Select Page
Kif nistgħu ma ninkwetawx iżżejjed? – Michelle Zerafa

Kif nistgħu ma ninkwetawx iżżejjed? – Michelle Zerafa

Kif tkellimna l-ġimgħa l-oħra l-ansjetà żdiedet minħabba li qed ngħixu żmien ta’ inċertezza minħabba l-pandemija, allura hemm it-tendenza li ninkwetaw iżżejjed ..

Xi kultant tiġina t-tentazzjoni li naħarbu mir-realtà u ninfexxu f’xi ħaġa li taljenana bħax-xogħol bla nifs, it- tindif esaġerat, li norganizzaw kollox b’perfezzjoni u ħafna aktar. Huwa tajjeb li naljenaw ruħna iżda il-moderazzjoni hija importanti biex inżommu l-bilanċ li hemm bżonn.

Kif nista’ ninduna li m’hemmx bilanċ? Jekk ninduna li l-moderazzjoni mhijiex hemm għax jew ta’ madwari jinfurmawni li qed nesaġera jew għax inħoss li ħajti qeda f’konfużjoni sħiħa dan ikun ifisser li xegħlet il-bozza l-ħamra. Kif nindunaw li hemm problema nistgħu jew nagħżlu li nibqgħu għaddejjin f’ċirku vizzjuz jew nistgħu nagħżlu li nieħdu ħsieb il-problema u nfittxu l-għajnuna li hemm bżonn. Studji jgħidu li aktar ma tipprova tgħatti milli taċċetta dak li qed tħoss, iktar hemm ċans li l-problema tikkumplika ruħha.

Il-ħsibijiet tagħna jistgħu jikkontrollawlna ħajjitna. Tajjeb li xi kultant nieqfu ftit u naraw x’qed jgħidulna għax fir-realtà huma l-ħsibijiet li joħolqulna emozzjonijiet b’saħħithom li jġiegħluna nirreaġixxu. Pereżempju, jekk jien moħħi jgħidli li m’inhix tajba biżżejjed biex nitkellem quddiem grupp ta’ nies, il-ħsibijiet tiegħi jiddominawni u nispiċċa nibża u nitwerer. Allura x’jiġri, meta niffaċċja n-nies u nitkellem il-biża’ ma tħallinix nikkonċentra u allura ċ-ċans hu li nibda nlaqlaq. Inkella l-biża’ żżomni lura u qatt ma nipprova, allura nibqa’ nemmen li jien mhux kapaċi niffaċċja udjenza. Permezz ta’ dan iċ-ċirku vizzjuz nispiċċa nsostni l-ħsibijiet tiegħi. Dan ikollu allura impatt fuq il-kunfidenza tiegħi jew il-perċezzjoni tiegħi nnifsi..

Allura x’għandi nagħmel biex il- ħsibijiet negattivi ma jaffetwawnix?

L- ewwel ħaġa hija li importanti li nifhem x’qed jiġri, nifhem aħjar x’inhuma l-ħsibijiet li għandi

Għandi wkoll naċċetta li qed nesperjenza dawn il-ħsibijiet, aktar ma naċċetta dawn il- ħsibijiet inqas ikollhom poter fuqi..

Nista’ niftakar f’esperjenzi pożittivi u nfakkar lili nnifsi li xi darba irnexxieli u li jien kont kapaċi. Nista’ anke niftakar xi kumplimenti li għamluli.

Nista’ nkompli nifhem għala qed jkolli ħsibijiet negattivi, billi niskopri aktar dwari nnifsi u forsi dwar esperjenzi mill-passat tiegħi.

Dan xogħol li nista’ nagħmel waħdi, iżda jekk ma jirnexxilix, tajjeb li nfittex l-għajnuna mingħand professjonist.

Ngħiduha kif inhi, mhux dejjem faċli niffaċċjaw dak li jtaqqalna, però tajjeb li nfakkru lilna nfusna li mhux impossibbli. Fil-verità jekk ma niċċaqalqux u nippruvaw niffaċċjaw dak li jtaqqalna, inkunu qisna pupazzi f’idejn dawn il-ħsibijiet li jniżżluna l-isfel. Għalhekk wieħed irid jiftakar li jekk jirnexxilu, il-kwalità tal-ħajja tiegħu u ta’ dawk ta’ madwaru, hemm ċans li tinbidel għall-aħjar.

F’idejk..

Awguri u tislijiet.

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta

Siltiet u poeżiji mill-awtriċi Elaine Gauci Scerri

Siltiet u poeżiji mill-awtriċi Elaine Gauci Scerri

Elaine Gauci Scerri għandha passjoni mhux biss għal-lingwa Maltija iżda wkoll għall-kitba. Tesprimi l-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħha permezz ta’ kitbiet u poeżija.

Fil-bidu li bdiet il-pandemija ħasset li riedet taqsam il-kitbiet tagħha fuq il-midja soċjali u kellha rispons tajjeb ħafna, tant li minn hemm ‘il quddiem kompliet tagħmel dan bit-tama li tagħmel differenza fi żmien tant diffiċli.

Dan hu dak li qaltilna dwarha Elaine..

“Minn dejjem kelli mħabba speċjali lejn il-Malti u nemmen li għandna nsaħħu l-użu tal-ilsien Malti u nagħfru l-importanza tiegħu dejjem aktar. Il-Malti huwa l-lingwa tagħna, teżor nazzjonali. Il-Malti għandu jiġi mħares b’rispett u dinjita’.

Ħafna drabi nikteb wara li nkun smajt jew iltqajt ma esperjenzi li jkun għadda minnhom xi ħadd. Jibqgħu iduru ġo moħħi u allura nkun nixtieq nesprimi l-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tiegħi. Il-kitba ttini ċans ngħid dak li bil-fomm kultant ikun diffiċli. Nikteb meta qalbi titkellem.”

Nirringrazzjaw lil Elaine li se tkun qed taqsam din il-passjoni magħna fuq skoperta.net

Din hi l-ewwel silta ta’ Elaine fuq skoperta.net:

Ħsieb: Jekk tinsab f’relazzjoni tossika tibqax issib skużi. Ħobb lilek innifsek. Biż-żmien jinfetħu bibien ġodda li jwassluk għall-imħabba vera. Kuraġġ.

Kif nistgħu nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħna – Counsellor Michelle Zerafa

Kif nistgħu nieħdu ħsieb is-saħħa mentali tagħna – Counsellor Michelle Zerafa

Merħba

Nibda’ billi minn qalbi nirringrazzja lil Roberta u lil Janice għal din l-opportunità li naqsam il-ħsibijiet tiegħi magħkom permezz ta’ Skoperta.

Dawn il-ħsibijiet jiġu ispirati mill-ħajja tiegħi. Kemm minn esperjenzi personali li għaddejt minnhom, kif ukoll dawk ispirati minn narrattivi tal-klijenti tiegħi. Tajjeb li ngħid li nitgħallem kuljum mill-esperjenzi li niltaqa’ magħhom. Infatti nipprova nsib ħin biex nipproċessa dak li nħoss – din saret parti integrali mill- eżistenza tiegħi.

Tajjeb li nintroduċi ruħi – Jiena warranted counsellor, studjajt il-psikoloġija u l-counselling. Naħdem b’integrative approach – jiġifieri naħdem skont il-bżonn tal-klijent/a li jkun hemm quddiemi dak il-ħin. Ħdimt/naħdem ma’ tfal, adoloxxenti, adulti u koppji. Nemmen li kull bniedem għandu l-potenzjal tiegħu/tagħha. Iżda xi kultant dan ma nirrealizzawhx u għalhekk ma napprezzawx lilna nfusna biżżejjed u nibqgħu staġnati f’sitwazzjonijiet li xejn ma nkunu kuntenti bihom. Nemmen li għandi nissapportja lill-klijenti tiegħi b’tali mod li dak li jkun mhux biss jara l-problema iżda jara wkoll opportunitajiet oħra li jeżistu.
Jiena wkoll theatre arts practitioner. Minbarra l-esperjenza vasta u taħriġ fl-arti performattiva, jiena nagħmel użu wkoll mid-drama bħala terapjia, biex dawk li jħossuhom mingħajr vuċi jkollhom iċ-ċans jesprimu ruħhom. Infatti, iddedikajt it-teżi tiegħi dwar dan u kont ukoll involuta f’diversi proġetti li huma relatati ma’ dan il-għan.

Dan se jkun spazju fejn se jkollna l-opportunità li kultant nieqfu u naħsbu. Kultant qisna magni għaddejjin minn ħaġa għal oħra. Kultant huwa tajjeb li nieqfu u nieħdu n-nifs u naraw fejn sejrin jew fejn nixtiequ mmorru.

Mhux bil-fors ikollna direzzjoni ċara.
Mhux bil-fors li kollox ikun ward u żahar.
Ħafna drabi mhux se nkunu kuntenti b’kollox.
Normali ..ftakar .. m’intix waħdek.
Li ssib il-paċi anke fil-konfużjoni huwa rigal li tista’ tagħti lilek innifsek.

F’dan l-ispazju se jkollna wkoll l-opportunità li niġu wiċċ’ imb’wiċċ ma’ problemi li niltaqgħu magħhom fil-ħajja tagħna, kemm dawk marbuta ma’ bidliet li ngħaddu minnhom fil-ħajja, kif ukoll ma’ kundizzjonijiet marbuta ma’ saħħa mentali.
Nitkellmu aktar dwar dan fil- gimgħat li ġejjin.

Inwiegħed li nżomm appuntament magħkom minn gimgħa għal oħra. Kif ukoll nagħmel ħilti kollha biex inwieġeb mistoqsijiet li jista’ jkollkom.

Saħħa, paċi u tislijiet

Enable Notifications OK No thanks