Select Page
Sessjonijiet ta’ sapport għall-aħwa ta’ persuni b’diżabilità minn Aġenzija Sapport

Sessjonijiet ta’ sapport għall-aħwa ta’ persuni b’diżabilità minn Aġenzija Sapport

Is-sapport lill-familji ta’ persuni b’diżabilità huwa importanti ħafna. Dan minħabba li l-persuni b’diżabilità jiggwadanjaw ferm meta jkunu qed jgħixu fil-komunità, u jibqgħu jgħixu d-dar mal-familja. Madanakollu, il-familji jgħaddu minn diversi ċirkostanzi li jekk ma jsibux għajnuna, id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom sabiex ikomplu jieħdu ħsieb lill-individwu b’diżabilità, jistgħu jikbru.


Fin-nukleu tal-familja hemm ukoll l-ulied l-oħra, l-aħwa li minn ċkunithom ikunu draw li hi responsabilità ta’ kull membru li jindokra lill-membru b’diżabilità. L-esperjenzi ta’ dawn l-aħwa huma varji – min jieħu r-rwol ta’ kuratur maż-żmien, min iħoss li ma jkunx forsi ingħata biżżejjed attenzjoni daqs ħuthom b’diżabilità minħabba ċ-ċirkostanzi, min kien involut fit-trobbija ta’ ħuthom b’diżabilità u min le.

Fattur komuni bejn l-aħwa kollha jibqa’ li kollha għandhom għal qalbhom il-benesseri ta’ ħuthom u li jagħmlu minn kollox sabiex ikunu jistgħu jibqgħu jgħinu lil ħuthom b’diżabilità tul ħajjithom u jagħtu l-kontribut tagħhom waqt li jirrikonoxxu l-fatt li l-ħajja tagħhom evolviet u li f’ċerti sitwazzjonijiet jista’ jkun li jkollhom bżonn is-sostenn huma wkoll.

Dawn huma biss ftit mill-fatturi li Aġenzija Sapport tindirizza waqt sessjonijiet li professjonisti fi ħdanha, inkluż ħaddiema soċjali, imexxu bħala gruppi ta’ sostenn għal aħwa adulti ta’ persuni b’diżabilità.

Dawn is-sessjonijiet joffru spazju fejn dawn l-aħwa jiltaqgħu flimkien u jaqsmu flimkien esperjenzi, diffikultajiet, ħsibijiet u sfidi ma’ oħrajn li jkunu fl-istess sitwazzjoni tagħhom, waqt li jkunu jistgħu wkoll jevalwaw kwistjonijiet u possibilitajiet għall-futur.

Parteċipanti minn gruppi simili fil-passat stqarrew li dawn il-gruppi u laqgħat servew sabiex iħossuhom li mhumiex weħedhom u li wkoll ingħataw stampa ċara anke dwar x’servizzi huma u l-familjari tagħhom jistgħu jaċċessaw.


Uħud mis-suġġetti li huma koperti waqt dawn is-sessjonijiet huma:

  • Relazzjonijiet familjari: X’impatt ikollhom il-ġenituri fuq l-ulied li għandhom diżabilità
  • Kif tħares il-komunità lejn persuni b’diżabilità u kif iħossuhom l-aħwa dwar dan
  • Kif jieħdu ħsieb tagħhom infushom
  • Servizzi disponibbli
  • L-impatt fuq deċiżjonijiet tal-ħajja tagħhom

Bħalissa Aġenzija Sapport qed tilqa’ applikazzjonijiet għal gruppi ġodda li se jibdew fil-ġimgħat li ġejjin. Is-sessjonijiet se jsiru darba fix-xahar. Se jkun hemm 12-il sessjoni b’kollox, u kull sessjoni ddum sagħtejn. Sabiex ikun assigurat li nimxu mal-miżuri maħruġa mill-Awtorità tas-Saħħa kull workshop se jkollu massimu ta’ 10 parteċipanti, bi preżentazzjoni ta’ ċertifikat validu tal-vaċċin. Grupp żgħir hu ideali sabiex kull parteċipant ikollu ħin biżżejjed biex jiddiskuti l-ħsibijiet tiegħu jew tagħha. Grupp żgħir jgħin ukoll biex il-persuna tħossha komda li tista’ titkellem.

Dawn il-gruppi huma miftuħa għal aħwa li jkunu għalqu t-18-il sena. L-attendenza hija mingħajr ħlas iżda wieħed jeħtieġ li jibbukkja.

Dan jista’ jsir permezz ta’ formola ta’ applikazzjoni li tista’ titniżżel jew tintbagħat mis-sit elettroniku www.sapport.gov.mt jew billi wieħed jagħmel kuntatt ma’ Aġenzija Sapport (Helpline – Freephone 153 u jagħfas in-numru 5 / iċempel fuq 2256 8000 / jibgħat email fuq sapport@gov.mt). Wieħed jista’ jagħżel li jattendi sessjonijiet filgħodu jew filgħaxija.

Raġel titwaħħallu qalb ta’ ħanżir għall-ewwel darba fid-dinja

Raġel titwaħħallu qalb ta’ ħanżir għall-ewwel darba fid-dinja

Raġel Amerikan sar l-ewwel persuna fid-dinja li ħa trapjant tal-qalb ta’ ħanżir modifikata ġenetikament.

Skont it-tobba, David Bennett, ta’ 57 sena, jidher li sejjer tajjeb tlett ijiem wara l-proċedura sperimentali ta’ seba’ sigħat f’Baltimore.

It-trapjant kien meqjus bħala l-aħħar tama li ssalva l-ħajja tar-raġel, għalkemm għadu mhux ċar x’inhuma ċ-ċansijiet tiegħu li jgħix fit-tul.

Bennett qal li ż-żewġ għażliet li kellu kienu jew jagħmel din l-operazzjoni jew imut.

Huwa kien tqies bħala li ma kienx eliġibbli għal trapjant uman, deċiżjoni li ħafna drabi tittieħed mit-tobba meta l-pazjent ikun f’kundizzjoni ta’ saħħa ħażina ħafna.

It-tobba fiċ-Ċentru Mediku tal-Università ta’ Maryland ingħataw permess speċjali mir-regolatur mediku tal-Istati Uniti biex iwettqu din il-proċedura.

Għat-tim mediku li wettaq it-trapjant, dan jimmarka l-qofol ta’ snin ta’ riċerka u jista’ jibdel il-ħajjiet madwar id-dinja.

Il-kirurgu Bartley Griffith qal li din l-operazzjoni se tressaq lid-dinja pass eqreb lejn is-soluzzjoni tal-kriżi tan-nuqqas ta’ organi.

Bħalissa 17-il persuna jmutu kuljum fl-Istati Uniti jistennew trapjant, b’aktar minn 100,000 irrappurtati li qed jistennew trapjant.

Il-mewt ta’ Betty White ġiet ikkawżata minn puplesija li sofriet sitt ijiem qabel

Il-mewt ta’ Betty White ġiet ikkawżata minn puplesija li sofriet sitt ijiem qabel

Il-mewt tal-attriċi popolari Betty White ġiet ikkawżata minn puplesija li tatha sitt ijiem qabel mietet, fil-31 ta’ Diċembru tal-2021, fl-età ta’ 99 sena.


L-attriċi maħbuba ta’ Golden Girls u Mary Tyler Moore Show mietet id-dar tagħha f’Los Angeles.

Il-kawża kienet ikkonfermata mit-tabib ta’ White, kif inhu tipiku f’każi bħal dawn.

Hija ġiet kremata u l-fdalijiet tagħha ngħataw lil Glenn Kaplan, ir-raġel li kien inkarigat għall-kura tas-saħħa ta’ White.

Betty White, li kienet pedament televiżiv għal aktar minn 60 sena u kienet ammirata minn diversi ġenerazzjonijiet ta’ fans, mietet inqas minn 3 ġimgħat qabel għeluq il-100 sena tagħha.

Enable Notifications    OK No thanks