Select Page
Putin jissospendi l-ftehim mal-Ukrajna dwar l-esportazzjoni tal-qamħ

Putin jissospendi l-ftehim mal-Ukrajna dwar l-esportazzjoni tal-qamħ

Il-President Russu Vladimir Putin qal li r-Russja qed tissospendi, iżda mhux twaqqaf għalkollox, il-parteċipazzjoni tagħha fi ftehim li sar mal-Ukrajna, li jippermetti passaġġ sikur għall-vapuri li jġorru esportazzjonijiet tal-qamħ Ukren.

Ir-Russja ħarġet mill-ftehim li sar min-NU, nhar is-Sibt, u allegat li l-Ukrajna użat passaġġ fil-Baħar l-Iswed biex tattakka l-flotta tagħha.

Madankollu, in-NU tgħid li ma kien hemm l-ebda vapur, u l-Ukrajna ma ħaditx ir-responsabbiltà għall-attakk.

Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy akkuża lir-Russja li qed tirrikatta lid-dinja bil-ġuħ, dikjarazzjoni li ġiet miċħuda mir-Russja.

Minkejja dan, 12-il vapur li kien fihom madwar 354,500 tunnellata ta’ ikel, inkluż qamħ, telqu mill-portijiet tal-Baħar l-Iswed tal-Ukrajna nhar it-Tnejn.

Kont taf li għandek toqgħod mill-inqas kwarta kuljum fix-xemx?

Kont taf li għandek toqgħod mill-inqas kwarta kuljum fix-xemx?

Il-Vitamina D kapaċi ssaħħaħ is-sistema immunitarja, l-għadam, is-snien, il-qalb, il-moħħ, u kif wkoll tnaqqas ir-riskju ta’ ċerti tipi ta’ kanċer, dijabete u kundizzjonijiet oħra rewmatoloġiċi.

Però, huwa fatt magħruf li ‘l fuq minn 57% tal-Maltin, għandhom livell baxx fis-sistema tagħhom. Għaldaqstant, huwa importanti li wieħed jagħmel minn tal-inqas kwarta kuljum espost għar-raġġi tax-xemx kif ukoll jiekol ikel rikk fil-Vitamina D bħal: bajd, ħut żejtni, prodotti mill-ħalib, faqqiegħ tat-tipi button jew portobello, ċereali ffortifikati u ġewż/lewż.

Idealment, wieħed għandu jġib is-sorsi primarji ta’ vitamini u minerali minn ikel bnin, bħal frott, ħaxix u x-xemx. Iżda jaf jagħti l-każ li d-dożi rakkomandati għal kuljum ta’ ċerti minerali u vitamini xorta ma jintlaħqux.

Barra minn hekk, min ipejjep, hu alkoħoliku jew għaddej minn perjodi ta’ stress fiżiku jew mentali jaf ikollu l-livelli ta’ dawn il-mikro-nutrijenti f’ġismu baxxi ħafna. Għaldaqstant, wieħed jista’ wkoll jissupplixxi dawn id-dożi meħtieġa, minn pilloli apposta.

Min ibati minn kundizzjonijiet kroniċi, bħal dawk relatati mal-qalb, kliewi, thyroid, parathyroids, jew kanċer, għandu dejjem jirrikorri għand it-tabib tiegħu, qabel ma jibda xi tip ta’ supplimenti sabiex jiddiskuti liema tipi ta’ vitamini u minerali huma l-ideali għalih, mingħajr ma’ joħolqu żbilanċ, jew inkella reazzjoni ma’ pilloli oħrajn li jkun qed jieħu biex jirregola xi kundizzjonijiet oħrajn.

Jekk tixtieq tagħmel kuntatt miegħi tista’ tagħmel dan billi żżur il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× By Dr. Georgiana Farrugia Bonnici | Facebook

Kont taf li llum huwa l-Jum Dinji tal-Ikel?

Kont taf li llum huwa l-Jum Dinji tal-Ikel?

Kont taf li llum, is-16 t’Ottubru, huwa l-Jum Dinji tal-Ikel?

L-ikel huwa wieħed mill-aktar sors importanti għalina l-bnedmin, dan għaliex iżommna ħajjin u jgħaqqad lin-nies flimkien, minn laqgħat tal-familja sa ħarġiet mal-ħbieb.

Kulħadd għandu l-ikel favorit tiegħu, b’varjetajiet li jvarjaw minn pizza għal għaġin, mill-ħut għal laħam, mill-galletini għal kejkijiet, u l-bqija tal-ikel bnin ta’ bejniethom! Ladarba tibda’ tgerger żaqqna bil-ġuħ, arana sejrin fil-kċina biex naraw x’se nsajru jew naqbdu l-mowbajl u nordnaw l-ikel ħalli neħilsu ta’ malajr.

Però, mhux kulħadd huwa privileġġjat, u mdawwar b’ħafna ikel. Fil-fatt, il-Jum Dinji tal-Ikel iqajjem kuxjenza għan-nies li m’għandhomx tali fortuna.

Diversi nies madwar id-dinja qegħdin ibatu l-ġuħ. Nies li jagħmlu ġranet sħaħ ma jieklu xejn, jew jekk jieklu, jieklu dejjem l-istess ikel. Il-ġuħ hija problema kbira f’numru ta’ pajjiżi, u aħna lkoll irridu nagħmlu aktar biex inqajmu kuxjenza u niġġieldu din il-problema.

It-tim ta’ Skoperta jaħtaf din l-okkażjoni u jħeġġek biex tuża metodi u alternattivi biex tevita l-ħela tal-ikel.

Ftakar ukoll f’dawk li huma fil-bżonn billi tagħtihom ftit ikel, għaliex l-ikel huwa s-sors tal-ħajja.

61 immigrant salvati Malta, jittieħdu Kreta

61 immigrant salvati Malta, jittieħdu Kreta

61 immigrant salvati minn bastiment tal-merkanzija f’Malta, waslu Kreta sigħat wara li tifla ta’ 4 snin li kellha problemi ta’ saħħa mietet waqt li kienet qed tittieħed bl-ajru lejn il-gżira Griega.

Ma kienx ċar jekk dawn kinux l-istess nies li ftit jiem ilu ġie rrappurtat li kienu mitluqin għal ġranet sħaħ fuq dgħajsa tas-sajd li kienet qed tegħreq, qrib Malta, wara li ppruvaw ibaħħru mil-Libanu għall-Italja.

L-immigranti qalu lill-awtoritajiet li kienu Sirjani, Libaniżi u Palestinjani.

Id-dgħajsa telqet mill-belt ta’ Tripli fit-Tramuntana tal-Libanu madwar 10 ijiem ilu lejn l-Italja, u kienu ilhom jiem mingħajr ikel, ilma u ħalib tat-trabi.

Żidiet fil-prezzijiet tal-ikel joħolqu sfidi kbar – X’inhi s-soluzzjoni?

Żidiet fil-prezzijiet tal-ikel joħolqu sfidi kbar – X’inhi s-soluzzjoni?

Ma nistgħux, ma niffaċċjawx ir-realtà! Aktar ma jgħaddu l-ġranet, il-faqar qed jiżdied b’rata mgħaġla kemm madwar id-dinja kif ukoll fuq il-gżira żgħira tagħna. Żgur li f’ħajjitna rajna, smajna u missejna l-faqar b’idejna.

Iż-żieda qawwija fil-prezzijiet, partikolarment tal-ikel, qed toħloq problema kbira madwar id-dinja, speċjalment fl-Ewropa.

Ir-raġunijiet li wasslu għal din il-kriżi huma diversi iżda ż-żewġ raġunijiet ewlenin huma l-pandemija tal-Covid-19 u l-gwerra ta’ bejn ir-Russja u l-Ukrajna, li issa ilha għaddejja għal 6 xhur sħaħ.

Esperti jwissu li jekk ma jittiħdux l-azzjonijiet neċessarji din il-problema tista’ teskala għal kriżi dinjija ferm akbar, speċjalment għal dawk li diġà jgħixu fil-faqar.

Għalhekk irridu nagħmlu xi ħaġa!

Il-faqar huwa li ma jkollokx biżżejjed flus biex jintlaħqu l-bżonnijiet bażiċi inklużi l-ikel, il-ħwejjeġ u l-kenn. Madankollu, il-faqar huwa ferm aktar milli sempliċement ma jkollokx biżżejjed flus. L-Organizzazzjoni tal-Bank Dinji tiddeskrivi l-faqar b’dan il-mod: “Il-faqar huwa ġuħ!”

Fost dan kollu, tqum ukoll il-kontroversja li ħafna jsostnu li sidien ta’ negozji jagħżlu li japprofittaw ruħhom mis-sitwazzjoni u jgħollu l-prezzijiet aktar milli huwa meħtieġ.

Imma l-gvern qiegħed jagħmel biżżejjed? In-nies huma konxji biżżejjed ta’ dak li qed iseħħ madwarna? irridu nadattaw għal stil ta’ ħajja ġdida b’aktar sagrifiċċji?

Dik l-omm li tikkumbatti kuljum biex tara kif se titma’ liż-żewġ uliedha hija reali!

Madwar id-dinja, kif ukoll f’Malta insibu postijiet li jgħinu lil dawk fil-bżonn. Dawn jissejħu ‘Foodbanks’ – organizzazzjonijiet tal-karità mingħajr skop ta’ qligħ, li jqassmu l-ikel lil dawk li għandhom diffikultà biex jixtru biżżejjed biex jevitaw il-ġuħ.

Tkun idea interessanti li banek tal-ikel bħal dawn jiftħu fuq skala iżgħar f’kull lokalità. B’hekk tkun iktar faċli li tagħti l-ikel u min ikun fil-bżonn jista’ jintlaħaq aktar malajr.

Aħna magħrufa sew għall-ġenerożità tagħna allura ejjew inkomplu naħdmu biex in-nies kollha t’hemm barra ma jorqdux fuq stonku vojt. Ejjew nibdew nippromwovu l-ħtieġa tal-‘foodbanks’ fuq skala iżgħar
f’kull lokalità. Ejjew nagħmlu l-parti tagħna!

Enable Notifications OK No thanks