Il-Patrijiet Dumnikani jiftħu l-Kunvent għal żewġ Ukreni

Il-Patrijiet Dumnikani jiftħu l-Kunvent għal żewġ Ukreni

Dawn l-aħħar 3 xhur żewġ refuġjati mill-Ukrajna, Ivan u Helena, għexu fil-Kunvent tal-Birgu.

Dan wara li f’April li għadda tilfu dak kollu li kellhom u ħarbu lejn Malta.

Għaldaqstant, huma sabu lill-Pirjol u l-Patrijiet Dumnikani li fetħu l-Kuvent għalihom.

F’post li ttellgħet mill-Kunvent Duminak tal-Lunzjata, il-Birgu, il-Pirjol u l-komunità tal-Patrijiet Dumnikani sellmu lil Ivan u lil Helena, u awgurawlhom wara li issa nstabet għalihom akkomodazzjoni privata. Huma stqarrew li se jitolbu għalihom u għall-paci fl-Ukrajna.

X’għandhom komuni Luca Lorenzo, Trevor Mizzi u Andy Catania?

X’għandhom komuni Luca Lorenzo, Trevor Mizzi u Andy Catania?

Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-Covid, illum il-Ġirbien se ikunu qed jiċċelebraw bil-kbir il-festa ta’ San Lawrenz.

San Lawrenz – Il-Birgu

San Lawrenz twieled fil-31 ta’ Diċembru 225 AD, u miet fl-10 ta’ Awwissu 258 AD. Huwa kien wieħed mis-seba’ djakni tal-belt ta’ Ruma li saru martri fil-persekuzzjoni tal-Insara li ordna l-Imperatur Ruman fl-258.

Tabilħaqq kontu tafu li San Lawrenz huwa l-patrun tal-foqra u tal-koki.

Fost in-nies popolari mill-Birgu u li jiċċelebraw din il-festa hemm: DJ Luca Lorenzo (Vibe FM), l-atturi Trevor Mizzi u Andy Catania (Klassi Għalina).

San Lawrenz huwa wieħed mill-aktar martri Rumani meqjuma! Allura x’qed tistenna ejja u ċċelebra l-festa tiegħu fil-Birgu llejla.

Filmat: Maħbub – Kanzunetta ddedikata lil Ġorġ l-Għannej tal-Mulej

Filmat: Maħbub – Kanzunetta ddedikata lil Ġorġ l-Għannej tal-Mulej

Ilbieraħ, il-kantanta lokali Simone Gauci nediet il-kanzunetta Maħbub, kanzunetta ddedikata lil Ġorġ Agius, magħruf man-nies bħala Ġorġ tal-Mużew jew L-Għannej tal-Mulej. Il-kanzunetta għandha lirika ta’ Emil Calleja Bayliss, kompożizzjoni ta’ Mark Spiteri Lucas u arranġament mużikali ta’ Andrew Zammit minn Tone Studios.

Mal-kanzunetta, il-kantanta nediet ukoll vidjow mużikali, miġbud fil-parti l-kbira tiegħu ġewwa l-Birgu, art twelid Ġorġ Agius. Il-kanzunetta hi waħda sentimentali ferm, li tfakkar il-memorja ta’ Ġorġ, li tista’ tgħid kien maħbub minn kulħadd. Kienu bosta dawk li ltaqgħu miegħu tul is-snin u hu dejjem nissel it-tama, il-fiduċja, il-kuraġġ u l-wens ma’ kull min iltaqa’.

Il-vidjow mużikali huwa xogħol ta’ Mauro D’Amato u t-tpenġija ta’ Ġorġ li ntużat waqt il-vidjow hija ta’ Mariana Spiteri. Simone tistqarr li kienet għażla naturali li taħdem kanzunetta dwar Ġorġ għax xtaqet li tfakkar il-memorja tiegħu. Dejjem ammirat it-talent sabiħ li kellu, talent li kien juża biex ifaħħar lil Alla u jgħin lil min ikollu bżonn ftit faraġ. Simone tgħid ukoll li missierha kien jaf lil Ġorġ għaliex kienu jattendu għal xi laqgħat reliġjużi flimkien. Simone tgħid, “Missieri, li ġie nieqes ħmistax-il sena ilu kien jaf lil Ġorġ personalment u dejjem tkellem b’rispett kbir lejh.”

Simone Gauci tħossha naturali tkanta bil-lingwa Maltija, hi temmen li biha tesprimi lemozzjonijiet bl-aħjar mod u hemm bżonn li l-lingwa tiġi apprezzata ħafna aktar, speċjalment b’kanzunetti Maltin u x’hemm isbaħ milli tfaħħar lil Ġorġ bil-lingwa li tant u tant kien jgħożż.

Filmat: Jitnieda l-Vidjow Mużikali tal-Kanzunetta ‘Ħarsa Biss’

Filmat: Jitnieda l-Vidjow Mużikali tal-Kanzunetta ‘Ħarsa Biss’

Aktar kmieni llum fuq il-pjattaformi diġitali ta’ Festivals Malta, ġie mniedi l-vidjow mużikali tal-kanzunetta rebbieħa ta’ Mużika Mużika – Ħarsa Biss li ġiet interpretata minn Glen Vella, fuq kompożizzjoni ta’ Philip Vella u lirika ta’ Joe Julian Farrugia.

Ħarsa Biss hija l-kanzunetta rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-festival Mużika Mużika.

Il-vidjow mużikali, ġie miġbud fil-Forti Sant’Anġlu l-Birgu, b’teknika partikolari li jsejħula one-shot, li bħalha ma tantx rajna fi proġetti awdjoviżivi Maltin.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala saħqet li, “wara s-suċċess ta’ Mużika Mużika Festivals Malta mill-ewwel beda jipprepara għall-vidjow mużikali tal-kanzunetta rebbieħa, vidjow li huwa ta’ livell għoli ħafna, l-istess livell li kellu l-festival u li fih ħafna effetti speċjali.”

Il-vidjow involva diversi sigħat ta’ provi sabiex it-tim seta jipprefezzjona l-koordinament ta’ tibdil fix-xenografija filwaqt li kienu qed jiġu miġbuda x-xeni differenti li jinkludu diversi tibdiliet ta’ kostumi, props, dawl u effetti speċjali. “Indunajna li hija biċċa xogħol kumplessa, imma xejn ma qatalna qalbna, involvejna ħafna nies u kulħadd ried jaħdem f’daqqa għaliex dan il-vidjow sar f’shot waħda,” spjega d-Direttur Artistiku tal-vidjow Joseph Cauchi.

“Il-vidjow mużikali huwa investiment li l-bord ta’ Mużika Mużika ħass li kellu jagħmel biex jagħti aċċent fuq il-kanzunetta rebbieħa u fuq il-festival inġenerali. Investiment li ‘l quddiem beħsiebna nibqgħu nagħmlu għall-kanzunetti rebbieħa,” qal iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika Raymond Bugeja.

Norman Hamilton, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta saħaq li permezz ta’ Mużika Mużika, Festivals Malta investa fl-artist lokali u kif ukoll fil-patrimonju mużikali Malti. “Permezz ta’ dal-vidjow mużikali Ħarsa Biss ser tkompli tgħix. Dan il-vidjow mużikali huwa parti mil-legat kbir li se jħalli warajħ dan il-festival prestiġjuż.”

Ritratt: Paul Camilleri

skoperta.net tkellem ma’ Glen dwar il-vidjow mużikali u l-impenji li rrikjeda.

X’inhu l-kunċett tal-vidjow mużikali, u minn xiex ġie ispirat?

Il-kunċett tal-vidjow mużikali huwa dak ta’ one-shot vidjow li tfisser ġie miġbud f’darba waħda mill-ewwel sal-aħħar xena bla waqfien. Ovvjament jekk isiru xi żbalji ridna nerġgħu nibdew mill-bidu – sfida kbira għal kulħadd speċjalment għat-tim tal-produzzjoni u għall-krew tekniku minħabba li qattajna ħafna sigħat twal. Il-vidjow ġie spirat mill-lirika tal-kanzunetta nnifisha li titratta r-relazzjoni intima ta’ koppja.

Kif kien il-proċess tal-produzzjoni?

Meta ġie identifikat il-kunċett beda jsir scouting għall-post adattat fejn seta’ jinġibed il-vidjow. Il-lokazzjoni riedet takkomoda diversi ħtiġijiet, bħal spazju, aperturi u elementi oħra li kienu meħtieġa għall-produzzjoni. Hekk kif ġie identifikat Egmont Hall fil-Forti Sant Anġlu tal-Birgu bħala lokazzjoni, it-tim kollu poġġa bilqiegħda u beda jfassal ix-xeni differenti, wara sar id-disinn tas-set mid-disinjatur bravu Romualdo Moretti. Imbagħad it-tim tal-produzzjoni mar fuq il-post biex jirfina x-xeni u jippjana l-movimenti tal-atturi, tal-props u tal-krew tekniku u ġie ppjanat ukoll fejn kellu jiġi armat id-dawl u f’liema mumenti ried jinbidel waqt ix-xeni differenti. Ġew allokati numru sostanzjali ta’ sigħat sabiex it-tim kollu seta jipprattika l-movimenti meħtieġa sabiex il-koordinazzjoni ta’ bejn il-membri differenti tat-tim laħqet livell abbastanza perfett. Biex id-dawl ikun ikkontrollat il-vidjow inġibed matul il-lejl, li ħa madwar disa’ sigħat ta’ provi u għaxar sigħat oħra biex inġibed.

Ritratt: Paul Camilleri

Kien hemm xi sfida partikolari waqt il-ġbid?

It-teknika li biha nġibed il-vidjow (one-shot) ġabet ħafna sfidi magħha, l-ikbar waħda kienet ċertament il-koordinazzjoni bejn l-atturi, il-krew tekniku u l-krew tal-produzzjoni li riedu jaħdmu b’sinkronizzazzjoni perfetta sabiex jittieħed il-filmat. Dan seta’ jsir biss wara ħafna sigħat ta’ provi u wara li nġibed diversi drabi. Sfida oħra kienet id-dawl, li ried jiġi ssettjat u programmat minn qabel mal-mużika u mal-moviment tal-kamera.

Ġrat xi praspura jew xi ħaġa partikolari waqt il-ġbid?

 Praspar ġraw kemm trid, min idaħħal rasu f’xi shot biex joħroġ il-props, jew jien nitgħaqqad f’xi quick change milli kont qed nagħmel, xi lampa li ma tilħaqx toħroġ jew tixgħel fil-ħin, eċċ. Probabbli l-iktar praspura frustranti kienet marbuta mal-fann li ried jintuża fl-aħħar nett biex fl-aħħar biċċa tal-vidjow il-coat tiegħi jidher itir, u kull darba li bdew joħorġu bih beda jintfielhom. Nassigurak li kulħadd ried jieklu dak il-fann hehe.

Ritratt: Paul Camilleri

X’inhu l-messaġġ li tixtieq li jitwassal permezz ta’ dan il-vidjow?

Dan il-vidjow jirrifletti ħafna l-lirika u l-mużika ta’ din il-kanzunetta b’mod artistiku, li jħalli anke lok għall-interpretazzjoni tal-individwu li qed jarah skond l-esperjenzi personali tiegħu.

Kif qiegħda fil-klassifiki bħalissa l-kanzunetta Ħarsa Biss?

Mat-tnedija tagħha l-kanzunetta Ħarsa Biss kienet fil-quċċata tal-klassifika Maltija, saħansitra għamlet ġimgħatejn sħaħ fl-ewwel post. Bi pjaċir ngħid li sal-lum, xahrejn wara d-debutt tagħha waqt Mużika Mużika, għadha mal-ewwel għaxra ta’ Malta.

Ritratt: Paul Camilleri

X’messaġġ tgħaddi lill-poplu Malti u Għawdxi?

L-ewwel nett nirringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi għas-sapport li dejjem urewni u bla dubju nkompli nħeġġiġhom biex ikomplu jissapportjaw ix-xena mużikali Maltija għaliex jagħtuna kuraġġ lilna l-artisti sabiex inkomplu ninvestu u nkomplu nippromwovu l-lingwa Maltija permezz tal-mużika.

X’inhu l-pass li jmiss għalik?

Fl-immedjat il-pjanijiet tiegħi jduru madwar il-promozzjoni tal-kanzunetta Ħarsa Biss u tal-vidjow mużikali flimkien ma’ Festivals Malta. Bħalissa qiegħed ukoll naħdem fuq diversi proġetti mużikali ġodda li se jkunu qed joħorġu aktar tard matul is-sena, filwaqt li nistenna b’ħerqa kbira l-edizzjoni li jmiss ta’ Mużika Mużika.

Enable Notifications OK No thanks