ skoperta.net?

Naħseb illi din l-aħħar sena għenet lil ħafna nies jirrealizzaw ir-ritmu mgħaġġel illi konna għaddejjin bih u kemm ma konniex verament qed ingawdu l-ħajja u s-sabiħ kollu li ġġib magħha. Huwa importanti li jkollok ambizzjonijiet u li taħdem biex tilħaqhom iżda huwa importanti ukoll li xi kultant tieqaf, tħares madwarek u tapprezza dak li diġa’ għandek għaliex bosta drabi huma l-affarijiet iż-żgħar illi veru jġibulna kuntentizza.

“Minbarra missier u iben, aħna wkoll ħbieb” – Jomike u Lydon

“Minbarra missier u iben, aħna wkoll ħbieb” – Jomike u Lydon

Nitkellmu ma’ Jomike u Lydon

Għidulna ftit dwarkom..

Minbarra li ovvjament aħna missier u iben, għandna relazzjoni sabiħa ta’ żewġt iħbieb ukoll. .Jien naħdem steward health care bħala xufier u Lydon student tat-tieni sena fl-iskola Primarja tal-Fgura. Minbarra l-makkjetti jien u Lydon għannejja wkoll tal-ispirtu pront jew aħjar tal-botta u r-risposta.

Ir-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni ta’ Malta’s Got Talent. X’kien l-ewwel ħsieb li għadda minn moħħkom kif ġejtu ikkonfermati r-rebbieħa?

L-ewwel ħsieb li għadda minn moħħi meta ġejna ikkonfermati bħala rebbieħa ta’ Malta’s Got Talent kien li issa kemm għalija u speċjalment għal Lydon infetħu ħafna bibien ġodda u opportunitajiet.

Il-vjaġġ tagħna f’Malta’s Got Talent ħa jibqa’ f’moħħna bħala avventura jew ħolma sabiħa ħafna.

Jomike, x’kienu l-ħsibijiet tiegħek fil-bidu tal-parteċipazzjoni tagħkom? Kont qed tistenna li se tiġu milqugħa b’dan il-mod?

Li naslu sa fejn wasalna le, żgur li ma kontx qed nistenniha però kont ċert li l-makkjetti ħa jintlaqgħu tajjeb ħafna min-nies peress li meta f’serati konna nkantaw dawn il-makkjetti kienu jinġemgħu ħafna nies u konna naraw ħafna interess mill-pubbliku.

Minn fejn u kif nibtet il-passjoni għall-għana?

Nista’ ngħid li l-għana kienet ġo fija minn dejjem, kont inħobbha minn ċkuniti. Ta’ età żgħira kont diġà nkanta makkjetti ta’ għanejja ta’ dak iż-żmien bħal John Laus. Kbirt u baqgħet togħġobni u bdejt ngħanni fil-ħwienet. Aktar tard ġejt avviċinat mill-familja Pawney li wkoll huma familja għanejja; il-missier Jimmy u t-tfal James u Etienne, biex nagħmlu xi makkjetti flimkien u iffurmajna l-grupp WE R 3.

Sadanittant meta Lydon kellu xi sentejn indunajt li Lydon wiret dan it-talent u ta’ spiss kont nisimgħu jgedwed bħall-għana u jilgħab bil-kitarri. Ta’ tlett snin u nofs indunajt li Lydon meta kien jismagħni ngħanni d-dar kien iwegibni bl-għana lura. Ovvjament kif jaf hu, forsi mhux b’mod perfett, imma t’erba’ snin biss Lydon kien lest u komplut għal fuq il-palk.

Niftakar li konna għannejna flimkien ġo Marsaskala u nista’ ngħid li kien bikkieni bil-ferħ li ħassejt dakinhar. Proprju f’dak il-mument Lydon kien talabni biex jibda jagħmel xi makkjetti u jien ikkuntentajtu billi bdejt niktiblu l-makkjetti jien stess. Illum Lydon għandu cd album li jġib l-isem Ifirħu ma’ Lydon.

X’se tkunu qed tagħmlu biex din it-tradizzjoni tal-kultura ta’ pajjiżna tibqa’ ħajja u tkompli tevolvi?

Issa li rbaħna f’Malta’s Got Talent bis-saħħa tan-nies, nafu eżattament in-nies xi jridu allura min-naħa tagħna ħa nkomplu nagħmlu iktar makkjetti biex nkomplu nferħu lill-poplu.

Irbaħtu somma ta’ €25,000, kif beħsiebkom tużaw dan il-premju?

Nixtieq li ninvestihom kollha fit-talent ta’ Lydon, naqtagħlu xewqtu u nieħdu jgħanni l-Awstralja u nagħmlu t-tieni album. Ħolma oħra ta’ Lydon hi li jitgħallem idoqq il-pjanu.

X’inhu l-messaġġ tagħkom lil kull min issapportjakom?

Filwaqt li nirringrazzjaw lil min ta sapport lili u lil Lydon nixtiequ nfakkru lil dawk in-nies li huma Maltin bħalna biex nifirħu u nissapportjaw dak li hu Malti u ntellgħu ‘l fuq dak li huwa wirt u tradizzjoni.

“Qatt ma ħbejtha, imma qatt ma xandartha” – Gertrude Borg Marks

“Qatt ma ħbejtha, imma qatt ma xandartha” – Gertrude Borg Marks

Nitkellmu ma’ Gertrude Borg Marks

Gertrude, bħalissa qed tinterpreta t-tieni karattru tagħha fis-sensiela Fattigi, li jixxandar kull nhar ta’ Ħamis fid-20:40 fuq NET TV. Wara dak ta’ Alicia, issa qed tinterpreta l-karattru ta’ Victoria.

Gertrude tispjegalna kif iż-żewġ karattri huma totalment differenti, u mhux biss fid-dehra. Alicia kienet mara li taħdem u tirsisti għal dak li trid, u li finalment bniet. Min-naħa l-oħra Victoria hi persuna li l-comfort zone tagħha hija fit-tarf ta’ kull sitwazzjoni. Persuna li tiekol l-isfidi, intelliġenti ħafna, kuraġġuża, għandha self-confidence għoli ħafna, u bix-xieraq, taf sa fejn tista’ tasal, u tasal.

“Il-Karattru ta’ Victoria kont ilni naħdem fuqu minn Ġunju. L-ikbar sfida kienet li mhux biss ridt nidher id-dehra ‘noir’ tagħha – li hi ferm differenti mill-istil tiegħi, imma li NSIR INĦOBB proprju dak li Victoria tilbes, kif taġixxi, il-linwaġġ tagħha, ridt nibda nara d-dinja mill-perspettiva tagħha; ridt nittrasforma ruħi fiha, insir eċċentrika bħalha, bħala persuna.”

Gertrude fil-karattru ta’ Victoria

L-esperjenza tiegħek fuq Fattigi

Din kienet l-ewwel darba li ħdimt ma’ Watermelon Productions, ma nistax ngħid l-istess għal Bryan Muscat, l-awtur u direttur, li mmorru lura snin twal, u li jgħaddi kemm jgħaddi żmien jibqa’ l-mentor tiegħi – fejn tidħol drama. Ovvjament illum jien u Bryan nafu ‘l xulxin sew, u sirna ħbieb kbar. Għalkemm hemm numru ta’ atturi li ġieli ħdimt magħhom qabel, Fattigi tani ċ-ċans li niltaqa’ u naħdem ma’ nies ġodda. Apparti minn dan kollu, huwa ta’ unur għalija li nagħmel parti minn din id-drama tant segwita mill-Maltin.

Kulħadd għandu l-metodu tiegħu kif jistudja l-linji, x’inhu tiegħek? U x’ħin issib il-ħin biex tistudja?

Għall-affarijiet kollha li ninsa fil-ġurnata, nista’ ngħid li l-linji nitgħallimhom malajr! Ma’ nibdiex kmieni nistudja, għax nerġa’ ninsihom, imma minn tlett ijiem qabel, ngħaddihom kuljum, darba filgħodu waħdi, u mbagħad xi darbtejn oħra filgħaxija mal-partner tiegħi. Dan hu l-iktar mod li nitgħallimhom malajr, meta xi ħadd, jagħtini l-cues.

Kif bdiet il-karriera tiegħek ta’ attriċi?

Minn mindu kont l-iskola sekondarja, kont inħobb nikteb, u ntella’ plays daqqa għal Christmas concerts, daqqa’ għal jum l-omm, dejjem, immur għand il-headmistress, biex nikkonvinċiha tħallina ntellgħu xi play! Imma kien Ottubru tal-1999 li kont rajt reklam fuq il-gazzetta għal kors tad-drama ma’ Lemonhead Productions, fejn iltqajt ma’ Bryan li kien imexxi l-kors, u ddeċidejt li neħodha iktar bis-serjetà… kelli 26 sena.

Teatru jew televiżjoni?

L-adrenalina li jtellalek it-teatru diffiċli tissuperaha x’imkien ieħor! Dik li l-karattru tgħixu, mill-bidu tal-istorja, u jibqa’ jevolvi sat-tmiem, bl-udjenza miegħek il-ħin kollu hija sabiħa wisq… Però n-nies donnhom iktar ifittxu t-televiżjoni, u sinċerament, id-drama hija xi ħaġa li timla ċertu vojt fija, tkun fejn tkun, is-sodisfazzjoni li tagħtini huwa wieħed li diffiċli niddeskrivih.

Tagħmel praspar?

Fuq il-palk, jew waqt filming ma tantx nagħmel praspar, probabbli għax inkun il-karattru u mhux jiena. Imma Gertrude tagħmel ħafna gaffes.. bħal immur għall-filming meta ma jmissnix (s’issa qatt ma kelli filming u ma mortx), darba minnhom fil-bidu tal-filming tiegħi, fis-serje Amen, fuq l-iskript kien hemm miktub: ‘voice over’ Gaby – il-karattru li kont ninterpreta – u kont mort is-Siggiewi biex ngħid il-linja waħda tiegħi. Ovvjament id-direttur, Bryan, kien għamel lejl jidħak bija, u l-linja irrekordjaha xorta la kont hemm! Ħafna mid-daħk li ndaħħak fuq is-set, huwa kawża ta’ kemm jien ngħix ġo ‘bubble’, Id-direttur jgħid xi ħaġa, jagħti xi struzzjoni u jien, inkun smajtha, imma moħħi jirreġistra xi ħaġa totalment differenti! Il-fatt li jien ‘lateral thinker’ ma tantx tgħini! Ovvjament illum Bryan drani mmens… u kważi jkun sorpriż meta nifhem mill-ewwel…

Mis-serje Andrew u Sue

L-atturi huma apprezzati biżżejjed f’pajjiżna?

Skont minn min. Il-verità hi, li Malta hi dik li hi. Ftit hawn atturi professjonali, li finanzjarjament jiddependu biss mir-reċtar. U l-ftit li hawn, jispiċċaw jagħmlu kollox huma, mhux jirreċtaw biss. Però mbagħad it-telespettaturi u ammiraturi ta’ produzzjonijiet Maltin, naħseb li japprezzawna ħafna!

Imma min hi eżattament Gertrude?

Taħlita bejn kaxxa ġenn, u mara pensive ħafna. Impulsiva, spontanja, u spiritwali, imma mhux reliġjuża. Ma jirnexxili nagħmel xejn, jekk mhux bil-qalb, u dak kollu li rrid nagħmel, inlaħħaq miegħu, u nagħmlu. Qatt ma ngħid le għal avventura ġdida. Inħobb ħafna l-kitba. Ma tantx jien sensittiva bħala persuna, anzi ngħid li ma niħux għalija. Inħobb ħafna niddiskuti, konversazzjonijiet, speċjalment ma’ nies b’moħħhom miftuħ, anke jekk ma jaqblux miegħi, ma nippruvax nikkonvinċihom, b’hekk l-argument jibqa’ sħiħ u san. L-iktar li nsib diffiċli li nittollera huma persuni li jiġġudikaw, speċjalment meta ma jkunux infurmati tajjeb.

Gertrude hija waħda minn dawk il-persuni li minkejja l-isfidi tal-ħajja, dejjem b’xi mod jirnexxilha toħroġ il-pożittiv minn kull sitwazzjoni negattiva. Hija temmen li kull emozzjoni, sew jekk hi mħabba, mibgħeda, rabja, għira, kuntentizza, dwejjaq, solitudni… kollha jibdew minn ħsieb wieħed u jekk jirnexxilna nikkontrollaw u nbiddlu dak l-ewwel ħsieb, allura nkunu kapaċi nżommu l-kontroll fuq l-emozzjonijiet tagħna. Temmen ukoll li l-kuntentizza hija stat mentali, għażla, li hi personali tipprova tagħżel kull darba.

Il-prijoritajiet tiegħek

Li nara lil ta’ madwari kuntenti, li nibqa’ ngħix f’serenità, u li nibqa’ nikber bħala persuna. Mhux neċessarjament f’din l-ordni.

Naf li sibt dik l-imħabba unika u speċjali, imma xi tfisser imħabba għalik? U x’differenza għamlet f’ħajtek?

Għalija l-imħabba romantika, għax tipi ta’ mħabba hawn diversi; hija meta żewġ persuni jkunu l-ikbar ħbieb ta’ xulxin, meta ma jippruvaw qatt ibiddlu lil xulxin, u meta l-maġġoranza tal-ħin flimkien iqattgħuh jidħku, u jaraw kif se jgħinu lil xulxin. Id-differenza hija li ma’ Jonathan nista’ nkun dak li jien il-ħin kollu, mingħajr spjegazzjoni, u l-istess hu. Id-differenza hija li t-tnejn li aħna nħobbu konversazzjonijiet fuq kollox. Id-differenza hija li t-tnejn li aħna ġarrabna esperjenzi biżżejjed biex napprezzaw lil xulxin, kuljum.

Bħala omm, kif inhi r-relazzjoni tiegħek mat-tfal? Taqbel li l-ġenituri għandu jkollhom relazzjoni ta’ ħbiberija ma’ uliedhom?

Kira għandha 18-il sena, Dean għandu 16. It-tnejn li huma għandi relazzjoni unika magħhom, għax it-tnejn għandhom bżonnijiet differenti… u karattru differenti minn xulxin immens! It-tifla riservata, tħobb l-ispazju tagħha, u minkejja l-aptit li jkolli jien, ikolli nirrispettah. It-tifel, iktar ifittixni, jkellimni ħafna, fuq kollox, u f’kull mument li jarani! Naqbel li għandu jkun hemm relazzjoni ta’ ħbiberija mal-ulied… u jien naħseb mort fl-estrem ta’ din!

L-isbaħ mumenti li kellek f’ħajtek s’issa

M’inix persuna li nkejjel il-kuntentizza tiegħi b’okkażjonijiet. Naħseb li l-iktar mumenti sbieħ ta’ ħajti u li nibqa’ niftakar, kienu dawk il-mumenti meta ħriġt minn fażijiet ta’ biża’, u diffiċli…

Xi jbeżżgħak l-aktar?

Mard terminali fuq l-għeżież tiegħi. Xejn iktar.

Il-ħsibijiet tiegħek dwar il-midja soċjali

Naħseb li l-midja soċjali hija bħal sikkina, tista’ tużaha bħala għodda biex tgħinek, jew tista’ toqtol u tagħmel il-ħsara biha. Jien nemmen ħafna fil-bilanċ. Nipprova li dejjem insegwi sorsi differenti minn xulxin, estremi, u nħobb nifforma l-opinjoni tiegħi wara li nkun komda li jien infurmata sew.

Ħolma partikolari li tixtieq twettaq

Meta nirtira se nikteb ktieb.

Nixtiequ nirringrazzjaw lil Gertrude li għall-ewwel darba, iddeċidiet li taqsam magħna, pubblikament, esperjenza personali pjuttost qarsa imma wkoll ta’ ispirazzjoni.

Qatt ma ħbejtha, imma qatt ma xandartha. Is-sena l-oħra sirt naf li kelli kanċer tas-sider li kien għadu fil-bidu; aħbar li riegħdet kull aspett ta’ ħajti, però qatt ma ħallejtha tiddominali dak li nagħmel! Bqajt għaddejja bil-pjanijiet li kelli. Bqajt noħroġ, anke żammejt mal-pjanijiet li mmur vaganza, ġimgħatejn biss wara li ġejt operata. Esperjenza hekk tfakkrek kemm hawn nies li jħobbuk… u kemm hi sabiħa l-ħajja, meta kważi tibda tara t-tmiem. Qatt m’għidt fil-pubbliku, għax ma ridtx, ma naċċettax, li nħalli dan l-episodju f’ħajti, jiddefinixxi min jien!

Gertrude tikkonkludi l-intervista b’dan il-messaġġ:

Minn ħolma għall-infern – L-ewwel storja umana minn Stephanie Chircop

Minn ħolma għall-infern – L-ewwel storja umana minn Stephanie Chircop

Intervistajt mara li xtaqet tibqa’ anonima, fuq l-esperjenza li għaddiet minnha f’żgħozitha u li tista’ tgħid bidlitilha ħajjitha. Persuna li rat applikazzjoni fuq il-gazzetta għal opportunità fuq xogħol ta’ hairdresser barra minn xtutna, applikat u sabet ruħha ittrafikata għal skopijiet żienja.

X’ħajjrek tapplika għal dan ix-xogħol?

Jien minn dejjem kont inħobb ix-xagħar. Kont ili naħdem minn mindu kelli 14-il sena u l-ħolma tiegħi dejjem kienet li xi darba nkomli nitħarreġ u niftaħ hairdressing salon għal rasi. Kif rajt l-applikazzjoni fuq il-gazzetta ġġennint għax kienet dik l-opportunità li kont ilni nistenna! Din kienet opportunità li naħdem ġewwa s-Saudi Arabja ġo salon rinomat għal sitt xhur. Ċempilt in-numru li kien hemm fuq l-applikazzjoni, qabditni mara Maltija u għamilna appuntament biex niltaqgħu sabiex nitkellmu iktar fid-dettal.

Ġrejt ngħarraf mill-ewwel lil ommi u l-missieri bl-appuntament, avolja jkolli nistqarr li ommi ma tantx kellha feeling sabiħ fuq din il-biċċa. Sewwa jghidu, qalb l-omm tħebber!’

Kemm kellek żmien?

Kelli 20 sena u kont fil-fjur ta’ żgħożiti. Kont għarusa ġuvni li kien jirrisspettani ħafna u ma ridnix immur! Ovvjament, kont diġà deċiża u għażilt li mmur xorta. Kelli kollox lest biex niżżewweġ iżda rnexxieli nikkonvinċieh li dan il-pass kien pass importanti ħafna għall-ġid finanzjarju tagħna. U għaddiet tiegħi!

Kif mar l-appuntament u x’kienet l-offerta li għamlitlek?

Kollox kien jidher sabiħ u kollox beda jħajjarni. Kienet mara attraenti ħafna u tan-negozju. Kellha kariżma u ħadet grazzja miegħi. Riditni nitla’ għal sitt xhur u offrietli li noqghod fl-appartament tagħha biex tiffrankali l-flus. Qaltli li se tgħallimni ħafna u li se tagħtini saħansitra paga tajba wkoll. Talbitni d-dokumenti mill-ewwel għaliex qaltli li f’pajjiż Għarbi jdumu ftit biex jgħadduhom peress li mara! Iżda serħitli rasi li magħha ma kien se jonqosni xejn.

Waslet il-ġurnata tas-safra. Ħudni fuq vjaġġ sas-Saudi Arabja.

Niftakar qisu l-bieraħ Steph. Kont veru eċċitata li se tibda l-avventura tiegħi. L-għarus tiegħi wassalni l-ajruport għax hi kienet diġà telqet. Ftehmna li niltaqgħu Kajr, l-Eġittu u qaltli biex nitgħatta minn rasi sa saqajja minhabba l-kultura tagħhom. Tinsiex li f’postijiet Għarab in-nisa ma kinux stmati, u għadhom. Però kienu agħar mil-lum il-ġurnata. Sakemm ħadt l-ewwel pass fuq l-eskelejter, l-għarus tiegħi ma telaqnix minuta u għadni niftakar kemm għafasli qalbi bil-biki li beka. Sa l-aħħar ma ridnix immur! Iżda ma stajtx indur lura, issa tard wisq.

Irkibt l-ajruplan waħdi sa Kajr u kif inżilt stennejtha fl-ajruport għax dawk kienu l-istruzzjonijiet li tatni. Irġiel biss kull fejn tħares, nisa ma tarax. Stennejt ftit mhux ħażin, imbagħad ċemplitli biex tgħidli li kienet waslet. Kont bilqiegħda fil-gate tal-connection flight u fil-pront nisma’ raġel jgħajjat ‘Madame Madame’. Kienet hi! Kienet liebsa libsa bajda trasparenti mill-iktar indiċenti u kull raġel li kien hemm dar magħha, donnhom xi servjenti. Irrealizzajt li f’dawn il-postijiet kellha s-saħħa u kienet mara importanti. Qalbi għamlet tikk! U dlonk irrealizzajt ukoll li dħalt f’nassa kbira.

Irkibna l-ajruplan u ġejna mogħtija l-aqwa postijiet bħala VIP fil-Club Class. Kulħadd idur magħna u jaqdina mill-koxxa. Kien vjaġġ twil għall-ajruport internazzjonali King Abdulaziz u għajjejt ħafna. Matul il-vjaġġ tatni iktar struzzjonijiet u ħakmitni ħafna biża. Qaltli biex ma nieħu xejn mingħand ħadd, ma nkellimx irġiel u ma ndaħħalx irġiel id-dar. Diġà kont bdejt nisħet is-siegħa u l-mument li qiegħda hemm u irrealizzajt mill-ewwel kemm ħallejt imħabba warajja. Ħallejt nies li kienu jipproteġuni. Issa ma kelli lil ħadd. Issa kont waħdi!

Wasalna fl-ajruport ta King Abdulaziz u ġie r-raġel tagħha għalina. Hemm skoprejt li kienet miżżewġa, iżda għal xi raġuni r-raġel tagħha ma kienx jidher sewwa. Kien qisu marid u bdiet tistmah qisu xi skjav. Kien akkumpanjat minn xi rġiel oħra. L-affarijiet li qaltli biex ma nagħmilx bdiet tagħmilhom hi. Tiċċaċċra mal-irġiel li kienu magħna fil-karozza b’ħafna kunfidenzi. Kulħadd iħares lejja b’intenzjonijiet żienja. Ħassejtni mneżża’. Ħassejtni mneżża’ minn kull dinjità u rispett. Il-vjaġġ tal-karozza kien wieħed twil ukoll, però wasalna b’wiċċ il-ġid. Niżżlulna l-bagalji u minnufih bdiet iddawwarni mal-palazz u anki mas-salon li kien parti minnu. Salon il-ġmiel tiegħu, kbir, spazjuz u atrezzat b’apparat mill-aqwa, lissint tbissima. Kien imiss imbagħad li teħodni fil-kamra tiegħi. Kmajra żgħira ħafna b’sodda, gwardarobba u skrivanija. Kollox ippustjat bl-eżatt, iżda kellha gallarija ċkejkna. Lanqas kienet qisha parti mill-palazz li urietni.

Hi kienet hairdresser ukoll? Kif kienet l-esperjenza tal-hairdressing?

Le. Kellha mpjegata oħra magħha. Ma kinitx tħallina nitkellmu. Kienet toqgħod għassa fuqna. Hemmhekk it-tradizzjonijiet huma differenti għall-ahhar. Konna naħdmu ħinijiet twal ħafna u xagħar in-nisa kien oħxon immens. It-tiġijiet kienu jsiru fit-tlieta ta’ filgħodu u l-għarusa kienet iġġib magħha reġiment bridesmaids. Konna naħdmu qisna annimali u konna mmexxulha l-ħanut aħna. Meta wasalt biex nieħu l-ewwel paga skoprejt li kienet paga minima u ma tagħtilix! Qaltli li se ġġemmagħhomli hi u tagħtihomli qabel nitlaq. Ma kinitx titmani, kont insofri l-ġuħ u bdejt nimrad. Kont inbati b’uġigħ ta’ ras qawwija. It-tabiba kienet tatni xi pilloli u kont naħbihom fil-keffa ta’ libsa partikolari. Darba fost l-oħrajn qamet f’nofs ta’ lejl, ġiet fil-kamra, fetħet il-gwardarobba, qabdet il-libsa u ċartitha sakemm waqgħu l-pilloli mal-art. Ikkonvinċejt ruħi li din il-mara kienet imxajtna! Darb’oħra kont qed naħdem u waqgħajt mal-art b’ħass ħażin. Ma riditx teħodni l-isptar iżda żewġha offra li jeħodni hu. Ma nafx kif aċċettat! Skoprejt li waqgħajt f’enemija u t-tabiba qaltli li kelli bżonn insostni ruħi sew għax kont anki fil-periklu li nitlef ħajti.

Għalfejn imradt?

Ma kinitx titmani! U jien ma kellix flus biex nixtri l-ikel. Apparti hekk ma stajtx noħroġ mid-dar għax kif kienu jaraw mara waħedha barra kienu jiġbruha l-pulizija! Ġieli kienet tagħtini l-fdalijiet tal-platt tagħha u kont inħossni xxurtjata. Kienet tgħidli biex nuża t-tips biex nixtri l-ikel, u meta kont nixtri kienet teħodhomli. Biex nagħmel belgħa te kien ikolli naħbi t-tea bag! Ir-raġel tagħha ma kienx joqgħod magħha. Iżda ġieli kont ninzertah fil-palazz u kemm-il darba tajt is-salt biex inkellmu! Kien raġel beżżiegħ però kien jitħassarni ħafna. Kien jagħtini xi ikel hu. Darba iddubbali karta u pinna u iddeċidejt li nikteb ittra lill-familja. Ġieli ħallietni nċemplilhom iżda kienet toqgħod maġenbi u ġġegħlni ngħidilhom li jien kuntenta u li kollox kien sew. Kont nibki kull filgħaxija, kif immidd rasi fuq l-imħadda. Kont indawwar il-kuruna tar-rużarju li ommi wadbitli fil-basket ma’ jdejja u kont nitlob. Maż-żmien it-talb beda jiġi karba biex ma nsebbaħx filgħodu.. Ma ridtx ngħix iktar. Kont nitlob lil Alla biex jeħodni. Kienu jkunu ħafna l-mumenti li kont inħares lejn il-gallarija bħala l-unika opportunità biex intemm dan il-martirju. Iżda Alla ma ridnix..

Għalfejn tqis din l-esperjenza bħala traffikar uman?

L-iskop ta’ dan kollu kien hekk biss. Kienu jiġu rġiel differenti kull filgħaxija u kienet iddaħħalhom fil-kamra tiegħi. Darba ġie raġel u qalli li ħajjartu ħafna minn fuq ir-ritratti. Hemm skoprejt li kienet teħodli r-ritratti mingħajr kunsens, meta kont inkun rieqda u kienet turihom lill-irġiel. Riditni naħdem għaliha kemm bħala hairdresser kif ukoll f’affarijiet oħra. Mill-ftit saħħa li kien għad fadalli xi ħaġa kienet qisha tagħtini ftit kuraġġ. Din ma kienet xejn għajr l-imħabba li kelli tistennieni d-dar. U daħħalt f’rasi li se nerġa’ ningħaqad magħhom akkost ta’ kollox. Ma stajtx naħrab għax ma kellix flus.

Bdejt nipprova nikkonvinċiha li nixtieq ninżel lura Malta biex niżżewweġ u nerġa’ nitla’. Kienet tiddieħak bija iżda darba fost l-oħrajn ġiet id-dar b’libsa tat-tieġ! Qaltli li riditni niżżewweġ bil-libsa li xtratli. Kienu għaddew sitt xhur fl-infern tad-dinja u kienet qaltli li qatgħetli passaġġ. Qaltli li se twassalni l-ajruport u li ma kienet se tgħini xejn biex immur lura. Il-pagi ma tathomli qatt! Qaltli li se tagħtihomli malli nerġa’ nitla’ lura. Kien il-mod li użat biex tirrikattani.

Kemm domt is-Saudi Arabja u rnexxielek tinżel lura Malta?

Domt kwazi seba xhur. Irnexxieli nikkonvinċiha u ħallietni nitlaq. L-affarijiet tiegħi ma ħallitnix neħodhom. Il-ħwejjeġ, il-flus u l-affarijiet li tellajt miegħi ħallejthom kollha warajja. Kulma ħadt kien il-passaport u l-handbag. Ir-raġel tagħha kien wassalni l-ajruport u kien tani xi ftit flus. Ma kellix saħħa. Il-vjaġġ ma ried jispiċċa qatt. Sakemm kont qed nistenna fl-ajruport kienu se jarrestawni l-pulizija għax ħasbuni prostituta! Bdejt naqta’ qalbi iżda l-fidi li kelli f’Alla ma ħallitnix.

Kif wasalt Malta spiċċajt l-isptar. L-għarus tiegħi u l-familja kienu rrabjati ħafna iżda ma flaħtx għal iktar inkwiet. Kont ċempiltilha u għidtilha li ma kontx se nersaq iktar lejn is-Saudi Arabja. Hedditni li tirrovinali ħajti. L-għada li żżewwiġt spiċċajt l-isptar u bqajt nimrad ħajti kollha. Però rnexxieli niftaħ is-salon tiegħi li grazzi lil Alla żamm is-suċċess sakemm ħriġt bil-penzjoni.

X’messaġġ tixtieq tgħaddi lil dawk kollha li qed jaqraw l-istorja tiegħek?

Il-Bambin iħares lil kulħadd minn dak li għaddejt minnu jien. Qatt m’għamilt xejn ħażin u qatt ma weġġgħajt lil ħadd. Kont insibha diffiċli biex nifhem għaliex kien jixraqli dan kollu. Fil-ħajja trid tapprezza s-sabiħ kollu li jkollok madwarek għaliex kultant inħoss li aħna aljenati wisq u megħdijja bil-materjaliżmu. Kienet fil-fatt l-imħabba li żammitni ħajja. U dan huwa l-messaġġ tiegħi. Tintilfux titpeċpċu tħarsu lejn l-istilel u tinsew tħarsu lejn il-qamar!

Nirringrazzja minn qalbi lil din il-mara talli qasmet miegħi din l-esperjenza. Ikolli nammetti li qabżitli demgħa wkoll. Tirrealizza kemm hawn min ibati, ħafna drabi fis-silenzju, u kemm għandna nkunu grati għal kull ġurnata li nsebbħu qawwijin u sħaħ.

Enable Notifications OK No thanks