Select Page
Nifs – Il-kanzunetta rebbieħa tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza 2021

Nifs – Il-kanzunetta rebbieħa tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza 2021

Ftit tas-sigħat ilu, ġiet fi tmiemha s-serata tat-30 edizzjoni tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza. Dan il-festival ta’ kanzunetti oriġinali bil-Malti li tul l-istorja tiegħu ra diversi rebbieħa, fosthom: Miriam Christine, Claudette Pace, Ira Losco, Fabrizio Faniello, Mike Spiteri, Eleanor Cassar, Claudia Faniello u Ruth Portelli, issa jżid lill-kantanta żagħżugħa Cherylis. Nifs, il-kanzunetta li hija interpretat għandha lirika ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Philip Vella.


Fuq il-midja soċjali, l-awtur Emil Calleja Bayliss spjega kif li din il-kanzunetta kitibha wara żmien fejn il-kliem li bih jesprimi lilu nnifsu ma setax isibu.

“Biex ħarġu dawn il-versi nistqarr li ma kinitx faċli xejn imma kif tlestew kont naf li kapaċi jmissu l-qlub.”


Wara r-rebħa, Cherylis stqarret li lanqas biss riedet temmen.

“Xħin għajtu ismi bħala r-rebbieħa lanqas biss indunajt għaliex kont għadni qiegħda nifraħ ma’ sħabi l-kantanti li klassifikaw fit-tieni u t-tielet post. Kien biss xħin ġibduli l-attenzjoni li ndunajt u nfexxejt f’bikja, bikja ta’ ferħ. Nixtieq minn qiegħ qalbi nirringrazzja lil kull min kien involut f’din il-kanzunetta tant għal qalbi.”

Hija temmet il-messaġġ tagħha bil-frażi, “Nannu u Nanna, din għalikom.”


Cherylis żgur li mhix wiċċ ġdid għax-xena tal-mużika lokali, bi tliet parteċipazzjonijiet fil-festival L-Għanja tal-Poplu fejn klassifikat fit-tieni post darbtejn, darba bħala solista bil-kanzunetta Tfewwaħ, u darba fi dwett bil-kanzunetta Mhux Kif Ħsibt, kif ukoll seba’ parteċipazzjonijiet fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza, erbgħa minnhom bħala solista u tlieta fi dwett.

Hija klassifikat fit-tielet post lura fl-2012 bil-kanzunetta Ħolma ta’ Nazzjon u issa fl-2021 bil-kanzunetta Nifs. Flimkien ma’ Mikhail Attard fi dwett, hija kienet ukoll finalista fil-Malta Eurovision Song Contest fis-sena 2020. Il-kanzunetta tagħhom Breaking Point klassifikat mal-ewwel għaxra.


Il-vjaġġ ta’ Cherylis fix-xena tal-mużika lokali żgur mhux ħa jieqaf hawn għaliex diġà beda jberren xi proġett jew tnejn f’moħħha. Intant, Nifs, ġiet ippubblikata b’mod diġitali mill-kumpanija CAP-Sounds fi sħab ma’ Ironic PR & Artist Management u għaldaqstant tista’ tinxtara minn fuq siti diġitali iTunes jew Amazon kif ukoll tinstema’ permezz ta’ pjattaformi bħal Apple Music u Spotify.

“Jien armel u nħossni ħati meta naħseb biex nibda relazzjoni ġdida…”

“Jien armel u nħossni ħati meta naħseb biex nibda relazzjoni ġdida…”

“Kull darba li nkun f’relazzjoni ma’ mara dejjem naħseb f’marti li mietet żmien ilu u nħossni ħati li qed nagħmel xi ħaġa ħażina…’’

In-niket huwa meta wieħed jesperjenza uġigħ minħabba xi telfa ta’ xi ħadd maħbub. Meta xi ħadd jesperjezna sens ta’ niket, apparti li l-persuna tesperjenza dwejjaq, il-persuna tesperjenza ħtija u konfużjoni minħabba din it-telfa. Din it-telfa taffettwa kif wieħed jara l-ħajja kif ukoll kif wieħed jaġġusta għat-telfa tiegħu.

Id-dwejjaq li qed tħoss huwa minħabba t-telfa u minħabba l-memorji li għandek ma’ din il-persuna. Ir-rimors huwa komuni li tesperjenzah dan huwa għaliex il-persuna m’għadhiex f’ħajtek aktar. Dan qed iġiegħlek taħseb dwar dak li forsi stajt tagħmel iktar mal-persuna. Huwa komuni li tiddolizza lill-persuna li tkun tlift. Dan għaliex ikollok memorji tal-affarjiet sbieħ li jkunu ġraw.

Fl-artiklu : “L-Infedeltà f’Relazzjoni – X’inhuma l-konsegwenzi u l-istadji li ġġib magħha?” semmejt seba’ fażijiet li wieħed ikun għaddej minnhom meta jitlef lil xi ħadd importanti f’ħajtu.

It-titlu ta’ ‘armel’ jista’ jfisser ħafna. Meta persuna jsir armel l-identità tiegħu tinbidel għalih. L-opinjoni tas-soċjetà wkoll tbiddel l-identità. Dan ifisser li kull tabella fiha tifsira tagħha. Armel u armla jfissru li l-mara jew ir-raġel ta’ xi ħadd miet. Għal din il-persuna hemm diversi ħsibijiet għaddejjin minn moħħu/ha, pereżempju: ‘min jien mingħajr il mara?’ jew inkella jħossuhom mitlufin għaliex forsi l-mara jew ir-raġel kellu ċerti rwoli importanti fid-dar. B’hekk, l-‘armel’ għandu bżonn jerġa’ jsib l-indipendenza li mhijiex dejjem faċli, speċjalment għal min hu armel u jħoss li m’hemmx min jista’ jgħinu.

Li jkollok xewqa sesswali huwa normali. Tant hu hekk li huwa wkoll normali li tħossok vulnerabbli, jew mhux komdu bl-idea li ssib partner minħabba li tkun qed tħoss in-nuqqas tal-partner li miet. Minħabba l-fatt li tlift il-partner hija komuni li tħossok li forsi għandek stima baxxa fuqek innifsek. M’għandekx għaġla biex tidħol f’relazzjoni ġdida jekk ma tħossokx komdu jew lest. M’hemmx żmien ta’ kemm suppost għandek iddum biex toħroġ ma’ xi ħadd wara t-telfa tal-partner tiegħek jew jekk għandek toħroġ ma’ xi ħadd jew le. Dan huwa għaliex kulħadd jesperjezna n-niket b’mod differenti.

M’hemm xejn hazin li tixtieq l-intimità għax tħossok waħdek. Jekk inti tħossok waħdek, imma ma tkunx lest għar- relazzjoni, tista’ tipprova tiltaqa’ ma’ xi ħbieb, jew tagħmel xogħol volontarjat. B’hekk mhux biss ikollok iktar konnesjonijiet ma’ nies, iżda jkollok sens ta’ komunità mal-oħrajn kif ukoll tħoss sens ta’ għan.

In-niket huwa proċess li jieħu l-ħin imma importanti li tafda dan il-proċess. F’kull esperjenza tista’ ssib tagħlima li se tigwidak b’mod aħjar fil-ħajja tiegħek ta’ kuljum.

Ma nistax ngħidlek li n-niket se jitlaq, għaliex dejjem se jibqa’ parti minn ħajtek. Dak li nista’ ngħidlek huwa li fil-futur tiegħek bil-mod il-mod tibda tadatta għall-weġgħa li għandek. Tibda jkollok ġranet fejn se tweġġa’ ħafna u kif ukoll se jkollok ġranet meta tħossok aħjar. Jekk tħoss li għandek ħafna toqol, u li ma tiflaħx iġġorru waħdek, tibżax tfittex l-għajnuna. Il-professjonisti qegħdin hawnhekk biex jgħinuk.

Bħal-lum 60 sena ilu twieldet il-Prinċipessa Diana

Bħal-lum 60 sena ilu twieldet il-Prinċipessa Diana

Fil-31 t’Awwissu tal-1997, id-dinja kollha tnikktet bil-mewt tal-Prinċipessa Diana. Anki wara mewtha, Diana tibqa’ ikona ta’ saħħa u indipendenza għan-nisa madwar id-dinja.

Il-Prinċipessa Diana, twieldet fl-1 ta’ Lulju tal-1961 f’Sandringham, l-Ingilterra. L-isem proprju tagħha huwa Diana Frances Spencer. Kienet il-mara tal-Prinċep Charles, omm il-Prinċep William, li bħalissa huwa l-werriet tat-tron wara missieru, u tal-Prinċep Harry.

Diana kienet magħrufa għal ħafna iżda l-aktar għax-xogħol tal-karità tagħha u l-immaġni tal-moda tagħha.

Għalkemm kienet membru tal-aristokrazija Ingliża, hija kienet teknikament komuni, mhux irjali.

Missier Diana kien John Spencer, Viscount Althorp, assistant personali għar-Re Ġorġ VI u għar-Reġina Eliżabetta II. Ommha kienet l-Onorevoli Frances Shand-Kydd. Huma ddivorzjaw fl-1969. Missierha kiseb il-kustodja tat-tfal u aktar tard iżżewweġ lil Raine Legge.

Diana kibret prattikament bieb ma’ bieb ir-Reġina Eliżabetta II u l-familja tagħha, f’Park House, ħdejn il-proprjetà ta’ Sandringham tal-familja rjali. Il-Prinċep Charles kien 12-il sena ikbar, iżda l-Prinċep Andrew kien eqreb l-età tagħha u kienu jilagħbu flimkien.

Wara li l-ġenituri ddivorzjaw, missierha kiseb il-kustodja tagħha u ta’ ħutha. Diana ngħatat l-edukazzjoni tagħha d-dar sakemm kellha 9 snin u mbagħad intbagħtet fl-iskola ta’ Riddlesworth Hall u West Heath.

Diana ma kinitx tmur tajjeb m’ommha tar-rispett u lanqas ma kienet qed tmur tajjeb fl-iskola. Minflok, hija kien jinteressaha l-ballet, u skont xi rapporti, il-Prinċep Charles, li kellha r-ritratt tiegħu fuq il-ħajt tal-kamra tagħha fl-iskola.

Meta Diana kellha 16-il sena, reġgħet iltaqgħet mal-Prinċep Charles. Huwa kien joħroġ ma’ oħtha l-kbira Sarah. Minkejja li Diana kienet ħalliet ftit impressjoni fuqu, sa dakinhar kienet għadha żgħira wisq għalih. Wara li telqet mill-iskola West Heath ta’ 16-il sena, attendiet skola fl-iSvizzera, Chataeu d’Oex. Hija telqet wara ftit xhur.

Wara li Diana telqet mill-iskola, marret tgħix Londra u ħadmet bħala housekeeper, nanny, u assistenta ta’ għalliema tal-kindergarten. Hija kienet tgħix f’dar mixtrija minn missierha u kellha tliet persuni oħra jgħixu magħha.

Fl-1980, Diana u Charles reġgħu ltaqgħu meta Diana marret iżżur lil oħtha, li r-raġel tagħha kien jaħdem għar-reġina. Huma bdew joħorġu flimkien u sitt xhur wara Charles ippropona. Huma żżewġu fid-29 ta’ Lulju tal-1981, tieġ li ġie segwit minn ħafna u li saħansitra ġie msejjaħ bħala “it-tieġ tas-seklu.” Diana kienet l-ewwel ċittadina Ingliża li żżewġet l-eredi għat-tron Ingliż fi kważi 300 sena.

Diana mill-ewwel bdiet tagħmel apparenzi pubbliċi minkejja r-riżervi tagħha li tkun fl-għajn tal-pubblikazzjoni. Waħda mill-ewwel żjarat uffiċjali tagħha kienet għall-funeral tal-Prinċipessa Grace ta’ Monako. Diana ma damitx ma ħarġet tqila, hija welldet lill-Prinċep William (William Arthur Philip Louis) fil-21 ta’ Ġunju tal-1982, u mbagħad lill-Prinċep Harry (Henry Charles Albert David) fil-15 ta’ Settembru tal-1984.

Kmieni fiż-żwieġ tagħhom, Diana u Charles kienu pubblikament affettivi. Sal-1986, madanakollu, il-ħin tagħhom ‘il bogħod minn xulxin u l-bruda ta’ bejniethom meta kienu jkunu flimkien, kienu ovvji. Il-pubblikazzjoni tal-bijografija ta’ Diana tal-1992, ta’ Andrew Morton kixfet l-istorja tar-relazzjoni li kienet ilha għaddejja s-snin ta’ Charles ma’ Camilla Parker Bowles, fejn ġie allegat ukoll li Diana kienet għamlet diversi attentati ta’ suwiċidju. Fi Frar tal-1996, Diana ħabbret li kienet qablet li jiddivorzjaw.

Id-divorzju ġie ffinalizzat fit-28 t’Awwissu tal-1996, sena qabel il-mewt ta’ Diana. Kemm hi kif ukoll Charles baqgħu attivi fil-ħajja ta’ wliedhom. Diana kompliet tgħix fil-palazz ta’ Kensington u tħalliet iżżomm it-titlu ta’ Prinċipessa ta’ Wales. Fid-divorzju, hija ċediet ukoll ħafna mill-karitajiet li kienet taħdem magħhom, u żammet ftit kawżi biss: dawk ta’ bla dar, bl-AIDS, lebbra, u kanċer.

Ritratt: Tim Graham/Getty Images)

Fl-1996, Diana kienet involuta f’kampanja biex tipprojbixxi l-landmines. Hija żaret diversi nazzjonijiet fl-involviment tagħha mal-kampanja kontra l-landmines, attività aktar politika min-norma għall-familja rjali Ingliża.

Fil-bidu tal-1997, Diana kellha relazzjoni romantika mal-playboy ta’ 42 sena, “Dodi” Fayed (Emad Mohammed al-Fayed). Missieru, Muhammed al-Fayed, kien is-sid tal-maħżen ta’ Harrord u r-Ritz Hotel f’Pariġi, fost proprjetajiet oħra.

Fit-30 t’Awwissu tal-1997, Diana u Fayed telqu mir-Ritz Hotel f’Pariġi, akkumpanjati f’karozza minn sewwieq u l-bodyguard ta’ Dodi. Huma ġew segwiti mill-paparazzi. Eżatt wara nofsillejl, il-karozza tilfet il-kontroll f’mina ta’ Pariġi u ġġarfet. Fayed u s-sewwieq mietu mill-ewwel, Diana mietet aktar tard fi sptar minkejja li pruvaw isalvawha u l-bodyguard baqa’ ħaj minkejja li kellu ġrieħi gravi.

Din l-aħbar qajmet reazzjonijiet ta’ xokk u niket madwar id-dinja kollha. Ħafna taw il-ħtija ta’ dak li ġara lill-paparazzi li kienu qed isegwu l-karozza tal-Prinċipessa u li minnhom is-sewwieq apparentament kien qed jipprova jaħrab. Testijiet li saru wrew li s-sewwieq kien qabeż sew il-limitu legali tal-alkoħol, ħafna tefgħu t-tort fuq il-fotografi u l-persistenza tagħhom biex jieħdu ritratti esklussivi ta’ Diana li jistgħu jippubblikaw.

Il-familja ta’ Diana, Spencer, waqqfu fond għall-karità f’isimha, u fi żmien ġimgħa kienu diġà nġabru ammonti kbar ta’ flus. Il-funeral tal-Prinċipessa Diana fis-6 ta’ Settembru ġibed l-attenzjoni mid-dinja kollha.

F’ħafna modi, Diana u l-istorja ta’ ħajjitha kienu paralleli ħafna fil-kultura popolari. Hija kienet miżżewġa qrib il-bidu tat-tmeninijiet, u t-tieġ tagħha li kien meqjus bħala “fairy-tale wedding”, komplut b’glass coach u libsa li tikkumplimenta s-sbuħija ta’ Diana, kien sinkronizzat mal-ġid u l-infiq tas-snin tmenin.

Il-ġlidiet tagħha mal-bulimja u d-dipressjoni magħrufa pubblikament kienu wkoll modi tipiċi tat-tmeninijiet fuq l-għajnuna personali u l-istima personali. Il-fatt li kienet tidher li fl-aħħar bdiet tirkupra ħafna mill-problemi tagħha għamel il-mewt tagħha aktar traġika.

Ir-realizzazzjoni tat-tmeninijiet tal-kriżi tal-AIDS kienet waħda li fiha Diana kellha parti sinifikanti. Ir-rieda tagħha li tbus u tgħannaq lil dawk li jbatu mill-AIDS, fi żmien meta bosta mill-pubbliku riedu jpoġġu lill-persuni bl-AIDS fi kwarantina fuq biżgħat irrazzjonali u nuqqas ta’ edukazzjoni, għenet biex tbiddel kif jiġu trattati persuni bl-AIDS.

Illum, Diana għadha mfakkra bħala l-“Prinċipessa tal-poplu”, mara ta’ kontradizzjonijiet li twieldet fil-ġid iżda li riedet tgħix ħajja sempliċi u ta’ waħda komuni kemm jista’ jkun; mara li tħabtet bid-dehra tagħha iżda kienet ikona tal-moda; mara li kienet tiġbed l-attenzjoni iżda spiss kienet tibqa’ fl-isptarijiet u siti oħra tal-karità ħafna wara li jkunu telqu tal-midja.

Ħajjitha kienet is-suġġett ta’ bosta kotba u films, fosthom Diana: Her True Story, Diana: Last Days of a Princees u Diana, 7 Days.

Lulju – X’nafu dwar dan ix-Xahar?

Lulju – X’nafu dwar dan ix-Xahar?

Wara x-xahar sħun ta’ Ġunju, fejn speċjalment f’dawn l-aħħar ġranet il-heatwave baqgħet tippersisti, issa wasalna fix-xahar ta’ Lulju.

Lulju huwa s-seba’ xahar tal-kalendarju Gregorjan u l-bidu tat-tieni nofs tas-sena.

Bħal kull xahar ieħor, hemm ukoll ukoll kurżitajiet u fatti interessanti x’niskopru dwar Lulju.

Lulju ġie msemmi għall-famuż ġeneral Ruman Ġulju Ċesari; peress li kien ix-xahar li twieled fih. Ġulju Ċesari kien ġeneral militari formidabbli u statista li kien fil-parti l-kbira responsabbli biex ibiddel ir-Repubblika Rumana fl-Imperu Ruman. Dan ix-xahar qabel kien jissejjaħ Quintilis, kelma Latina li tfisser il-ħames, peress li kien il-ħames xahar minn għaxar xhur tal-kalendarju Ruman tal-qedem.

Bħala t-tieni xahar tas-sajf, Lulju huwa wieħed mill-aktar xhur sħan tas-sena fl-emisfera tat-Tramuntana filwaqt li fl-emisfera tan-Nofsinhar, huwa l-aktar xahar kiesaħ tas-sena billi jkun it-tieni xahar tax-xitwa.

Fil-bidu ta’ Lulju, jibda perjodu ta’ żmien imsejjaħ bħala “il-ġranet tal-klieb tas-sajf”. Storikament kienu osservati fl-astroloġija antika Rumana u Griega u kienu konnessi ma’ xorti ħażina, attakki mill-klieb, maltempati bir-ragħad mhux mistennija, sħana u nixfa. L-isem ġie minħabba li kienu konnessi mal-istilla Sirius, li hija parti mis-sistema tal-istilel Canis Major (Greator Dog). Illum il-ġurnata dan il-perjodu huwa meta jibdew jibdew l-aktar ġranet sħan tas-sajf.

Kumbinazzjoni, kien f’Lulju li l-vaċċin kontra r-rabbja ingħata b’suċċess lil pazjent. Il-mikrobijologu Franċiż Louis Pasteur amministra l-vaċċin lil tifel ta’ disa’ snin, Joseph Meister fis-6 ta’ Lulju tal-1885. It-tifel kien gidmu kelb rabid, u Louis Pasteur, mhux ċert jekk il-vaċċin kienx se jirnexxi, iddeċieda li xorta waħda jieħu riskju u jittestja dan il-vaċċin. Fortunatament għat-tifel, il-vaċċin ħadem!

Fil-5 ta’ Lulju tal-1946, ġiet introdotta l-ewwel bikini fid-dinja, fil-famuża pixxina Piscine Molitor f’Pariġi. Eżatt fil-ħin għas-sħana tas-sajf, il-bikini kienet immudellata mix-showgirl Micheline Bernardini. Filwaqt li preċedentament kienu jeżistu forom ta’ żewġ biċċiet ta’ lbies tal-għawm, l-ebda waħda ma ntuża ftit drapp għaliha daqs il-bikini.

Ġulju Ċesari ma kienx l-uniku ġenju militari li twieled f’Lulju. Alessandru l-Kbir kien figura storika oħra importanti li biddel il-forma tad-dinja u twieled x’imkien madwar l-20 ta’ Lulju, 365 QK. Persuni famużi oħra li twieldu f’Lulju jinkludu Frida Kahlo, Franz Kafka, Marcel Proust, u Nelson Mandela.

Fl-4 ta’ Lulju, 1776, it-13-il kolonja Amerikana ddikjaraw l-indipendenza tagħhom mill-monarkija Ingliża. L-4 ta’ Lulju, magħruf formalment bħala Jum l-Indipendenza, u ilu meqjus bħala festa pubblika mill-1870 fl-Istati Uniti tal-Amerika.

Fil-25 ta’ Lulju tal-1909, Louis Bleriot sar l-ewwel raġel li tajjar ajruplan minn pajjiż għal ieħor b’suċċess. Huwa telaq mill-kosta ta’ Franza u niżel madwar il-kanal qrib Diversi, l-Ingilterra.

Fit-12 ta’ Lulju tal-1953 kienet ġurnata splussiva. F’dan il-jum, il-forzi Russi u Ġermaniżi ġġieldu l-akbar battalja ta’ tankijiet fl-istorja, b’900 rank fuq kull naħa jattakkaw lil xulxin mill-viċin. Wara li ġie ordnat waqfien mill-ġlied, kien hemm biss 300 tank Ġermaniż li baqgħu wieqfa.

Il-ġilju u l-larkspur huma ż-żewġ fjuri assoċjati max-xahar ta’ Lulju.

Lulju kien żmien importanti għad-dinja spazjali tas-snin 60. L-ewwel missjoni ekwipaġġata fuq il-qamar, il-missjoni Apollo 11, kienet imnedija fis-16 ta’ Lulju tal-1969. Erbat ijiem wara, fl-20 ta’ Lulju, Neil Armstrong tniżżel fl-istorja billi ħa l-ewwel pass fuq il-qamar waqt li ddikjara, “Dak hu pass wieħed żgħir għall-bniedem, qabża waħda ta’ ġgant għall-umanità!”.

Kurt Cassar jelabora dwar il-kanzunetta li se jniedi dalwaqt, imma mhux biss!

Kurt Cassar jelabora dwar il-kanzunetta li se jniedi dalwaqt, imma mhux biss!

Nitkellmu ma’ Kurt Cassar

Kurt, fi ftit jiem oħra se tkun qed tniedi kanzunetta oriġinali. X’tista’ tgħidilna dwarha?

Ilni minn Ottubru li għadda naħdem ma’ produtturi Maltin u anki barranin biex noħroġ l-aħjar mill-materjal oriġinali tiegħi u rnexxielna noħolqu ‘l fuq minn 12-il kanzunetta oriġinali. L-ewwel kanzunetta konna se nniduha f’April però tinvolvi artista oħra minn barra l-pajjiż b’hekk kellna problema biex niffilmjaw minħabba l-pandemija. Issa wasal iż-żmien.

L-ewwel kanzunetta oriġinali li se nniedi se tkun b’kollaborazzjoni mal-artista Taljana Kel Moncado, li ltqajt magħha daqs 3 snin ilu fl-X Factor. Il-kanzunetta se ġġib l-isem ta’ Not This Time, miktuba minni u minn Kelly. Ġiet prodotta ġewwa l-Italja u hija kanzunetta li titratta d-d-dipendenza emozzjonali. Madanakollu, hija kanzunetta pożittiva ħafna wkoll. Din il-kanzunetta hija sfida personali għalija. Mhix ta’ ġeneru li tarawni fih is-soltu. Stil etniku, pop, kontemporanju. Inħeġġiġkom li ssegwu!

Kif inhi r-relazzjoni personali bejnek u bejn Kelly?

Kelly hija bniedma li jien ma tantx irrikonoxxejt f’X Factor…Forsi tkun moħħok f’dak li qed tagħmel int iktar milli dak li qed jagħmel ħaddieħor però jkolli nammetti li waqt Bootcamp ma kellix xi viżjoni ċara li xtaqt naħdem magħha. Wara l-esperjenza, bdejna nitkellmu, bdejna nifhmu lil xulxin u bdejt insegwi l-affarijiet li tagħmel. Bniedma unika, b’talent uniku. Ġieli f’dawn it-Television shows persuna ma toħroġx l-aħjar tagħha minħabba diversi fatturi. Jien u Kelly nedejna diversi ‘cover versions’, u r-rispons tan-nies kien dejjem sostanzjali. Bla dubju ma stajtx ma niftaħx dan is-separju ġdid fil-karriera tiegħi mingħajr ma tkun involuta hi. Ħabiba kbira u tal-qalb. Magħha nħossni komdu nitkellem dwar kollox u meta ngħidlek kollox..KOLLOX!

Għidilna ftit dwarek, min hu Kurt?

Jien bniedem sensittiv, nar tat-tiben, emozzjonali ħafna u ambizzjuż ħafna. Kurt kumpless imma sempliċi ħafna wkoll.

Għandek lil xi ħadd speċjali f’ħajtek?

Ejja ngħidu… li kkumplikata.

Persuna li ma tgħix mingħajrha..

Ommi. Mill-bqija mingħajr kulħadd nidra.

Minn meta ħassejt li l-kant u l-mużika huma daqstant importanti f’ħajtek?

F’kull qasam domt ma skoprejt x’verament ridt u nazzarda ngħid li domt ma sibt lili nnifsi mhux artistikament biss però l-unika ħaġa li kont dejjem ċert minnha hija l-mużika. Meta tkun għadek tifel ta’ 5 snin u tħoss passjoni u vokazzjoni fl-istess ħin, għid li tkun għalik. Kullimkien, l-iskola, id-dar…kont inkanta. Il-mużika u l-kant huma rigal. Inżid ukoll li mhux biżżejjed li jkollok talent, trid tqum mir-raqda u tisfruttah. Meta kont żgħir u kont nara kantanti fuq it-televixin, kont indur lejn ommi u ngħidilha..”Ma jien hekk ta se nkun…kantant”.

Liem esperjenzi mużikali li kellek s’issa, l-aktar li tgħożż?

Jien inħoss li għamilt ħafna u li m’għamilt xejn fl-istess ħin. Forsi għax jien bniedem ambizzjuż u iebes ħafna fuqi nnifsi. Ma tantx nikkuntenta ruħi malajr. Id-debutt tiegħi fix-xena lokali seħħ fl-2014 waqt il-Konkors Kanzunetta Indipendenza fejn kont irbaħt il-premju Talent Ġdid. Matul l-istess sena kont ġejt imsejjaħ nipparteċipa f’diversi avvenimenti mużikali ewlenin bħal Beerfest, Beland u anki Wine Festivals li ħafna Maltin jattendu bi ħġarhom. Komplejt nitħarreġ vokalment u bqajt nipparteċipa f’festivals lokali ewlenin. Esperjenzi li ma ninsa qatt huma festivals internazzjonali bħal George Grigoriu fir-Rumanija fejn kont wasalt mal-ahhar 5 fil-Finali, il-popolari Festival Show f’Venezja, meta rbaħt il-Festival orkestrali Taljan ta’ Mascalucia fl-Italja fost oħrajn. Hemm ħafna iktar x’ insemmi.

Hemm xi artisti internazzjonali li jispirawk?

Jien insegwi artisti li huma reali..Li ma jibbażawx l-art tagħhom fuq ‘Gimmicks’.. Artisti li għandhom vuċi u timbru li huma distinti. Ma jimpressjonawnix artisti li huma iktar ‘influencers’ milli artisti. Nammira artisti bħal James Arthur, Lewis Capaldi, John Legend, Macy Gray, Jim tal-grupp PH.d fost oħrajn. Jien insegwi artisti li jitrażmettu emozzjoni sempliċiment billi jkantaw. Naf li d-dinja nbidlet illum il-ġurnata però bqajt ‘old school’.

Nerġgħu narawk f’X Factor?

Iva, xi darba, dak huwa l-ħsieb, imma d-darba li jmiss b’mindset differenti totalment. L-ewwel darba li pparteċipajt ma ħadtx l-esperjenza bl-akbar maturità. Issa nħossni ppreparat sew ħafna għal kompetizzjoni bħal dik, artistikament u mentalment ukoll. Jekk hux Malta jew barra minn Malta però ma nafx.

X’inhuma l-affarijiet li jogħġbuk fik bħala kantant u xi ħaġa li kieku tista’ tbiddel?

Nemmen ħafna li għandi timbru maskili distint u min jismagħni u ma jkunx jafni jgħaddi dan il-kummenti dejjem.

Togħġobni l-vulnerabilità tiegħi waqt il-kant. Jekk inkun imdejjaq l-emozzjoni f’leħni turi, jekk kuntent ukoll, jekk għejjien ukoll. Prova li t-talent huwa mehmuż magħna għax jirrifletti dak li nkunu għaddejin minnu. Iktar milli nbiddel, kieku nikkontrolla iktar l-emozzjonijiet għaliex ġieli kif jgħidu l-Ingliżi…”I overdo it”, u nikkontrolla aktar l-użu tal-idejn waqt il-prestazzjonijiet tiegħi. Ġieli jintirtu drawwiet li mhux faċli tegħlibhom.

Xi tgħidilna fuq l-imħabba tiegħek lejn Londra?

Londra għandha post speċjali ħafna f’qalbi. Tlajt l-ewwel darba ma’ missieri ta’ 19-il sena meta kont ġejt mogħti l-opportunità li naħdem xi materjal ġewwa studjow professjonali f’Soho..u minn hemm ġew diversi opportunitajiet. Għadni sal-lum il-ġurnata nitla’ darba f’xahrejn għal sessjonijiet kontinwi ta’ Busking f’parti elementari f’Londra ġewwa Harrods mal-kitarrist tiegħi Robin Ward.

Apparti minn hekk kelli ċans ukoll inkanta mal-band The Americans darbtejn waqt l-ispettaklu tas-Sena l-Ġdida f’Hyde Park, Winterwonderland quddiem eluf kbar ta’ nies. Londra tatni esperjenzi ħelwin ħafna li għenuni nikber bħala artist. Illum il-gurnata li nkun sejjer Londra daqs li kieku sejjer qadja l-Belt. Dik it-tieni dar tiegħi! Wara l-pandemija, nerġa’ nitla minnufih..

Min huma l-artisti lokali li jispirawk?

Ira Losco togħġobni għax baqgħet persuna tan-nies u għax baqgħet innovattiva għalkemm ilha hafna fix-xena. Togħġobni l-kantanta Nicole Frendo, mhux biss artistikament imma anki mill-aspett uman. Jogħġbuni wkoll Mario Vella tal-Brikkuni, Errol Sammut u Matthew James Borg. Dawn ftit fost ħafna, ovvjament.

Ftit xhur ilu nedejt il-verżjoni Maltija ta’ ‘We are the world’. Kif kienet din l-esperjenza?

Kelma waħda. MAĠIKA. Minn idea ċkejkna għal proġett mużikali li sar proġett nazzjonali fi ftit żmien. Proġett li minkejja l-limitazzjonijiet kollha li kellna, daħal fid-djar tal-Maltin kollha. Grazzi lill-artisti lokali kollha li pparteċipaw!

B’liema lingwa tippreferi tkanta?

Jien inkanta bi tliet lingwi u t-tlieta li huma jagħtuni sodisfazzjon. Bil-Malti, bl-Ingliż u bit-Taljan. S’issa għadni ma ftaħtx sew bil-Malti, għalkemm lura lejn l-2018 kont nedejt il-kanzunetta Anġlu Ħaj bil-parteċipazzjoni t’Ekklesia Sisters u kienet intlaqgħet sew. Infakkar ukoll il-kanzunetta Teżor li kienet iklassifikat mal-ahjar 5, fil-KKI 2016.

L-ansjetà u l-mużika, x’konnessjoni hemm bejniethom f’ħajtek?

L-ansjetà hija parti minni. Ikollok mumenti li ma jkunux faċli u oħrajn tajbin. L-ansjetà hija kundizzjoni li ma tgħejjikx biss mentalment imma fiżikament ukoll. Meta kont fl-agħar żmien, iddeċidejt li ndur għall-mużika bis-serjetà wkoll. L-ansjetà għenitni ndur għall-affarijiet li lili jagħtuni identità u kuntentizza u għalhekk il-mużika hija waħda mir-raġunijiet għalfejn ngħix. Hija personali ħafna u mhux kulħadd jista’ jifhimni.

Liema kienet l-aktar fażi diffiċli f’ħajtek?

Meta m’aċċettajtx min tassew jien. Sakemm sibt lili nnifsi batejt ħafna. Għext ħajja ta’ suppressjoni, biża’, inċertezzi, ħsibijiet u konfużjonijiet. Kelli 18-il sena meta bdejt niġi konxju ta’ ċerti sentimenti li qabel ma kontx nagħti każ…tkun żgħir u jgħaddi kollox imma l-bniedem jibqa’ sakemm jiskopri min verament hu.

Huwa proċess naturali li jien ikkontrollajt b’mod ħażin ħafna li anki għamilt ħsara lili nnifsi. Illum kburi ħafna b’dak li jien u ma nbiddilni ma’ ħadd. Parir wieħed nagħti, jekk f’ħajjitkom taslu f’punt fejn tħossukom imbeżżgħin ħafna, fittxu l-għajnuna. Terfgħux kollox fuq spallejkom għax tagħmlu ħafna ħsara. Ħadd mhu indispensabbli.

Semmi episodju negattiv li għaddejt minnu fil-qasam mużikali u għidilna x’tgħallimt minnu.

Inkun onest, kull esperjenza li kelli dejjem kienet pożittiva imma memorja riċenti li kienet ħalliet impatt fuqi kienet il-parteċipazzjoni tiegħi fit-tieni staġun tal-X Factor. Ħassejtni fil-post il-ħażin minn x’ħin qomt dakinhar. Meta l-gut feeling tiegħek jgħidlek biex ma tagħmilx xi ħaġa, tagħmilhiex. Niftakarni naħtaf lil kull min ikellimni. Kont fgat u ħassejtni skomdu. Bl-Ingliż..”I was at the right place in the wrong time”… Fil-fatt ir-riżultat ma kienx wieħed kif xtaqt. Jiddispjaċini wkoll meta ħallejt nies fix-xena lokali jimmanipulawni u jużaw id-dgħufijiet tiegħi biex jieħdu li jridu. Qatt tħalli lil ħadd idaħħallek f’moħħok li l-valur tiegħek mhux għoli. Emmen fik innifsek u jekk verament għandek talent ibqa’ stinka. Xi darba l-bieb jinfetaħ. L-importanti li ma tkunx deluż…irid ikun hemm fiex temmen biex temmen le?

Tixtieq li jkollok l-opportunità li tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision?

Għalissa żgur li le. Għandi aspirazzjonijiet oħrajn u m’għadx għandi l-istima li kelli lejh.

X’hemm għaddej iktar f’ħajtek minbarra l-mużika?

Bħalissa qed nippubblika l-ewwel Rumanz bil-Malti mill-pinna tiegħi. Il-kitba hija importanti ħafna għalija però togħġobni l-kitba libera. Mhux se nikteb biex ngħid se nagħmel kanzunetta. Le, ħallini nikteb fil-libertà. Ħajti mimlija ħafna. Għandi x-xogħol tiegħi li hu wkoll għal qalbi. Jien naħdem fil-qasam tal-propjetà. L-ewwel xogħol li rnexxieli nsaddad fih 3 snin sħaħ minn wara li tlaqt mill-Korp tal-Pulizija.

Xi jbeżżgħek l-iktar?

Xejn ma jbeżżagħni ħlief li xi darba nitlef lil ommi, u l-mard u l-mewt. Jien nibża’ ħafna ħafna mill-mewt u naf li xi darba rrid ngħaddi minnha bħal kulħadd sfortunatament.

Hemm xi ħolm li tixtieq twettaq?

Is-sena l-oħra ġejt mogħti ċ-ċans li nagħmel sfida fil-programm Amici ta’ Maria de Filippi. Minħabba l-pandemija sfortunatament tħassru l-isfidi ta’ kontestanti barra mill-pajjiż u tifhimha…imm’ Amici kien wieħed minn dawk l-ewwel programmi li kkonfermali l-passjoni tiegħi lejn il-mużika, u iva, jekk ikolli nagħżel, li nkun parti mill-programm imqar għal jumejn hija ħolma kbira tiegħi bħalissa. Kont viċin u beħsiebni nissielet iktar u nittama!

Hemm xi proġetti oħra li għandna nistennew mingħandek?

Fil-futur qarib se nkun qed naħdem fuq kollaborazzjonijiet interessanti. Għal Diċembru wkoll qed inħejji xi ħaġa speċjali li tinvolvi diversi artisti lokali. Mill-bqija se nibqa’ nniedi l-materjal oriġinali li għandi mħejji u kif jgħidu l-Ingliżi…”I’m gonna go with the flow”.

Enable Notifications    OK No thanks