L-idejn jirriflettu l-emozzjonijiet tal-konsegwenzi f’diversi sitwazzjonijiet

L-idejn jirriflettu l-emozzjonijiet tal-konsegwenzi f’diversi sitwazzjonijiet

AFTERmath hija wirja tal-arti li se tkun għall-wiri fil-bini tal-Parlament Malti, il-Belt Valletta, wara li inqas minn xahar ilu kienet qed iżżejjen l-aktar parti prominenti tal-Parlament Ewropew fi Brussell. Ix-xogħol jitratta l-gwerra li għaddeja bħalissa fl-Ukrajna.

Ritratt: Keith Darmanin

Fil-qofol tal-kunflitt, l-artisti Mark Mallia u Etienne Farrell jeżaltaw l-importanza li nħarsu lejn dak kollu li jagħmilna umani, u li qiegħed jiġi mhedded u mkasbar. Ix-xogħol jindirizza kif dan il-kunflitt qiegħed jolqot lil kulħadd, ġej minn fejn ġej, speċjalment lil ċittadini Ewropej.

F’dan ix-xogħol, l-artisti użaw l-idejn biex jirrappreżentaw lill-bniedem f’diversi sitwazzjonijiet li qiegħed iġarrab sforz tal-kunflitt, li qiegħed jinħass anke f’pajjiżna. Temi bħal biża’ u ansjetà, l-għoli tal-ħajja, u fuq kollox tama, huma ftit mis-suġġetti li jidhru fit-13-il biċċa xogħol li se jkun hemm għall-wiri.

Min hu interessat li jattendi għall-ftuħ tal-wirja, jista’ jikkuntattja direttament lil Mark Mallia jew Etienne Farrell fuq messaġġ privat fuq Facebook Messenger. Il-wirja qed issir b’kollaborazzjoni mal-MEP Alex Agius Saliba.

Il-ftuħ se jsir nhar il-Ġimgħa li ġej, 18 ta’ Novembru u se tibqa’ miftuħa sat-28 ta’ Novembru.

Għal aktar dettalji, segwi l-paġna Mallia – Farrell | Mqabba | Facebook

L-attur André Penza jaqsam magħna talent ieħor li ftit jafu dwaru! X’inhu?!

L-attur André Penza jaqsam magħna talent ieħor li ftit jafu dwaru! X’inhu?!

Ċertament André huwa magħruf sew magħkom is-segwaċi bħala wieħed mill-aqwa atturi li għandna f’pajjiżna, iżda żgur li ħafna minnkom ma tafux li l-aspett artistiku ta’ André mhuwiex biss fir-reċtar!

Il-pandemija tal-Covid-19 wasslet lil André biex jibda proġett ta’ presepju, kollu kemm hu bix-xogħol tal-idejn, iżda mhux presepju tradizzjonali li mdorrijin naraw, għaliex dan huwa presepju li jirrakkonta l-ġrajja tal-passjoni ta’ Ġesù Kristu.

F’kuntatt li skoperta.net għamel ma’ André, skoprejna aktar dwar dan il-presepju u l-perspettiva ta’ André dwar iż-żmien relatat miegħu.

Kif ġietek l-idea li tagħmel dan il-presepju?

Hekk kif f’Marzu tal-2020 instabu l-ewwel każijiet tal- Covid-19, il-filming waqaf, u t-teatru wkoll, u għalhekk sibt ruħi b’ħafna ħin fuq idi li s-soltu ma jkollix. M’iniex it-tip li nintefa’ nara Netflix, u ridt nara x’se nivvinta biex inżomm ruħi attiv. Qatt qabel ma kont ħdimt tafal però minn dejjem kelli x-xewqa li nipprova nagħmel xi ħaġa.

Fl-istess ħin ukoll, kien ilu snin iberren f’moħħi biex nagħmel presepju b’differenza minn dak li mdorrijin naraw fil-Milied. L-unika problema kienet li filwaqt li għal tal-Milied issib pasturi kemm trid u ta’ liema qies trid, fil-każ ta’ presepju għal żmien l-Għid, il- personaġġi ma ssibhomx fil-ħwienet. Allura għidt ħa nipprova nagħmilhom jien.

Kif kien il-proċess u kemm domt biex wasalt għar-riżultat finali?

L-idea kienet illi naħdem personaġġi żgħar ta’ madwar 10cm iżda l-ewwel personaġġ li għamilt ġieni ftit akbar. It-tieni ġieni ftit akbar minnu u allura ddeċidejt li nerġa’ nagħmel l-ewwel personaġġ. Eventwalment spiċċajt kważi finalment biddilt il- personaġġi kollha, kemm għax iktar ma jmur, iktar bdejt nieħu l-qagħda w anke għax finalment iddeċidejt li nagħmilhom ta’ qies ikbar. Kull personaġġ fih 21cm.

Il-proċess jibda billi nħażżeż fuq karta x-xena kif bdejt nimmaġinaha u nistudja l-pożizzjonijiet tal- ġisem. Imbagħad bdejt nagħmel il-qafas tal-fildiferru biex nagħtihom il-pożizzjoni u l-qies u finalment nibda nibni madwaru bit-tafal. Kien hemm xi drabi fejn bdejt naqta’ qalbi għax kien hemm wisq personaġġi x’nagħmel u f’dawk il-mumenti kont nieqaf mit-tafal u naħdem fuq il-presepju nnifsu. Din ukoll kienet uġigħ ta’ ras għax żammejt f’moħħi li dan eventwalment ridt inżarmah biex nerfgħu allura ħdimt kollox modulari, biċċiet li jidħlu f’xulxin mingħajr ma jidhru li mhux presepju sħiħ. Barra minn hekk jien kont qed naħdem kollox id-dar u tista’ timmaġina kemm kont naqla’ mbarazz, però kont nieħu kedda u nnaddaf sew warajja kuljum biex ma titfagħnix ‘il barra l-mara. Però l-fatt li tal-familja tawni s-sapport flimkien mal-ħsieb li t-tfal tiegħi permezz ta’ dan il-presepju kienu se jifhmu aħjar il-ġrajja tal-Passjoni ta’ Ġesù għamilli kuraġġ biex nippersisti fuq dan il- proġett.

L-aspett artistiku tiegħek jirrifletti sew fil-preżentazzjoni tal-filmat ta’ dan il-presepju. Żgur li ftit nies kienu jafu li għandek dan it-talent, kif nibet? U beħsiebek tkompli tipprattikah?

Onestament ma nħossx li għandi xi talent f’dan il-qasam. F’Malta għandna diversi artisti bravissimi u m’iniex beħsiebni nipprova nidħlilhom fl-għalqa, però min-naħa l-oħra l-forte tiegħi dejjem kienet it- tpinġija u żgur li dan għeni mhux ftit fit-twettieq ta’ dan il-presepju. Issa li ħadt din il- kedda, il-pjan hu li matul is-snin inkompli naħdem fuqu u ntejjeb. Għad baqali ħafna x’nitgħallem u x’nirranġa imma nemmen li bil-prattika u determinazzjoni, eventwalment jirnexxieli nasal għal dak il- pordott finali li qed nimmaġina f’moħħi.

Tqisek bħala persuna spiritwali?

Iva, jien bniedem li nemmen ħafna fit-talb. Nitlob għal ħafna nies li nħoss li jkollhom bżonn. M’iniex xi qaddis miexi fl-art u niżbalja bħal kulħadd però nħaddan prinċipji u valuri sodi ħafna. F’ dan iż-żmien tar-Randan, id-dar inbiddlu r-rutini kollha, anke fejn jidħol l- ikel. Insumu nhar t’ Erbgħa w nhar ta’ Ġimgħa u nieħu gost li meta b’aljenazzjoni ninsew, ifakkruna t-tfal li pereżempju ma nistgħux nieklu laħam, jew meta jaqbduna se nnaqqru xi borża ħelu.

Bħala wieħed li ġieli interpretajt il-parti ta’ Kristu, xi jfisser għalik li tinterpreta din il-parti? U personalment, xi jfisser għalik iż-żmien tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid?

Meta ġejt magħżul l-ewwel darba biex ninterpreta l- parti ta’ Kristu, kont diġà ilni ammont ta’ snin nimmilita fit-teatru u fidrama fuq it-televizjoni, però qatt ma ħassejt li kelli nittrattaha bħala parti bħall- oħrajn. Dejjem ħassejt responsabilità kbira u għall- kuntrarju ta’ ħafna li jinterpretaw din il-parti, mhux biss kont nenfasizza fuq it-tbatija li għadda minnha imma dejjem pruvajt nuri kemm nista’ l-umanità ta’ Ġesù fl-interpretazzjonijiet tiegħi.

Ġesù minkejja li kien l-iben t’Alla, baqa’ umli quddiem Alla u ġarr is-salib sal-aħħar, u baqa’ jaħfer sal- aħħar nifsijiet tiegħu. Dan iż-żmien inħobbu ħafna għax bla ma trid, tieqaf u tirrifletti fuq il-mixja tagħna fil-ħajja ta’ kuljum. Huwa l-uniku żmien tas-sena li għadu jiġi ċċelebrat fil-ġabra u spiritwalità għall-kuntrarju tal- Milied li ġie ikkumerċjalizzat wisq.

Filmat: André Penza

Carpal Tunnel – X’inhi eżattament? U x’tista’ tagħmel jekk tħoss is-sintomi? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Carpal Tunnel – X’inhi eżattament? U x’tista’ tagħmel jekk tħoss is-sintomi? – Dr Georgiana Farrugia Bonnici

Il-carpal tunnel tikkonsisti minn passaġġ dejjaq fuq il-parti ta’ quddiem tal-idejn u l-polz, li sservi bħala daħla għall-pala tal-id għal diversi tendini u kif ukoll, in-nerv medjan. In-nerv medjan għandu rwol importanti li jissupplixxi s-sensazzjoni lis-swaba, u kif ukoll li jiffaċilita l-moviment tas-suba’ l-kbir.

Is-sindromu tal-carpal tunnel għandu tendenza li jinqala’ minħabba kompressjoni kontinwa fuq in-nerv medjan. Din il-kundizzjoni tista’ tiġi preċipitata minn ċerti fatturi li jinkludu li tkun mara minħabba anatomija iżgħar tal-polz, ċerti kundizzjonijiet bħal ksur jew dislokazzjonijiet preċedenti fil-polz, artrite, dijabete, obeżità, tqala, menopawsa, disturbi fil-glandola tat-thyroid, mard tal-kliewi, u kif ukoll, permezz ta’ mozzjonijiet ripetittivi tal-idejn, li jinvolvu liwi fit-tul tal-polz waqt ħidmiet speċifiċi ta’ xogħol, bħall-użu ta’ għodod tal-kostruzzjoni, klerikali, tal-catering jew tal-parrukkiera, kif ukoll attivitajiet frekwenti oħra ta’ kuljum, bħas-sewqan, l-użu tat-telefon cellulari jew il-qari.

Is-sintomi gradwali tal-Carpal Tunnel jistgħu jinkludu sensazzjoni ta’ tnemnim jew dgħufija fis-swaba, fl-idejn, jew fid-driegħ. Ċerti individwi jistgħu jwaqqgħu oġġetti, u anke jkollhom it-tendenza li jċaqilqu idejhom sabiex itaffu dawn is-sintomi li jistgħu wkoll jiggravaw matul il-lejl jew malli wieħed iqum kmieni filgħodu.

Is-sindromu tal-carpal tunnel jista’ jinterferixxi mal-attivitajiet ta’ kuljum kif ukoll ifixkel l-irqad. Huwa importanti li wieħed ifittex parir mediku bikri, peress li jekk din il-kundizzjoni ma tiġix ittrattata, maż-żmien tista’ sseħħ ħsara permanenti fin-nervituri jew fil-muskoli.

Is-sindromu tal-carpal tunnel jista’ jiġi djanjostikat permezz ta’ eżami fiżiku, kif ukoll testijiet speċifiċi dwar il-kunduzzjoni tan-nervituri, li huma kapaċi jivvalutaw kwalunkwe tfixkil fl-attività elettrika tal-polz u l-idejn meta l-muskoli jikkuntrattaw u meta jkunu mistrieħa, permezz tal-użu ta’ elettrodi żgħar imwaħħla mal-ġilda.

Modi sempliċi biex titnaqqas il-pressjoni fuq in-nerv medjan u għalhekk jitnaqqas ir-riskju li tiżviluppa s-sindromu tal-Carpal Tunnel jinkludu: li żżomm qagħda tajba waqt il-ħinijiet tax-xogħol li tippermetti r-rilassament tal-idejn, it-teħid ta’ pawżi qosra u frekwenti, speċjalment meta tuża għodod tal-kompjuter jew tal-kostruzzjoni li jivvibraw, imqassijiet tal-parrukkiera jew cash registers.

Għażliet oħra ta’ trattamenti konservattivi għas-sindromu tal-carpal tunnel jinkludu l-użu ta’ splints tal-polz li ġeneralment jintlibsu bil-lejl, vitamini kumplessi tat-tip B li jippromwovu s-saħħa u r-riġenerazzjoni tan-nervituri, kif ukoll użu għal żmien qasir ta’ mediċini anti-infjammatorji jew injezzjonijiet ta’ kortikosterojdi li jtaffu l-uġigħ u n-nefħa.

Barra minn hekk, il-yoga u l-fiżjoterapija jistgħu jgħinu wkoll. Għal każijiet aktar severi li ma jirrispondux għal miżuri li semmejna, id-dekompressjoni tal-carpal tunnel tista’ tinkiseb ukoll permezz ta’ intervent kirurġiku, li tinvolvi dissezzjoni tal-ligament li kontinwament ikun qed jagħfas fuq in-nerv medjan.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel LIKE fuq din il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× By Dr. Georgiana Farrugia Bonnici | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Evidenza (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Evidenza (It-tielet parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Iżda saqajja kont qed inħosshom wisq tqal u ġismi kien qed jiġbidni lura.
Ħassejt idejn il-gwardjan fuq spallti.
Ħarist lejh u rajtu jagħmilli mossa ta’ kuraġġ.
Forsi kulħadd bħali kien jagħmel.
Forsi kulħadd kien jibża’ xi ftit wara dawk is-snin kollha hemm ġew.
Ħadt nifs profond, poġġejt idi fuq sidri, sellimt lill-gwardjan u bdejt miexi b’mod aktar prattikabbli lejn il-bieb prinċipali.
Smajt il-ħoss tal-bieb jinfetaħ b’mod aktar qawwi milli kien suppost.
Daħal raġġ ta’ dawl minn bejn il-bexqa tal-bieb kbir magħmul minn injam mastizz u oħxon.
Bexxaqt għajnejja għax tant kemm kienu draw id-dawl fittizju ta’ hawn ġew, li kienu diġà bdew jaħarquni.
U ħassejtni liberu.
Iva, liberu.
Dak il-ħin.
Dak il-propju mument qabel ħriġt bilmod ‘il barra.
U għamilt l-arja. Ersaqt lejn il-bieb u ħriġt hemm barra fix-xemx, inħoss iż-żiffa fietla tas-sajf, tmellisli wiċċi u twennisni.
U rajt persuna bilwieqfa tħares lejja eżatt minn quddiem il-kanċell tan-naħa ta’ barra.
“Jonas?” ħarġitli b’mod sorpriż, hekk kif indunajt li ħija kien ġie għalija!
Ħarist lura lejn il-gwardjan li kien għadu jiffolowjani eżatt mal-kanċell, fetaħuli u reġa’ għalqu warajja biż-żaqżiq.
Mort inħaffef ngħannaq lil ħija, li dawn l-aħħar sentejn kien reġa’ beda jiġi jżurni.
Kont għamilt żmien twil, lanqas biss nisma’ b’aħbaru.
Imma donnu dan l-aħħar kien ħafirli ta’ dak li kont wettaqt.
“Int ħammiġtilna unurna!” kien akkużani Jonas, meta kien ġie jarani l-ewwel darba.
Jonas kien it-tewmi tiegħi.
Ħija.
L-unika familja li kelli.
“Aħfirli Jonas, inti kont miegħi dakinhar. Taf li konna xrobna!” kont krabtlu, qabel kont ġejt eskortat mill-pulizija.
U issa kont qed nistħi minnu.
Ħija t-tewmi.
X’differenza kien hemm bejnietna!
Jien kelli xagħri nofsu mwaqqa’ bl-inkwiet kollu li kien għadda mingħalija, wiċċi mimli tikmix u linji ta’ maturità esaġerata. Kont liebes biċċa flokk iffejdjat u xi ftit mikul. Qalziet li kien kiber miegħi, leħja mteftfa u kont ġejt niexef għuda.

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Kif tista’ tissapportja bl-aħjar mod lil xi ħadd li qed jikkumbatti mal-kanċer?

Kif tista’ tissapportja bl-aħjar mod lil xi ħadd li qed jikkumbatti mal-kanċer?

Meta xi ħadd qrib tagħna ikun qed jikkumbatti mal-kanċer, ir-reazzjoni immedjata tagħna tkun dik li naraw x’nistgħu nagħmlu biex ngħinuhom u nagħtu s-sapport tagħna.

Dawn huma modi differenti kif tista’ tagħti s-sapport tiegħek.

X’għandi ngħid?

Ħafna drabi, speċjalment fil-bidu, tista’ tkun konfuż dwar x’għandek tgħid jew tagħmel, iżda żomm f’moħħok li tkun miftuħ u sensittiv għal kif qed iħossu huwa dak li ħafna nies ikollhom bżonn. Li jkunu jafu li qiegħed hemm għalihom se jgħin ħafna.

Kull persuna li tkun qed tikkumbatti mal-kanċer ikollha esperjenza differenti u għalhekk ipprova tassumix kif il-persuna tista’ tħossha. Tista’ tkun qed tħossha ferħana f’ġurnata u mdejqa fl-oħra. Ipprova kun konxju tal-burdata tagħha.

Ftakar li l-persuna forsi ma tridx titkellem jew taħseb dwar il-kanċer il-ħin kollu. Li jkollok konverżazzjoni normali fuq affarijiet ta’ kuljum u li taqsam ċajta kultant tista’ tgħin ħafna.

Ipprova teħodhiex personalment jekk il-persuna ma tridx titkellem dwar il-kanċer u rrispetta l-ħtieġa tagħha għall-privatezza jew li jkollha ftit ħin għall-kwiet.

L-emozzjonijiet li jistgħu jħossu

Ħafna drabi tibda tinduna li l-burdata tal-persuna tinbidel minn mument għall-ieħor. Dan huwa normali għal min jiġi dijanjostikat b’kanċer.

Hemm firxa sħiħa ta’ emozzjonijiet li jistgħu jesperjenzaw inklużi:

  • Rabja
  • Dwejjaq
  • Inċertezza
  • Biża’
  • Ħtija
  • Frustrazzjoni
  • Solitudni
  • Iżolament
  • Riċentament
  • Niket

Li wieħed jifhem dawn l-emozzjonijiet jista’ jgħin biex tissapportja lill-persuna aħjar.

Sapport emozzjonali

Ir-riċerka turi li s-sapport emozzjonali mill-familja u l-ħbieb jista’ jagħmel differenza kbira għall-kwalità tal-ħajja ta’ xi ħadd bil-kanċer.

Ħafna drabi wieħed jibża’ li se jgħid xi ħaġa ħażina lil xi ħadd b’kanċer. Jekk turi li ġenwinament jimpurtak minn dak li għaddejja minnu l-persuna allura tista’ tkun ta’ sapport kbir.

Dawn huma xi suġġerimenti li jistgħu jgħinuk:

Li tista’ tagħmel:

  • Esprimi ruħek jekk qed tħossok skomdu, importanti li tirrikonoxxi s-sitwazzjoni minflok tippretendi li mhix qed isseħħ.
  • Xi tagħfisa fl-idejn jew tgħanniqa tagħmel differenza.
  • Ċempel lill-persuna, ibagħtilha xi kartolina jew messaġġ biex turiha li qed taħseb fiha.
  • Fakkarha li jekk tkun trid titkellem se ssibek dejjem hemm biex tisma’. Min-naħa tiegħek kun żgur li tkun disponibbli.
  • Irrispetta l-ħtieġa għall-privatezza tagħha, anke jekk tkun qed tgħix mal-persuna.
  • Issapportja lill-persuna matul id-dijanjosi kollha, fil-bidu, waqt u wara t-trattament.
  • Aqsam xi ċajta u idħak magħha. Id-daħk huwa wkoll mediċina.
  • Żomm ir-relazzjoni tiegħek mal-persuna normali u bilanċjata kemm jista’ jkun.

X’għandek tevita li tgħid u tagħmel:

  • Evita li tgħid li taf kif qed tħossha. Qatt ma tista’ tkun taf eżattament kif iħossu xi ħadd li jkun qed jgħix b’kanċer jekk ma tkunx għaddejt minnha, u anke jekk tkun għaddejt, kulħadd huwa differenti.
  • Evita li tgħidilha biex tkun b’saħħitha jew pożittiva, għaliex b’hekk tkun qed tagħmel pressjoni fuq il-persuna biex iġġib ruħha b’ċertu mod.
  • Tiħux l-affarijiet personalment jekk il-persuna tidher irrabjata jew imdejqa jew ma tridx titkellem.
  • Toffrix pariri li ma ġewx mitluba.
  • Tqabbilx is-sitwazzjoni tal-persuna ma’ ta’ xi ħaddieħor li taf, l-esperjenza ta’ kull persuna li tgħix b’kanċer hija unika.

Li tisma’

Li tisma’ u tipprova tkun konxju tal-ħsibijiet u s-sentimenti ta’ xi ħadd huwa importanti.

M’hemmx bżonn li jkollok it-tweġibiet kollha. Sempliċiment li tisma’ t-tħassib jew l-inkwiet tal-persuna jista’ jkun ta’ għajnuna kbira.

Li tisma’ lill-persuna fil-mument li jkollha bżonn huwa parti importanti mis-sapport emozzjonali.

Hawn xi suġġerimenti li jistgħu jgħinuk tagħmel dan:

  • Ara li kemm jista’ jkun tkunu f’post privat, rilassat u bi ftit distrazzjonijiet.
  • Ħares f’għajnejn il-persuna imma tiċċassax lejha.
  • Ħalli l-persuna tmexxi l-konverżazzjoni u pprova tinterrompix.
  • Agħti l-attenzjoni kollha tiegħek għal dak li qed tgħid.
  • Jekk qed issib dak li qed tgħid il-persuna diffiċli jew ta’ dwejjaq, tbiddilx is-suġġett. Tkellem dwar kif qed tħossok, dan jista’ jipprevjeni kwalunkwe skumdità.
  • Jekk il-persuna tibki, tippruvax twaqqafha jew tipprova tferraħha. Aċċertaha li huwa ok li tkun imdejqa u li hija reazzjoni normali għal dak li qed tgħaddi minnu.
  • Li taqbdilha idejha tista’ tgħin imma jekk tinġibed lura, agħtiha l-ispazju li għandha bżonn.
  • Ipprova tagħtix pariri sakemm il-persuna ma tkunx talbitek xi parir hi stess.
  • Iddaħħalx umoriżmu f’dak il-mument sakemm ma tkunx qed tiċċajta hi stess.
  • Is-silenzju mhuwiex ħażin, anzi, li jkun hemm mumenti fejn tisma’ biss mingħajr ma tlissen kelma, jistgħu jgħinu lill-persuna wkoll.

Sapport prattiku

Minbarra li tissapportja lil xi ħadd emozzjonalment, tista’ wkoll tgħin billi toffri sapport prattiku.

Tkellem mal-persuna u staqsiha jekk hemmx xi ħaġa speċifika li għandha bżonn l-għajnuna fiha.

Hawn persuni li ma jkunux iridu għajnuna jew jistgħu jsibuha diffiċli biex jaċċettawha. Forsi għax ikunu jridu jibqgħu kemm jista’ jkun indipendenti. Ipprova teħodhiex personali. Irrispettat d-deċiżjoni tal-persuna imma kun żgur li taf li jekk tibdel fehmtha, int se tkun hemm.

Li toffri li tgħin hija ħaġa sabiħa ħafna, iżda kun żgur li int kapaċi timpenja ruħek għal kwalunkwe għajnuna li tkun meħtieġa.

Dawn huma xi ideat prattiċi:

  • Ipprepara xi ikliet bnini li jistgħu jiġu ffriżati.
  • Twassal lill-persuna l-isptar għal testijiet tad-demm u appuntamenti.
  • Tgħin fit-tindif u l-ħasil tal-ħwejjeġ.
  • Tieħu mixja lill-kelb jew annimali domestiċi oħra għand il-vet.
  • Toffri li tagħmel ix-xiri.
  • Twassal u tmur għat-tfal l-iskola.
  • Tagħmel xi qadjiet li jista’ jkollha bżonn tagħmel.
  • Jekk ma tgħix mal-persuna, staqsi qabel iżżurha, f’każ li tkun qed tħossha ma tiflaħx ħafna.

Il-preżenza, ir-rispett u l-imħabba huma importanti ħafna u dejjem jagħmlu differenza kbira fil-ħajja tal-individwu.

Madanakollu, inħeġġu dejjem sabiex wieħed ifittex għajnuna professjonali jekk u meta jħoss il-bżonn.

Enable Notifications OK No thanks