Select Page
Il-Lejl Li Kienet Għamlet ix-Xita (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Sharon Calleja

Il-Lejl Li Kienet Għamlet ix-Xita (Ir-raba’ u l-aħħar parti) – Rakkont minn Sharon Calleja

Wara l-bieb dehret mara kemmxejn irqiqa żżejjed, b’karnaġġjon ċar u b’għajnejn żgħar skuri, tħares lejh.
Axel sogħol ftit ħalli jkun jista’ jitkellem ċar.
“Ġejt………..ġejt biex inkellem lil Nadia.”
Il-mara ma ċċaqalqitx. Induna li bdiet tagħfas subgħajha mal-bieb għax bjadu.
“Skużi……….ġejt biex……….” reġa’ qalilha bil-mod.
“Int trid tiċċajta jaqaw?” staqsietu.
“Sinjura……..jaqaw ma toqgħodx hawn Nadia?” infixel.
“It-tifla ilha mejta diġà sentejn,” qaltlu bla ma qagħdet togħmodha.
Kesaħ.
Immuta.
Beda jżomm mal-ħajt għax saqajh ħasshom jinqatgħu minn ġewwa.
“Naħseb għandek żball……” qalilha. “Ilbieraħ iltqajt magħha, qaltli li toqgħod hawn u jien tajtha l-ġakketta tiegħi. U qaltli biex niġi neħodha lura llum!”
“Ma jistax ikun,” qaltlu, wiċċha abjad karti. “Ejja miegħi.”
Daħlet fid-dar b’Axel warajha. Imxiet tul kuritur twil u waslet quddiem bieb. Għalkemm id-dar kienet tidher klassika u armata b’għamara sabiħa, malli fetħet dan il-bieb, li beda jżaqżaq, kull ma ra kienet kamra vojta b’ kaxxa kbira tal-injam fin-nofs, b’riħa ta’ moffa taqsam ma’ kullimkien, trab u ħmieġ.
“Din kienet il-kamra tagħha. Dak kollu li kellha, qiegħed f’dik il-kaxxa,” qaltlu. “Ma niflaħx nara………..memorji………” Daħlet fil-kamra mdallma. Axel mar warajha.
Il-kaxxa kienet magħluqa.
“L-aħħar li dħalt hawn, dakinhar tal-funeral……….” qaltlu mbikkma.
Fetħet l-għatu tal-kaxxa u Axel resaq ‘il quddiem. Ħarġet album tar-ritratti u tatulu. Għal mument ħass għoqla fi griżmejh u xtaq li r-ritratti kien fihom persuna oħra. Persuna oħra li ma kienx iltaqa’ magħha l-lejl ta’ qabel.
B’idu tirtogħod beda jiftaħ l-album.
Nadia.
Kienet hemm.
Titbissem fir-ritratti, isbaħ milli kien qatt immaġina! Ta’ etajiet differenti, f’sitwazzjonijiet differenti. Ma’ nies differenti.
“Biex mietet?” Kellu jistaqsiha. Ried ikun jaf.
“Inċident tat-traffiku. Tajritha karozza waqt maltempata bħal tal-bieraħ………” bdiet tgħidlu ommha.
U dak il-ħin raha.
Resaq ‘il quddiem u ħass nifsu jinqata’.
Il-ġakketta tiegħu.
Il-ġakketta tiegħu kienet mitwija pulita fil-wiċċ tal-kaxxa, fost oġġetti oħra. U malli qabadha b’idejh tirtogħod induna li kienet għadha niedja.
“Isma……….għada ejja għaliha, ejja u ħudha lura,” sema’ leħinha jidwi f’widnejh.
Tgħid x’kien ġara eżatt? X’kien ġara, f’dak il-lejl li kienet għamlet ix-xita?
“Nadia,” lissen minn taħt u waqgħet demgħa minn ma’ wiċċu għal fuq ir-ritratt tagħha.

Enable Notifications    OK No thanks