Select Page
Riċetta: Rombli tat-Tiġieġ, Perżut u Ġobon

Riċetta: Rombli tat-Tiġieġ, Perżut u Ġobon

Ingredjenti (għal żewġ porzjonijiet):

Żewġ isdra tat-tiġieġ bla għadam u bla ġilda
Kuċċarina melħ, għat-tiġieġ
Ftit bżar, għat-tiġieġ
Kuċċarina trab tat-tewm
8 slajsis perżut
8 slajsis ġobon
125g dqiq
2 bajdiet, imħabbta
115g frak tal-ħobż
450g fjur tal-brokkoli
4 imgħaref żejt taż-żebbuġa
Kuċċarina melħ
Ftit bżar

Metodu:

  • Saħħan il-forn għal 200°C.
  • Aqta’ madwar tlett kwarti tat-tiġieġ b’mod orizzontali, kun żgur li ma taqtax kompletament in-naħa ta’ wara.
  • Iftaħ it-tiġieġ u ċċattjah.
  • Poġġi folja ta’ plastic wrap fuq it-tiġieġ u ċċattjah aktar billi tuża borma jew taġen. U wara erġa’ neħħi l-plastik.
  • Itfa’ l-melħ, il-bżar u t-trab tat-tewm fuq it-tiġieġ u għorku mat-tiġieġ kollu.
  • Itfa’ 4 slajsis perżut u 4 slajsis ġobon fuq it-tiġieġ u rrombla bil-galbu.
  • Itfa’ d-dqiq, bajd u l-frak tal-ħobż fi 3 skutelli separati.
  • Daħħal ir-romblu tat-tiġieġ fid-dqiq, farfru biex jaqa’ żżejjed, u mbagħad daħħlu fil-bajda u wara fil-frak tal-ħobż.
  • Poġġihom fuq folja tal-ħami.
  • Jekk trid, żid il-brokkoli fuq il-folja tal-ħami u ħallat ftit żejt taż-żebbuġa, melħ u bżar miegħu.
  • Itfa’ ftit żejt taż-żebbuġa fuq it-tiġieġ.
  • Aħmi għal 35 minuta.
  • Qattagħhom slajsis u servi.

L-ikla t-tajba!

Riċetta: Faqqiegħ Mimli bit-Tewm u l-Ġobon Parmiġġan

Riċetta: Faqqiegħ Mimli bit-Tewm u l-Ġobon Parmiġġan

Ingredjenti (għal 15-il faqqiegħa):

15-il faqqiegħa
Mgħarfa żejt tal-kanola
Żewġ imgħaref tewm, imqatta’
Nofs imgħarfa melħ kosher
Nofs Imgħarfa bżar iswed, midħun frisk
225g ġobon kremuż, imrattab
30g frak tal-ħobż
50g ġobon parmiġġan maħkuk, maqsum
Żewġ imgħaref tursin frisk, imqatta’
Kuċċarina melħ
Kuċċarina bżar iswed, midħun frisk
Tursin frisk, imqatta’, biex iżżejjen

Metodu:

  • Saħħan il-forn għal 180 ° C.
  • Aqta’ z-zkuk minn faqqiegħa u aqtagħhom fin, filwaqt li twarrab il-kumplament tal-faqqiegħ għal aktar tard.
  • Saħħan iż-żejt ġo taġen fuq nar għoli. Sajjar iz-zkuk imqattgħin mat-tewm, il-melħ u l-bżar għal madwar 6 sa 8 minuti, ħawwad kontinwament. Oqgħod attent li ma taħraqx it-tewm. U itfih.
  • Fi skutella mdaqqsa, ħallat iz-zkuk imsajjar, il-ġobon il-krema, il-frak tal-ħobż, nofs il-parmiġġan, it-tursin, il-melħ u l-bżar, ħawwad sakemm kollox jitħallat sew flimkien. It-taħlita għandha tkun magħquda ħafna.
  • Poġġi l-faqqiegħ b’mod ugwali fuq folja tal-ħami, rasu ‘l isfel. Imla sew il-faqqiegħ bit-taħlita.
  • Roxx fuq kull faqqiegħ il-ġobon parmiġġan maħkuk. Aħmi għal 20 minuta.
  • Żejjen bit-tursin, imbagħad servi!

L-ikla t-tajba!

Riċetta: Ġwienaħ tat-Tiġieġ bl-Għasel u s-Sos tal-BBQ

Riċetta: Ġwienaħ tat-Tiġieġ bl-Għasel u s-Sos tal-BBQ

Ingredjenti (għal 20 ġewnaħ):

20 ġewnaħ tat-tiġieġ jew drumettes

125g dqiq

Kuċċarina trab taċ-chili

Kuċċarina melħ

Kuċċarina bżar iswed, midħun frisk

Kuċċarina paprika

Kuċċarina trab tat-tewm

290g BBQ sauce

170g għasel

Metodu:

  • Saħħan il-forn għal 220°C.
  • Fi skutella, ħallat flimkien id-dqiq, it-trab taċ-chili, il-melħ, il-bżar, il-paprika u t-trab tat-tewm. Iksi l-ġwienaħ bit-taħlita u ara li jaqa’ dak li jkun hemm żejjed.
  • Poġġi l-ġwienaħ fuq folja tal-ħami miksija bil-karta tal-parċmina u ferrixhom f’saff wieħed.
  • Aħmi għal 45 minuta, dawwarhom ftit f’nofs sajran, sakemm il-ġilda tkun tqarmeċ u ssir kannella dehbi.
  • Wara li tkun ħriġthom mill-forn, fi skutella separata, ħallat il-BBQ sauce u l-għasel flimkien. Ħawwad il-ġwienaħ imsajra fit-taħlita u ara li jkunu miksija sew.
  • Poġġi l-ġwienaħ miksija lura fuq il-folja tal-ħami u ferrixhom f’saff wieħed.
  • Saħħan il-forn għal 250°C u aħmi għal 8 sa 10 minuti, sakemm il-BBQ sauce jiġi karamelizzat.
  • Ħallihom jibirdu, imbagħad servi.

L-ikla t-tajba!

Riċetta: Eggs en Cocotte

Riċetta: Eggs en Cocotte

Ingredjenti (għal żewġ porzjonijiet):

4 bajdiet

20g goat cheese, imqatta’

20g ġobon mozzarella, imqatta’

40ml krema friska

Melħ u bżar

Butir biex tidlek il-kontenituri

Għall-wiċċ:

4 slajsis bejken, mixwi sakemm isir iqarmeċ u mbagħad imfarrak f’biċċiet żgħar

Mgħarfa tursin frisk imqatta’

Nofs bżaru tal-kulur, imqatta’ rqiq

Mgħarfa ġobon parmesan maħkuk

Żewġ spring onions, imqatta’ roti

Metodu:

  • Idlek kontenituri żgħar bil-butir. (Nota: il-kontenituri għandu jkollhom għatu jew ikunu mgħottija sewwa bit-tinfoil.)
  • Saħħan il-forn minn qabel fuq 180°C.
  • Ofsoq żewġ bajd f’kull kontenitur.
  • Roxx il-melħ u l-bżar.
  • Żid nofs il-mozzarella u l-goat cheese f’kull kontenitur.
  • Ferra’ 10ml krema friska f’kull kontenitur.
  • Għatti bl-għotjien jew bit-tinfoil, u poġġi ġo dixx kbir tal-forn.
  • Żid madwar 2ċm ta’ ilma kemxejn sħun ġo d-dixx il-kbir.
  • Aħmi fuq 180°C għal 15-il minuta.
  • Kif toħroġhom mill-forn, neħħihom mid-dixx il-kbir u ikxef il-kontenituri.
  • Aqsam l-ingredjenti tat-tiżjin għall-wiċċ li tkun lestejt bejn iż-żewġ kontenituri.
  • Servi immedjatament ma’ ħobz mixwi sħun.

L-ikla t-tajba!

Jason Azzopardi jagħmel diversi allegazzjonijiet dwar Bernard Grech u jirriżenja mill-PN

Jason Azzopardi jagħmel diversi allegazzjonijiet dwar Bernard Grech u jirriżenja mill-PN

Ilbieraħ, Jason Azzopardi iddikjara li ta r-riżenja tiegħu minn membru tal-Partit Nazzjonalista lis-Segretarju Ġenerali tal-PN.

Huwa żvela dan permezz ta’ post li tella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu fejn fl-istess post, b’mod dettaljat spjega dwar ikla li saret fl-ewwel jiem ta’ Diċembru 2021, fejn skont hu, il-Kap tal-PN Bernard Grech iltaqa’ ma’ numru żgħir ta’ negozjanti, li fosthom kien hemm żewġt negozjanti irġiel, it-tnejn qraba mill-viċin ta’ persuna li tinsab għaddejja proċeduri kriminali b’konnessjoni ma’ assassinju.

Azzopardi qal li f’din il-laqgħa kien hemm ukoll preżenti kuntrattur u sid ta’ negozju kbir ta’ appliances. Huwa stqarr li dawn iż-żewġt iqraba tal-persuna akkużata li kienu preżenti mhumiex parti min-negozju tat-Tumas Group.

L-eks deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi żied jgħid li f’din l-ikla, il-Kap tal-PN ingħata donazzjoni ta’ flus għall-maratona ġbir ta’ fondi tal-PN li saret ftit jiem biss wara.

Semma wkoll li ġie infurmat li qabel ma bdiet din l-ikla, il-Kap tal-PN ittieħed fil-ġenb minn dawn iż-żewġt iqraba li semmewlu s-suġġett ta’ proklama għal dan l-akkużat. Is-sorsi li tkellmu ma’ Jason Azzopardi qalulu li l-Kap tal-PN ta assigurazzjoni li kieku kellu jkun Prim Ministru kien ikun dispost jirrakkomanda l-għoti tal-proklama f’dan il-każ.

Jason qal li jaf ukoll li n-negozjant li jbigħ l-appliances li kien preżenti, ismu jibda bl-“O” qal lil Kap tal-PN, waqt l-istess ikla, li ma kienx se jivvota lill-Partit Nazzjonalista sakemm ikun hemm Jason Azzopardi.

Skont Jason, it-tweġiba li l-Kap tal-PN tah kienet: “inti kellimni wara l-elezzjoni.”

Filwaqt li sostna li ma jistax jikxef is-sorsi għal raġunijiet li ma jistax jesprimi pubblikament, Jason qal li dan kollu sar jafu minn tliet sorsi differenti li għandhom aċċess dirett għal min ħa sehem fl-ikla, għaż-żewġt iqraba u għan-negozjant.

Saħaq li hu tahom il-kelma li jipproteġi l-kunfidenzjalità u hekk se jagħmel, jiġri x’jiġri.

Azzopardi fakkar li f’okkażjonijiet differenti fl-2021, il-Kap tal-PN pubblikament esprima l-fehma li dan l-akkużat għandu jingħata l-proklama, xi ħaġa li hu ma jaqbilx magħha u kien ukoll esprimi ruħu dwar dan.

Għal Jason, din mhix imġiba aċċettabbli. Fil-fehma tiegħu, il-politiċi kollha għandhom joqogħdu attenti li ma jagħmlu xejn li jista’ jagħti l-impressjoni li lesti jagħmlu kompromessi ma’ mafjużi. Huwa qal li għall-kriminali, l-unika udjenza li jista’ jkollhom hi l-qrati, mhux il-Partiti. Agħar minn hekk, tingħata l-impressjoni li l-ħtieġa tal-partiti li jiġbru l-flus mingħand min jiflaħ iħallas tagħti xi aċċess preferenzjali lill-kriminali sinjuri, żied jgħid Jason.

Huwa qal li l-Kap tal-PN biss jaf jekk id-deċiżjoni tiegħu li pubblikament jargumenta favur il-proklama għal dan l-individwu kinitx riżultat ta’ donazzjonijiet li ngħata jew iż-żewġ affarijiet humiex separati u m’għandhomx x’jaqsmu.

Jason sostna li internament kien ikkritika kif iż-żewġ affarijiet, l-assigurazzjoni lill-qraba tal-akkużat, u d-dikjarazzjoni pubblika favur il-Proklama, ikkonfermaw il-vulnerabbiltà tal-politika għall-indħil tal-kriminali.

Żied jgħid li minflok illimita ruħu għall-kritika interna, għamel il-kritika b’mod pubbliku meta skont Jason, l-isforz ta’ ħafna xhur biex jiġi eskluż mill-PN laħaq il-qofol tiegħu meta l-Kap tal-PN iddikjara jew implika pubblikament li Jason Azzopardi huwa “skadut”. B’referenza għad-diskors li Bernard Grech qal f’intervista, li kulħadd għandu expiry date fil-politika, inkluż hu

Skont Jason, b’dik l-istqarrija sar ċar għal kulħadd li l-PN ma jridx iħalli aktar spazju lil min għalih id-distanza bejn il-politika u min juża flusu biex jixtri privileġġi ‘l fuq mil-liġi hu prinċipju li miegħu ma jsirux kompromessi u allura ma baqgħetx possibbli għalih li jagħmel kritika interna.

Jason Azzopardi qal li b’qalbu maqsuma, jirrikonoxxi għal kollox x’ried ifisser il-Kap tal-PN meta qal li Jason u allura min jifhimha bħalu hu skadut u eskluż mill-Partit Nazzjonalista.

Żied jgħid li bi kliemu u għemilu, Bernard Grech għamlu orfni politiku, u stqarr li llum qed jifhem ħafna li dawk li jgħidu li m’għadhomx jagħrfu l-PN, il-Partit li kienu jgħożżu u li issa rendihom orfni politiċi.

Huwa sostna li bid-deċiżjoni li ħa, se jevita lin-nies ta’ rieda tajba fil-PN, li saħaq li hemm ħafna nies ta’ rieda tajba, il-proċess skabruż li jgħadduh ġuri għall-fehmiet tiegħu u minflok iddeċieda li jirriżenja mill-PN.

Jason issieħeb fil-PN meta kellu biss 17-il sena u stqarr li qatt ma ħaseb li kien se jasal jagħmel din l-azzjoni.

“Minn dakinhar tajt ħajti għall-missjoni tal-PN, servejt, mhux mingħajr żbalji, fir-rwoli, karigi u uffiċċji differenti, imma żgur mingħajr qatt ma fittixt l-interess personali, u rajt li l-politika tkun hemm biex taqdi lil kulħadd mhux lil min, għax għandu ħafna flus, jara li l-liġi tinkiteb jew titħaddem biex taqdi lilu”

Jason Azzopardi

Minkejja li ammetta li żbalji u difetti kellu u għad għandu, huwa qal li l-integrità tiegħu baqgħet mhux mimsusa. “La qatt kont għall-bejgħ u lanqas ħa nħalli lil min ibigħni.”

Żied jgħid li minkejja li skont Bernard Grech hu skadut, se jżomm sod mal-valuri tiegħu u li sa ftit ilu kienu tal-PN, “li l-ġustizzja trid issir u li kulħadd hu l-istess quddiem il-liġi irrispettivament minn kemm għandu flus u aċċess għall-politiċi.”

Fl-istess waqt, esprima t-tama li l-PN u l-Kap tiegħu jirrikonoxxu li f’dan l-episodju seħħew żbalji serji li jridu jiġu indirizzati u qatt ripetuti.

Ikkonkluda billi qal li kull min fil-politika ġenwinament jistinka għall-ġustizzja, dejjem se jsib l-appoġġ tiegħu, hu min hu u ġej minn fejn ġej.

Fl-aħħarnett Jason Azzopardi qal li jittama li ħadd ma jgħaddi minn dak li jien għadda minnu fl-aħħar xhur.

Enable Notifications OK No thanks