Select Page
Meta ma niġux rispettati… – Michelle Zerafa

Meta ma niġux rispettati… – Michelle Zerafa

Tkellimna ħafna dwar relazzjonijiet tagħna mal-oħrajn u allura ħsibt li nitkellmu wkoll dwar relazzjoni magħna nfusna, speċjalment meta kontinwament niltaqgħu ma’ nies li ma japprezzawnix biżżejjed u ma jurux rispett lejna..

Meta tkun fiha tirrealizza li dawk ta’ madwarna jistgħu jħallu impatt negattiv fuqna. Infatti meta niltaqgħu ma’ attitudni negattiva ħafna drabi li nagħmlu hu li ninħarqu u nirreaġixxu..Mhux faċli nibqgħu kalmi meta ma neħdux dak li jistħoqqilna.. Tajjeb li forsi nzommu f’mohhna ukoll li l-attitudni ta’ dik il-persuna mhux faċli nibdluha iżda aħna kif nirreaġixxu għal imġiba taghha huwa litteralment fil-kontroll tagħna.

Pereżempju: Jekk il-boss tiegħek juri ċertu poter li jkun qed jifgak.. Dik li kuljum trid tmur għax-xogħol u tiffaċċjah mhix faċli.. u jista’ jkun li jkun qed jinfluwenzak u jpoġġik f’ċerta negattività u anke ansjetà. Meta aħna ninqabdu f’emozzjoni ta’ rabja u uġigħ dan ma jgħinx is-sitwazzjoni għax hekk inkunu qed naħlu l-enerġija tagħna fuq xi ħaġa li mhux fil-kontroll tagħna. Iżda kif aħna nirreaġixxu għall-imġiba negattiva dan huwa kollu fil-kontroll tagħna.

Kultant nistgħu nieħdu l-affari bħala xi ħaġa personali, però jekk pereżempju jekk hija xi ħaġa relatata max-xogħol tajjeb li nkunu kapaċi naqtgħu linja li ngħidu isma din hija xi ħaġa li għandha x’taqsam biss max-xogħol li nagħmlu. Il- probabilità tista’ tkun li anke l-boss tagħna għandu/ha l-problemi u anke l-insikurezzi u dan qed jaġixxi hekk minħabba dawn l-insikurezzi u mhux minħabba fina personali. L-aġir jekk mhux tajjeb jibqa’ mhux tajjeb .. imma li nieħdu l-perspettiva tal-persuna se tgħinna nimxu ‘l quddiem għax nifhmu aktar minn fejn jevolvu l-affarijiet..

Mhux faċli li ssib lil min ikissirlek l-ispirtu pożittiv tiegħek, li ma jikkalkulakx jew li ma japprezzax l- isforzi li tagħmel u allura fejn hu possibbli tajjeb li noqogħdu l- bogħod minn dak li jkissirna…

Jekk hi sitwazzjoni aktar ikkumplikata u forsi nħossni mgħaffġa/mgħaffeġ f’ħafna emozzjonijiet importanti li nfittex għajnuna professjonali

Xi punti li jistgħu jgħinuna:

  • Niftakru li huwa normali li nħossuna maħkuma minn ħafna emozzjonijiet meta xi ħadd jittrattana ħażin
  • Forsi jgħinna li naħsbu fil-ħajja diffiċli jew l-ammont ta’ xogħol li għandha l-persuna li qed tittrattana ħażin, mhux biex niġġustifikaw l-azzjonijiet iżda biex nifhmu aktar li mhix xi ħaġa personali.
  • Tista’ tikteb kif qed tħossok fi djarju ħalli tesprimi dak li qed tħoss
  • Jekk kapaċi fl-arti tista’ tesprimi l-emozzjonijiet tiegħek fl-arti tiegħek ..
  • Il-meditation u l-yoga jgħinu ħafna biex issib il-paċi u l- kalma..
  • L-eżerċizzju wkoll jista’ jgħinek tikkalma u toħroġ il-frustrazzjoni tiegħek..
  • Li tieħu nagħsa meta tħossok imħawwad/imħawda wkoll jista’ jgħinek tħossok aħjar
  • Tkellem ma’ xi ħadd li tafda jew ma’ professjonist biex mhux talli tesprimi l-emozzjonijiet tiegħek iżda wkoll issib opportunitajiet jew perspettivi ġodda li forsi ma tkunx irrealizzajt li jeżistu
  • Li tieqaf lill-persuna li tkun qed tagħmel inġustizzja miegħek.. tista’ tgħinek issib elementi ta’ perseveranza u reżiljenza li qatt ma kont tirrealizza li għandek..u tkun tagħlima li tgħinek għall-kumplament ta’ ħajtek ..

Li tirrispetta lilek innifsek huwa pass kbir li jgħinek issib il-paċi..

Tibqax waħdek fid-dlam, li titkellem huwa l-ewwel pass biex tiċċaqlaq mis-sitwazzjoni li tinsab fiha..

Awguri u tislijiet.

Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Filmat: “L-aktar ħaġa li hemm bżonn li nqajmu kuxjenza dwarha bħalissa hi l-politika” – Mark Laurence Zammit

Filmat: “L-aktar ħaġa li hemm bżonn li nqajmu kuxjenza dwarha bħalissa hi l-politika” – Mark Laurence Zammit

Nitkellmu ma’ Mark Laurence Zammit

Mark, illejla tixxandar it-tmien edizzjoni tal-programm il-ġdid tiegħek L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa. Sodisfatt bir-rispons li qed tirċievi s’issa?

Iva, ħafna. Rispons ħafna ikbar u isbaħ milli stennejt. Fil-preparamenti li għamilna qabel bdiet l-iskeda pruvajna naħdmu biex il-programm ikollu stil naqra differenti, u ma konniex ċerti jekk in-nies hux se jilqgħuh u kemm se jdumu biex jilqgħuh. U għamilt żmien kont naħseb li se jaraw l-ewwel programm għall-kurżità, u mbagħad ma jarawhx aktar. Imma s’issa l-feedback baqa’ jikber u jisbieħ, u jiena grat ħafna u m’għandix kliem biex nirringrazzja lil dawk in-nies kollha madwari li qed jgħinuni.

Minn meta twaqqaf Xarabank għall-bidu tiegħek f’dan il-proġett ġdid ma tantx kien hemm ħin biex tipproċessa l-emozzjonijiet li ġab miegħu dan it-tibdil. Affettwak xi ftit dan il-fatt?

Forsi l-fatt li ma kellix ħin biex nipproċessa, kien aħjar. Xarabank kont inħobbu ħafna, u kieku l-istorja ta’ kif waqaf Xarabank ġrat sentejn jew tlieta ilu, kont nitkisser. Sa 3 snin ilu, il-ferħ tiegħi kien marbut max-xogħol li kont nagħmel f’Xarabank u kelli qalbi marbuta ħafna miegħu. U ma kinitx ħaġa ħażina. Imma maż-żmien bdejt ninduna li Xarabank ma kienx se jkompli għal dejjem. Indunajt li xi darba kien se jieqaf, u jien inzertajt bniedem ftit reliġjuż u għaddejt lili nnifsi minn proċess ta’ ħafna meditazzjoni biex naċċetta li jekk xi darba din il-ħaġa tiġri, kelli nkun lest għal ħajja oħra wara Xarabank. U maż-żmien qisni tgħallimt norbot qalbi man-nies li niltaqa’ magħhom u li għallmuni, u mhux mal-programm. Allura, b’għaġeb kbir, meta waqqfuh minn fuq it-television, għalkemm kien xokk, bqajt inħoss ħafna paċi. Però, kif jaf kulħadd issa, inqala’ l-programm il-ġdid immedjatament wara u dik serviet biex naljena rasi. Meta tfaċċa l-programm il-ġdid, tant kellna xogħol quddiemna, li ma kellniex ċans noqogħdu ninkwetaw ħafna fuq li ġara.

Hemm xi ħaġa li int personali għamilt f’Xarabank li tixtieq tagħmilha differenti jew aħjar f’dan il-programm?

Iva. Is-satira. Id-daħk huwa biċċa xogħol serja ħafna u s-satira hija waħda mill-aktar affarijiet diffiċli biex tikteb u tipproduċi, imma waħda mill-aktar affarijiet li fil-fehma tiegħi għandu bżonn il-pajjiż. Imma minħabba l-impenji li ġab miegħu l-bidu ta’ dan il-programm – intervisti, id-diskussjoni, ir-riċerka, l-investigazzjoni – għadni ma sibtx il-ħin biex naħdem fuqha kif nixtieq.

Fejn qed taspira li tieħu d-direzzjoni tal-programm?

Jien qed nara li pajjiżna maqsum ħafna, fuq kollox. U aktar kemm jgħaddi ż-żmien, aktar inħoss li l-firdiet li għandna qed ibegħduna dejjem aktar minn xulxin u jagħmluha aktar diffiċli li nsibu modi sensibbli kif insolvu l-problemi li għandna quddiemna. Se niġu f’punt fejn ma nibqgħu naqblu fuq xejn, u jekk mhu se naqblu fuq xejn, mhu se nkunu nistgħu nibnu xejn. Qed nara li aktar ma jgħaddi ż-żmien, kulħadd qed jibda jemmen li n-naħa tiegħu tajba kważi f’kollox u n-naħa l-oħra ħażina kważi f’kollox, u d-diskussjonijiet li jkollna huma biss ġlied fuq min se jirbaħ ir-raġun, u darba kull 5 snin, l-Elezzjoni. Ma nippretendix li b’dan il-programm se nsolvi l-problemi ta’ Malta, imma nixtieq li f’dal-programm, id-diskussjoni tieħu aktar il-forma ta’ konversazzjoni, u mhux konfront, fejn in-nies ma jitkellmux biex jirbħu argument, imma biex jisimgħu lil xulxin. Għax f’konversazzjoni nisimgħu lil xulxin bit-tama li nibdew nifhmu lil xulxin. F’konfront jirbaħ wieħed biss; f’konversazzjoni jirbaħ xi ftit kulħadd.

Tista’ tiżvela xi ħaġa dwar dak li se nkunu qed naraw illejla?

Illejla l-programm dwar il-persuni transgender. U fil-programm se nitkellem ma’ żewġ min-nies li ispirawni ħafna. Ruth u Matthew. Ruth hija omm li kellha tifla, u li ta’ 12-il sena qaltilha li hija tifel. U tirrakkonta kif ħaditha. Tgħid li f’erbat ijiem rema l-gwardarobba, qata’ xagħru, biddel il-karattru, tant li lanqas baqgħet tagħrfu. Tgħid: “Kont nidħol id-dar u ngħid, ‘dat-tifel min hu? Fejn hi t-tifla tiegħi?’” Tirrakkonta kif neħħew ir-ritratti kollha tal-preċett u l-griżma, fejn kien jidher tifla, x’ġara meta spiċċa tifel ġo skola tal-bniet, u kif ħuh iż-żgħir qabad jaħseb li l-girls kollha jsiru boys. U kellhom storja sħiħa l-iskola, għax kien qed jaħseb li anke ommu se ssir boy. Matthew, min-naħa l-oħra, huwa persuna ta’ 20 sena li jgħid li la hu raġel u lanqas mara. Non-binary. Twieled f’ġisem ta’ tifla u jiffansja kemm irġiel u kemm nisa, imma la jħossu raġel u lanqas mara. Jitkellem dwar il-bullying ikrah li għadda minnu, fost l-oħrajn kienu jkaxkruh minn xagħru, jgħajruh, u affarijiet bħal dawn. Fil-programm ukoll se titkellem persuna transgender li qed toħroġ ma’ persuna transgender oħra. Jiġifieri f’din il-koppja, hu twieled tifla u hi twieldet tifel. U se titkellem ukoll tfajla oħra li twieldet tifla imma maż-żmien daħħlulha f’moħħha li aktarx hija raġel. Bdiet tieħu l-hormones qawwijin u bdiet issir raġel. Kibritilha l-leħja, ħxienet il-vuċi, waqagħlha x-xagħar, imma baqgħet tħoss li qatt ma kienet raġel. Hi trid tkun mara bħalma twieldet, u issa tixtieq tmur lura u ma tistax. Huwa programm li anke lili, bellahni, f’xi mumenti bikkieni, u għallimni ħafna.

Kien hemm uħud li interpretaw il-fatt li bdejt programm ġdid wara li twaqqaf Xarabank b’mod żbaljat fil-konfront ta’ Peppi u t-tim ta’ Xarabank. Ovvjament mhuwiex minnu, imma xi twieġeb għal dan? Kif inhi r-relazzjoni tiegħek bħalissa ma’ Peppi u l-kumplament?

Meta nhar is-Sibt li għadda rajt lil Peppi jirbaħ il-Gold Award fil-Malta Journalism Awards qbadt nibki bil-ferħ u ktibt fuq Facebook dak li nħoss dwaru. Naħseb li qatt ma kont ktibt pubblikament b’dak il-mod, u jekk taqraha tinduna li ALTRU milli m’aħniex miġġildin! Wieħed mill-akbar ħbieb u għalliema li għandi. Pjuttost, issa li ma naħdmux fuq l-istess programm, għandna aktar relazzjoni ta’ ħbieb. U n-nies li jipproduċu L-Erbgħa Fost il-Ġimgħa huma wħud min-nies li kienu jipproduċu Xarabank. Nafdahom ħafna u xtaqna li jibqgħu magħna meta qlibna minn programm għall-ieħor. Jiġifieri m’hemmx problemi ta’ xejn.

Il-professjonalità f’dan ix-xogħol tirrikjedi li titkellem ma’ kulħadd, inkluż dawk li assolutament ma’ taqbilx magħhom, mal-azzjonijiet tagħhom. Kien hemm drabi li sibtha verament diffiċli li tagħmel dan?

Insibha diffiċli kważi dejjem, għax kważi kull ġimgħa jkun hemm xi ħadd fil-programm li ma naqbilx mal-politika tiegħu jew mal-mod kif jaħsibha. Meta jkunu nies jitkellmu kontra l-immigranti jew kontra l-priġunieri nweġġa’ ħafna iktar. Imma maż-żmien tgħallimt li n-nies li ma naqbilx magħhom huma l-aktar li għenuni nimmatura f’dak li naħseb u nemmen u nagħmel, u meta smajt lilhom bdejt nifhem aktar li l-argumenti tagħhom fihom is-sens u għandna nagħtu kashom.

Ħafna drabi tinvestiga fil-fond dwar suġġetti pjuttost sensittivi. Ġieli tibża’? Minn xi reazzjoni kemm tal-pubbliku, imma b’mod partikolari ta’ dawk li jkunu involuti f’dak li qed tinvestiga?

Nibża’, iva. Imma ma naħsibx ħafna fuqha, għax inkella nieqaf. Fil-fatt lanqas ngħid lil ommi u lil missieri xi nkun qed nagħmel, ħalli ma ninkwetahomx. L-investigazzjonijiet li nagħmel jarawhom l-ewwel darba fuq it-television bħal kulħadd.

Semmilna tnejn mill-aktar stejjer li ħallew impatt fuqek personali.

L-istorja ta’ meta ġġilidna biex jinħareġ Chris Bartolo mill-Ħabs, li kellu problemi serji ta’ saħħa u kien qed jissogra li jmut hemm ġew. U fil-fatt kien inħareġ. Dik waħda minnhom. Imma l-aktar intervista li biddlitni hija intervista li ħadd qatt ma ra għax qatt ma xxandret, minħabba ordni tal-Qorti. Hija l-intervista li kont għamilt lil Liam Debono. Huwa impossibbli nispjegalek hawnhekk x’ħassejt meta ltqajt ma’ Liam u meta intervistajtu, imma minn dakinhar bdejt nara d-dinja b’mod kompletament differenti.

X’inhu l-akbar sodisfazzjon għalik bħala ġurnalist?

Meta jkun hemm xi ħadd qed isofri inġustizzja, u b’xi xogħol li nkunu għamilna aħna, dik l-inġustizzja tissewwa, jew tieqaf. Dik hija l-isbaħ emozzjoni ta’ dan ix-xogħol.

Fl-opinjoni tiegħek, liem huma l-kwalitajiet li jagħmlu l-ġurnalist professjonali?

L-inkwiet. Ġurnalist tajjeb għandu jqum u jorqod jinkwieta għan-nies u għall-verità.

Ritratt meħud minn Clint Gerald Attard

L-aktar kwistjonijiet li int l-aktar sensittiv dwarhom.

L-immigrazzjoni u l-persuni mressqa l-Qorti u fil-Ħabs. U l-Knisja. Dik ukoll.

Huma ħafna li għandhom l-opinjoni li partikolarment ġurnalisti li jippreżentaw programmi ta’ diskussjoni m’għandhomx jesprimu l-opinjoni personali tagħhom. X’inhu l-ħsieb tiegħek dwar dan?

Li tkun newtrali mhux biss hija impossibbli, imma hija wkoll perikoluża ħafna. Ħadd fid-dinja mhu newtrali, u jekk xi preżentatur jilagħbha li hu newtrali, qed jitnejjek bin-nies. Kull preżentatur għandu opinjoni u pożizzjoni, u anke jekk ma jgħidhiex, ma jfissirx li ma jkunx qed jimbuttaha fil-programm tiegħu. Għalhekk nemmen li l-aħjar ħaġa li għandna nagħmlu hi dik li għallimni Peppi – li niddikjaraw mill-bidu l-pożizzjoni tagħna, imma nkunu ġusti; inkunu fair fil-mistoqsijiet u fit-trattament li nagħtu lill-mistiedna. Imma hekk, almenu, lin-nies inkunu għednielhom il-verità dwar l-agenda tagħna, ħalli meta jisimgħuna jkunu jistgħu jiġġudikawna aħjar u janalizzaw dak li ngħidu b’moħħ miftuħ. Għall-istess raġuni naħseb li persuni pubbliċi għandhom jgħidu kważi kollox dwar ħajjithom, anke l-aktar affarijiet intimi. Għalija, persuna newtrali hija waħda mill-aktar persuni perikolużi li tista’ tiltaqa’ magħhom, għax huma dawk in-nies li, bl-iskuża tan-newtralità, jisimgħu l-uġigħ u jibqgħu għaddejjin, jaraw l-inġustizzji u ma jagħmlu xejn, u ma jiġġieldu għall-ebda prinċipju.

Tinkwieta, jew tiddejjaq li tiġi interpretat ħażin b’dak li tgħid u tagħmel?

Jiena nemmen li jekk niġi interpretat ħażin, aktarx għax jien ma spjegajtx ruħi tajjeb. Jiġifieri jkun tort tiegħi. Kważi dejjem hekk kien fil-każ tiegħi. U nħares fil-mera, ngħid mea culpa, u nipprova nitgħallem nikkomunika l-ħsibijiet tiegħi aħjar. Imma ġieli tiġrili li nkun qed nintervista xi politiku, u nkun NAF li kont ċar ħafna fl-argument/mistoqsija li għamiltlu, imma l-fans kbar tiegħu, li jpoġġuh fuq pedestall, jinfexxu jgħajruni u jivvintaw it-twists fuq dak li għedt, taparsi fehmuni ħażin. Qed ngħid taparsi, għax huma jkunu fehmu. Huma intelliġenti biżżejjed li jkunu fehmu l-ġenwinità tal-mistoqsija tiegħi, imma b’intenzjoni purament ħażina jippruvaw idawruha, ħalli jiżvijaw lil kull min, fl-udjenza jew fuq il-midja soċjali, hu suxxettibbli li jiġi mqarraq. Fir-reliġjon li nemmen fiha jien, dak huwa dnub ikrah ħafna – l-ereżija – għax min qed jagħmlu, mhux biss qiegħed fl-iżball hu, imma qed ikaxkar fl-iżball lil ħafna nies oħra. Imma ninkwieta għal dawk li jagħmlu hekk ukoll, għax ninduna li hawn ħafna nies li qed jiddefendu l-politiku u mhux il-prinċipju; mhux qed jifhmu li l-politiku huwa l-impjegat tagħhom, u mhux bil-kontra.

Huma ħafna li jużaw l-argument tal-libertà tal-espressjoni u d-dritt tal-għażla biex jiddefendu ċerti azzjonijiet/imġieba. Fl-opinjoni tiegħek, għandu jkun hemm limitu sa fejn persuna għandha tasal f’dak li tgħid u tagħmel?

Jien nara li l-libertà tal-espressjoni u d-dritt tal-għażla huma ftit differenti. Jekk id-dritt tal-għażla jfisser li l-omm għandu jkollha d-dritt tiddeċiedi jekk toqtolx it-tarbija tagħha fil-ġuf jew le, mela le, m’hemmx għażla. Għalija, ħadd m’għandu jkollu d-dritt li jagħżel li joqtol lil xi ħadd. Dwar il-libertà tal-espressjoni… limitu għandu jkun hemm dejjem. Hemm limiti anke fil-liġi stess. Imma ma naqbilx li għandhom isiru aktar limiti minn hekk, għaliex jekk inħallu lill-istat jagħmel il-limiti hu, jispiċċa jagħlaq ħalq kulħadd. Fil-fehma tiegħi, li rridu nagħmlu hu; mhux li nwaqqfu lin-nies milli jitkellmu, imma minn età żgħira ngħallmuhom kif jiddsikutu b’rispett lejn kulħadd u kif waqt li qed jesprimu fehmithom, jitrattaw lil kulħadd, anke lil min ma jaqblux miegħu, b’dinjità.

Liem kwistjonijiet li għadhom jitqiesu bħala tabù tħoss li jeħtieġ li nqajmu aktar kuxjenza dwarhom?

Fil-fehma tiegħi, l-ikbar tabù bħalissa hija l-politika. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jiżdiedu ż-żgħażagħ u l-adulti żgħar li f’wiċċ l-istejjer tal-korruzzjoni u l-ġlied u t-tgħajjir partiġġjan, qed jaqtgħu qalbhom mill-politiċi kollha u mill-politika u jiddeċiedu li ma jagħtux kasha, u lit-tfal tagħhom jgħidulhom biex ma jitkellmux fuqha, ‘li ma jmorrux jittimbrawhom.’ Il-politika hija l-pjan ta’ kif se nagħmlu ħajja isbaħ u nsolvu l-problemi tagħna u tal-familja tagħna, u meta n-nies jibdew jiġu jaqgħu u jqumu minnha, ikunu fil-fatt qed jiġu jaqgħu u jqumu, mhux mill-politiċi, imma minn uliedhom, mill-familja tagħhom u minn xulxin. U jekk se nibqgħu sejrin hekk, se nibdew ngħixu f’pajjiż fejn kulħadd jinkwieta għal xawwatu u għal xejn aktar. U sakemm inti sew, fil-verità, m’għandekx problemi. Però f’sitwazzjoni bħal dik, meta int ma tibqax sew, mhu se ssib lil ħadd min jgħinek.

Nimmaġina li kemm-il darba qalgħu xi qlajja’ fuqek.

Biex inkun onest ma tantx smajt qlajjiet dwari. Imma waħda li nkwetatni ftit kienet dik li ġrat dan is-sajf. Bdejt nisma’ li n-nies qed jgħidu li wara Xarabank, jien u Peppi iġġilidna. U ħadtha ftit bi kbira għax verament mhux il-każ. Pjuttost, ir-relazzjoni tagħna ġiet aktar intima għax issa għandna aktar ċans nitkellmu fuq suġġetti li jogħġbuna u niftħu qalbna ma’ xulxin aktar minn qabel. Qabel konna nitkellmu fuq xogħol biss. Illum xorta nieħdu ħafna pariri mingħand xulxin fuq xogħol, imma għandna ħafna aktar ċans li nkunu ħbieb.

Irrakkuntalna żewġt ipraspar relatati max-xogħol..

Naħseb it-tfal żgħar li jkunu għadhom kif bdew jaraw it-television, ma jkunux għadhom jagħmlu differenza bejn il-cartoons u l-filmati ta’ nies ta’ vera, bħall-programmi tagħna, pereżempju. U jaħsbu li aħna cartoons ukoll. U għamilt żmien niltaqa’ ma’ tfal żgħar li kif jarawni jibqgħu mbellhin u jgħiduli: “Mela inti veru teżistiiii?!?!” Storja oħra, l-ewwel darba li lbist tuxedo f’ħajti kienet fil-Malta Television Awards ta’ xi 3 snin ilu. Dik il-lejla kienet ukoll l-ewwel darba li rkibt ġo limousine, għax dawn ikollhom pjanat li jwassluk sar-red carpet bil-limousine. Allura krejt tux li lanqas kont naf eżatt kif tilbisha u rkibt mat-tim ta’ Xarabank ġo dil-limousine pjuttost mudlama minn ġewwa, u konna fi triqitna lejn ir-red carpet, fejn kien hemm il-cameras kollha u n-nies jistennewna noħorġu biex jiffilmjawna live għal intervista fuq it-television. U l-qmis tat-tux kellha qisha sett buttuni li tilbishom fuq il-buttuni propja ħalli jidhru isbaħ. Ikunu jleqqu u hekk. U malli wasalna bil-limousine mar-red carpet u fetħu l-bieb u bdejna ħerġin, ifaqqgħu iż-żewġ buttuni tiegħi ta’ taħt iċ-ċoff, u l-qmis infetħet beraħ b’sidri barra. Il-buttuni daħlu jitgerrbu taħt is-seats tal-limousine u trid tarana, it-tim ta’ Xarabank ħiereġ wieħed wieħed minn ġol-karozza live fuq it-television u jien mimdud wiċċi mal-art, b’sidri barra, taħt is-seat infittex il-buttuni ġo dak id-dlam. Wara xi 5 sekondi li kien ħareġ l-aħħar persuna mill-karozza u kien fadal jien biss, irnexxieli nsibhom u nwaħħalhom lura kif stajt u ħriġt mill-karozza nidħak u nxejjer taparsi ma ġara xejn. Ilħaqt bl-eżatt insomma.

X’differenza għamlet u tagħmel Deborah fil-ħajja tiegħek?

Deborah għallmitni li l-ħajja hija ħafna isbaħ meta taqsamha ma’ xi ħadd. Urietni li jkollok ħafna, mhux meta żżomm kollox għalik, imma meta tagħti lil ħaddieħor. Kont nismagħhom jgħiduha din ta, imma ma kontx nemminha. Qabel bdejt noħroġ ma’ Deborah għamilt żmien twil single u waħda mir-raġunijiet kienet li kont nibża’ li jekk nibda noħroġ ma’ xi ħadd ikolli nċedi ħafna minn ħajti u minni nnifsi u nitlef il-libertà. Minn meta ltqajt ma’ Deborah, mhux talli ma tlift xejn, talli għamlitni bniedem aktar sħiħ, aktar bis-sens. U peress li taħdem magħna, Deborah għamlet differenza fil-produzzjoni wkoll, għax ġabet stil ġdid u nifs frisk fit-team tal-produzzjoni.

Hemm xi ħaġa li s’issa għadek qatt m’għidtha fil-pubbliku?

Jiena nipprova nagħmel mezz li ngħid kollox dwari nnifsi. Għax nemmen li persuna pubblika għandha l-obbligu li ma żżomm kważi xejn sigriet mill-pubbliku. Jekk int persuna pubblika, ma tistax tippretendi li żżomm ħafna affarijiet privati. U aktar minn hekk, nemmen li persuni li għandhom pożizzjoni influwenti fis-soċjetà, fejn dak li jgħidu, jinfluwenza lin-nies, aktar u aktar għandhom ikunu ktieb miftuħ. Ħalli meta jisimgħuhom, in-nies ikunu jafu eżatt kif jiġġudikaw u kif janalizzaw dak li qed jgħidu. Ifhem, biex saħansitra tkellimt open fuq il-ħajja sesswali tiegħi, naħseb verament ma baqagħlix sigrieti!

L-attivist – Michela Dalli

L-attivist – Michela Dalli

M’hijiex faċli tkun attivist…

Nemmen li s-soċjetà tilfet xi ftit id-definizzjoni ċara ta’ xi tfisser li tkun attivist, dan għaliex ħafna drabi naħsbu li bl-użu tal-midja soċjali biss nistgħu nagħmlu d-differenza biex inwettqu l-bidla li nkunu mxennqin għaliha. Attivisti bħal Malala Yousafzai, John Lewis, Greta Thunberg, Mahatma Gandhi u ħafna oħrajn urew lid-dinja li l-kuraġġ tagħhom, li tibqa’ sod f’dak li temmen fih u li tieħu azzjoni jista’ verament iwassal għal bidliet soċjali kemm fejn jidħol ambjent, drittijiet ċivili u ugwali, drittijiet umani, drittijiet għal annimali u fejn tidħol kull forma u tip ta’ inġustizzja.

Bħala soċjetà rridu l-ewwel u qabel kollox nedukaw lilna nfusna biex ilkoll inbiddlu l-mentalità rigward l-attiviżmu u l-attivisti. Jekk verament irridu l-bidla rridu mmorru lil hinn mill-midja soċjali biss, irridu naħsbu f’ideat oħra, ninvolvu ruħna f’attivitajiet biex insemmgħu leħinna u ma nħallux f’idejn ħaddieħor biex jitkellem għalina. Fl-aħħar mill-aħħar irridu ningħaqdu, nitgħallmu u niċċelebraw bidliet ġusti li lkoll ikun ħaqqna li naraw.

Enable Notifications OK No thanks