“F’missieri nsib ħabib li miegħu nista’ naqsam l-esperjenzi u l-ħsibijiet tiegħi” – Ryan Mark De Battista

“F’missieri nsib ħabib li miegħu nista’ naqsam l-esperjenzi u l-ħsibijiet tiegħi” – Ryan Mark De Battista

Ivan u Ryan Mark De Battista huma magħrufa sew magħkom is-segwaċi, partikolarment bħala atturi, iżda llum, fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier, se niskopru ftit dwarhom minn aspett differenti.

Mill-bidu tal-intervista, wieħed jista’ jinnota r-relazzjoni sabiħa li għandhom dawn it-tnejn, li apparentament, il-karattru tagħhom huwa simili ħafna ta’ xulxin, u t-tnejn imqarbin!

Se niskopru wkoll dwar ir-relazzjoni li Ivan għandu ma’ missieru.

Ivan, x’tiftakar mill-mument li sirt taf li se tkun missier għall-ewwel darba u l-mument li rajt lil Ryan?

Inspjegabbli. Ryan kien l-ewwel tifel tagħna allura l-esperjenza tkun ġdida kompletament. Ma tistax tispjega fi kliem għax tant l-emozzjonijiet huma sbieħ u kbar illi diffiċli ssarafhom fi kliem. Biss, malli sirna nafu li Simone tqila, donnu jibda bħal eċċitament u tara l-ġimgħat u x-xhur jirrumblaw sakemm ikollok dak il-wild f’idejk. Biss, jekk il-mument li sirna nafu li Simone tqila kien wieħed sabiħ ferm, daqstant ieħor meta żammejt lil Ryan f’idi l-ewwel darba. Indimentikabbli! Issir tħobbu mill-ewwel!

Int missier ta’ tnejn. Kif tħoss li biddlek ir-rwol ta’ missier?

Sitt snin wara li kellna lil Ryan, ġie Dylan. Għalkemm it-tieni tifel, allura konna diġà għaddejna mill-esperjenza ta’ ħuh, xorta hija ġrajja kbira oħra li tibqa’ mmarkata fina. Kull wild għandu l-vjaġġ tiegħu, il-bagalja u l-esperjenza li jġib miegħu li jibqgħu timbri f’moħħna u qalbna. Ma rridx ninstema’ romantiku, imma veru hekk hu. Minn ġuvni moħħ ir-riħ, l-ulied jittrasformawk f’missier u bħal donnu jimmaturawk b’mod naturali. Għallinqas hekk ġara lilna.

Liem mill-memorji, ta’ meta Ryan kien ħafna iżgħar, tgħożż l-iktar? U għaliex?

Ryan kien kwiet ħafna! X’inhu?? Ivan qed tigdeb… iva gdibt!! Kien imqarqaċ sew eh. Illum il-ġurnata, meta niltaqgħu ma’ nies li kienu jafuh ċkejken ma jagħrfuhx… għalkemm għadu ftit imqareb (bħal missieru!) imma xorta nbidel sew illum. Memorji hemm bosta, għax kien jagħmel diversi praspar imma Ryan kien/huwa tifel li għalkemm imqarqaċ, jisirqek b’dak li jagħmel. Meta konna narawh quddiem il-kamera u anke fuq palk u jidħol fi żraben ta’ karattri minn età tenera, konna niggustawh għax ħassejna li ‘l-attur’ kien qed jissawwar fih bil-mod il-mod.

Ryan, liem mill-memorji tat-tfulija li għandek mal-papà żgur li ma tinsa qatt? U għaliex?

Fl-opinjoni tiegħi l-aktar memorji tat-tfulija li għandi u nibqa’ ngħożż ma’ missieri huma meta kont nintefa’ għall-ħinijiet twal ħdejh nilagħbu ħafna logħob fuq il-kompjuter. L-aktar imma dak il-logħob antik li kien jilgħabhom hu meta kien żgħir. Huma memorji li ma ninsa qatt għax hemmhekk huwa l-mument fejn sibt ħabib apparti missier, fejn stajt naqsam ħafna mumenti sbieħ fosthom żminijiet bħal dawn.

Kif tiddeskrivu r-relazzjoni ta’ bejnietkom illum?

Ivan: Ryan jiftaħ qalbu ħafna miegħi u jien nagħmel ċert li nkun involut f’dak kollu li qed jagħmel u anke npprova nifhem is-sitwzzjonijiet varji. Hemm diversi affarijiet li ma naqblux fuqhom (il-futbol pereżempju) biss inżommu relazzjoni ta’ ħbieb madanakollu, xorta jibqa’ l-missier fija, dak li jipprova kemm jista’ jkun jixpruna l-vapur!

Ryan: Għalkemm ikollna ħafna battibekki bejnietna, nammirah ħafna. Relazzjoni li ghallmitni naħdem ‘il quddiem biex nistinka u nasal għall-ħolm tiegħi. Fih sibt persuna li nista’ naqsam l-esperjenzi u l-ħsibijiet tiegħi u nieħu l-opinjoni tiegħu fil-qasam tad-drama u l-edukazzjoni.

Ryan, kif tiddeskrivi lill-papà bħala missier? Huwa strett?

Huwa missier li nista’ niddeskrivih bħala persuna determinata f’kull ħaġa li jpoġġi f’rasu li jagħmel. Kreattiv u jaħdem qatigħ. Persuna li jixtieq jara l-aqwa fik, anke jekk jibqa’ jagħfsek għal ċerti livelli li tarahom impossibli biex tilħaq, imma l-aqwa li jarak miexi ‘l quddiem u miexi fid-direzzjoni t-tajba. Nammetti li huwa strett, imma minn hemm tgħallimt li jekk se tagħmel xi ħaġa, kemm fil-qasam tad-drama, kemm fil-qasam tal-edukazzjoni, u ħafna affarijiet oħra, tibda tinduna, waqt li tkun qed tikber, li d-dixxiplina minn età żgħira hija importanti.

Meta kont iżgħar, kien hemm darba fejn għamilt xi praspura u ddejjaqt tgħidlu, imbagħad sar jaf biha wara?

Meta kont żgħir, l-ammont ta’ praspar li kont nagħmel huma bla limitu. Imma, waħda li niftakar kienet meta keċċewni mill-klassi għax kelli xi ngħid sew mal-għalliema u kont se naqla after school. Kont bżajt ngħidilhom! Niftakar ukoll meta xi drabi kienu joħduni filming magħhom missieri u ommi, u kont inġennen sett mingħajr ma kienu jkunu jafu, imbagħad wara jiġu jugżawni l-atturi!

Kif ikun il-ħin ta’ kwalità ideali għalikom?

Ryan: Il-ħin ta’ kwalità ideali għalina, huwa meta noqogħdu flimkien bħala familja, nieklu xi ħaġa tajba minn barra (Il-favorit dejjem jibqa’ xi ikel Ċiniż), u nintefgħu naraw film sabiħ bejnietna kollha. Iva, nispiċċaw aktar nitkellmu bejnietna milli naraw il-film, imma nsomma.

Ivan: Naqbel ma’ Ryan eh. Li semma huma mumenti tajbin fejn inkunu ‘suppost’ qed naraw xi film tajjeb imma iktar nispiċċaw niddiskutu t-temi milli nibqgħu moħħna fih. Xi ikla tajba ma tonqosx u meta l-bżonn, naqra diskursata ras imb’ras!

Ryan, fiex l-iktar li jispirak il-papà?

Missieri ispirani f’ħafna affarijiet, għax huwa l-persuna flimkien m’ommi, li ispirani biex inkun attur. Missieri jispirani meta jkun hemm ċerti livelli li għalija jkunu jidhru diffiċli biex nilħaqhom imma xorta jibqa’ jagħmilli kuraġġ biex nibqa’ nħares ‘il quddiem. Jispirani bl-enerġija li għandu biex ilaħħaq ma’ kollox u dak kollu li jkollu f’moħħu jibqa’ sakemm jagħmlu.

Hemm xi ħaġa li tħoss li tixbaħ lill-papà fiha?

Jien nixbħu ħafna lil missieri speċjalment fil-karattru u l-għanijiet tagħna. Nixbħu ħafna ukoll fil-mod kemm aħna kompetittivi f’dak kollu li rridu naslu għalih.

Ivan, x’ħadt mill-papà tiegħek li tipprova tgħaddi lil uliedek?

Għalkemm il-papa kien bil-ħanut u kellu sigħat twal, biss xorta kien isib mumenti varji fejn ikun hemm totalment għalina. Dejjem ħadem u stinka biex lili u lil ħuti jarana azzettati fir-rwoli tagħna u bil-familji rispettivi. Mindu rtira, huwa iktar preżenti fil-ħajja tagħna. Missier li jħobbna mingħajr kundizzjonijiet ta’ xejn u dejjem jara kif jagħmel biex jarana kuntenti. Appena tgħid uff jew ajma xi mkien, tarah hemm lest biex jgħinek u jissaportjak b’kull mezz. Raġel b’qalb tad-deheb. Il-ġenerożità u l-imħabba lejna hija kbira ħafna. Dawn il-virtujiet kollha huma tali li nipprova, kemm nista’, ngħaddi lit-tfal tiegħi.

Liema memorji tat-tfulija li għandek mal-papà tibqa’ tgħożż l-iktar?

Jien għandi memorji sbieħ tal-papa, l-aktar meta konna mmorru Għawdex fi żmien il-Ġimgħa l-Kbira jew għall-ħabta ta’ Santa Marija u fis-safar f’pajjiżi differenti fl-Ewropa. Anke d-dar, il-bawxati ma kinux jonqsu (u għamilt bil-bosta, għaliex jekk għidt li Ryan kien imqareb, jien ma kontx b’inqas). Niftakar partikolarment is-Sibtijiet, fejn kien jagħlaq kmieni l-ħanut u allura konna ngawduh iktar.

Fuq xiex targumentaw l-iktar?

Ivan: L-istudju, kultant id-drama, opinjonijiet differenti dwar aspetti differenti tal-ħajja, u bosta ħwejjeġ oħra!!

Ryan: Ħadli kollox li kont se ngħid… iva naqbel miegħu… anke l-futbol ukoll eh!

Hemm xi praspura li għamiltu flimkien jew li kontu involuti fiha li tistgħu tirrakkontawlna?

Darba kont qed nidderieġi wieħed mis-serje li għamilt għat-TV u Ryan kien attur fih. Kelli bżonn nagħmel xena fejn dan it-tifel ċkejken qed jiġri qalb il-ħaxix, kuntent u liberu. Il-produzzjoni għażlet post u meta morna f’din l-għalqa, il-ħaxix kien għoli sa’ għonqu u kien perfett għal dak li ridna. It-tifel beda jiġri u jqalleb f’dal-ħaxix u aħna niffilmjaw xeni mill-isbaħ! Kelna xeni indimentikabbli. Sakemm f’daqqa waħda, jitfaċċa raġel b’vann u ħareġ b’ħalq kollu ragħwa għax dat-tifel kien qed jgħaffeġ qalb l-isbul tal-qamħ, li kellu jinqata’ xi ġimgħa wara!

Ivan, Ryan segwa l-passi tiegħek u ta’ Simone, għaliex nibtet fih il-passjoni tar-reċtar u llum huwa wkoll attur. Xi jfisser għalik dan il-fatt? Xi tħoss meta tarah jaħdem u jikseb is-suċċessi tiegħu f’dan il-qasam?

Kif diġà għedt, aħna nieħdu gost ħafna li Ryan ħareġ bħalna jħobb kemm il-palk kif ukoll il-kamera, imma mhux biss. Illum anke r-radju wkoll. Ovvjament tieħu gost tarah f’dawn l-oqsma għax tħoss li qed jimxi fuq il-passi li tkun għamilt inti qabel u tarah jiffjorixxi u jimmeljora ruħu. Aħna l-akbar kritiċi tiegħu u nagħmlu dan b’imħabba kbira, biex hu dejjem isir aħjar.

Tħossu li huwa importanti li r-relazzjoni tal-ġenituri u l-ulied tkun ukoll ta’ ħbiberija?

Iva importanti għaliex li tkun żorr u tipprova televa ruħek fuq xi pedestall, allura jkun isarraf biss li ma tkunx viċin tat-tfal. Wieħed irid ikun dejjem qrib tat-tfal b’widnejh mal-art biex jisma’, jixtarr, jifhem u jgħinhom jidderieġu ruħhom b’mod tajjeb.

Ivan, x’messaġġ tgħaddi lil Ryan?

Jaf li dejjem qegħdin hemm għalih; hu jaf li nipprovaw nissaportjawh kemm nistgħu f’dak kollu li jagħmel. Jistinka fl-istudji tiegħu u javvanza fil-ħajja ta’ artist.

U lill-papà tiegħek għal Jum il-Missier?

Grazzi ta’ dak kollu li jagħmel miegħi, mat-tfal u l-familja kollha. Grazzi tal-memorji sbieħ li għandna, u nittama li jkollna iżjed. Nixtieqlu għomor twil ħalli ngawduh iżjed. Naf li meta jkolli bżonnu, se nsibu hemmhekk u anke hu wkoll! Imħabba kbira lejh!

Nixtieq li nieħu l-opportunità wkoll li nsellem il-memorja ta’ missier Simone, Jimmy. Raġel sempliċi u ġeneruż li kulħadd kien iħobbu. Jistrieħ fil-paċi!

X’messaġġ tgħaddi lil dawk il-missirijiet li għal xi raġuni jew oħra qegħdin isofru, ħafna drabi anki fis-silenzju?

Li jitkellmu. Jien nemmen ħafna fil-kommunikazzjoni u d-djalogu. Mhux ngħid li dejjem jirnexxi, altru li le, imma l-ewwel pass huwa bżonnjuż; huwa l-itqal. L-umiltà hija importanti wkoll. Biss le, ħadd m’għandu jbati fis-silenzju. Kulħadd għandu jsemma’ leħnu u nemmen, li bil-kelma t-tajba u fejn hemm ir-rieda, jinstabu s-soluzzjonijiet.

Ryan, x’messaġġ tgħaddi lill-papà għal Jum il-Missier?

Nixtieq nirringrazzjak tas-sagrifiċċji li għamilt għalija u għal ħija. Ibqa’ kif inti għax l-ispirazzjoni tiegħek hija d-determinazzjoni mhux tiegħi biss imma ta’ ħafna nies li jammirawk. Inti tajtni valuri li se nibqa’ ngħozz għal ħajti u għalkemm illum inħosshom ftit diffiċli naf li għal ġid tiegħi dak kollu li tgħidli.

“Li tara l-proċess tat-twelid hija esperjenza unika. Tħoss id-dinja ddur biss madwarek, it-tarbija u l-omm” – Carlos Farrugia

“Li tara l-proċess tat-twelid hija esperjenza unika. Tħoss id-dinja ddur biss madwarek, it-tarbija u l-omm” – Carlos Farrugia

Illum, l-attur Carlos Farrugia qed jiċċelebra Jum il-Missier għall-ewwel darba minn mindu twieldet iċ-ċkejkna Bettina.

Għaldaqstant, f’din l-intervista se nkunu qed niskopru ftit dwar ir-rwol il-ġdid ta’ Carlos, li huwa kompletament differenti mir-rwoli li nafuh bihom.

Carlos jaqsam magħna ftit mill-esperjenza tiegħu bħala missier s’issa u din l-imħabba ġdida u tant profonda li qed jesperjenza, kif ukoll dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ missieru.

Carlos, fost diversi rwoli li għandek f’ħajtek, illum int ukoll missier. X’tiftakar mill-mument ta’ meta sirt taf li se jkollkom tarbija u l-mument li twieldet iċ-ċkejkna Bettina?

Li jkollna tarbija kienet xi ħaġa li konna nitkellmu fuqha u xtaqna, imma nemmen li biex iġġib tarbija fid-dinja jrid ikun hemm ċertezza u responsabbiltà. Ladarba kien wasal il-waqt u ddeċidejna li jkollna tarbija, wara biss ftit ġranet, niftakar kont rieqed u ġiet Carolyne fuqi u qaltli li se jkollna tarbija wara li kienet għamlet test tat-tqala. Ovvjament ħadt gost immensament.

It-tqala kienet esperjenza sabiħa wkoll, u mbagħad ovvjament it-twelid. Jien rajt il-proċess kollu tat-twelid. Dak il-ħin tħoss id-dinja qisha tieqaf u ddur biss madwarek u madwar it-tarbija u l-omm. Il-mument li rajtha għall-ewwel darba, ma nistax niddeskrivih. Mument uniku. Li tkun taf li ġibt din il-kreatura fid-dinja, għandek ir-responsabbiltà tagħha, ikollok ħafna sentimenti differenti imma sbieħ ħafna.

Tħoss li biddlitek Bettina? X’differenza tħoss fik, mill-persuna li kont qabel twieldet għal dak li int illum?

Iva, tinbidel bilfors. Jiena l-ħajja tiegħi qabel twieldet Bettina, anzi, qabel it-tqala, għax minn hemmhekk tibda tinbidel, kienet impenjata ħafna aktar. Għalkemm għadni impenjat imma qabel anki wara l-impenji li kien ikolli, kien ikun hemm ħafna iktar ħruġ. Ladarba jkollok tarbija, ir-responsabbiltà tagħha tiddependi fuqek u fuq l-omm allura bilfors issir iktar responsabbli. Pereżempju anki waqt is-sewqan, jekk qabel kont tagħti kas 80%, issa bit-tarbija miegħek tagħti kas 100%. Jekk tmur tieħu drink jew tiekol ġo restorant trid tara li ssib post sikur għat-tifla. Hemm ħafna affarijiet li jinbidlu, anki l-istil tal-ħajja tiegħek jinbidel. Ħajtek tinbidel, Bettina għandha 9 xhur, f’dawn id-9 xhur ħajtek tinbidel u ddur mal-bżonnijiet tagħha.

X’tip ta’ missier tixtieq tkun għal Bettina?

Jien li nixtieq li jiġri huwa li lit-tifla nesponiha għal diversi esperjenzi fil-ħajja mingħajr ma nimponi xejn fuqha. Fid-deċiżjonijiet li se tieħu f’ħajjitha, jien se nkun dejjem hemm, warajha, biex ngħinha imma ma nixtieq nimponi xejn.

Ħafna nies, anki biex jiċċajtaw, jgħiduli “din xi darba narawha fuq il-palk jew quddiem kamera”, ngħidilhom “minjaf”. L-għażla trid tkun tagħha, jiġifieri nixtieq nesponiha għal diversi esperjenzi fil-ħajja però mbagħad fl-aħħar mill-aħħar tiddeċiedi hi. Jien l-iktar ħaġa li nixtieq għal Bettina hi li tkun libera li tagħżel u tiddeċiedi l-ħajja tagħha, bl-għajnuna tagħna, il-ġenituri tagħha però bl-ebda imponiment jew tkun imġiegħla tagħmel affarijiet li ma tkunx tixtieq.

X’sibt l-iktar ta’ sfida s’issa?

L-iktar ta’ sfida s’issa huwa meta Bettina tibki għax tkun muġugħa u int ma tafx x’għandha. Dik l-ikbar sfida u l-iktar ħaġa tad-dwejjaq fit-trobbija s’issa għax imbagħad bil-ftit esperjenza li tagħmel magħha, bikja għax tkun bil-ġuħ tagħrafha, bikja għax għandha n-ngħas tagħrafha, bikja għax trid l-attenzjoni tagħrafha imma mbagħad hemm il-bikja għax tkun ma tiflaħx. Meta jibdew jikbru t-tfal jibdew ikollhom influwenza, deni, u meta t-tarbija qed tibki għax taf li muġugħa u ma tafx x’għandha għax ma tistax tkellmek. Tibda tobsor x’jista’ jkollha imma ma tkunx taf. Dik hi l-ikbar sfida, l-ikbar weġgħa, li tara tarbija qed tibki u ma tafx x’inhu l-uġigħ tagħha.

Kif tiddeskrivi r-relazzjoni mal-papà tiegħek?

Ir-relazzjoni ma’ missieri hija tajba. Jien twelidt fis-sebgħinijiet u trabbejt fit-tmeninijiet jiġifieri kienu żminijiet differenti. Trabbejna f’familja sterjotipika fejn ir-raġel joħroġ jaħdem u l-mara tagħmel ix-xogħol tad-dar. Kellna ħafna, ħafna dixxiplina min-naħa ta’ missieri, anki fuq fejn immorru u ħinijiet, però kienet importanti.

Illum il-ġurnata missieri għandu 78 sena, riċentament kien ukoll daqsxejn marid, però r-relazzjoni tiegħi ma’ missieri hija tajba. Hemm diversità ta’ ċerti opinjonijiet imma hemm imħabba pura ta’ missier u t-tfal, jien u ħija.

Liema memorji tat-tfulija li għandek mal-papà tiegħek huma l-iktar għal qalbek?

Missieri d-delizzji tiegħu kienu r-regatta, kien jaqdef u kien għamel perjodu mill-1984 sal-1988 jirbaħ ix-shields tar-regatta kif ukoll konna mmorru avvenimenti tal-Homer, tal-ħamiem. Konna nieħdu pjaċir ħafna jien u ħija nilagħbu l-billiard eċċ, dejjem iġorrna miegħu. U anki meta kien ikollu l-qdif, konna ninżlu x-xatt, jew immorru Bormla, il-Birgu, il-Marsa, u kien jeħodna miegħu. Konna narawhom jaqdfu u daqqa nilagħbu b’xi ħaġa, daqqa table soccer u konna nagħmlu ħafna ħbieb ġodda b’hekk. Dawk huma ftit mill-ħafna memorji sbieħ.

X’ħadt mingħand il-papà tiegħek li tixtieq tgħaddi lil Bettina?

Il-valuri, li tkun raġel tajjeb u d-dixxiplina kif diġà semmejt. Naħseb id-dixxiplina hija importanti ħafna fit-trobbija tat-tfal. Li t-tifla tkun dixxiplinata, mhux li trabbiha b’id tal-ħadid ovvjament, mhux li tgħid int u daqshekk, anzi bil-kontra kif diġà semmejt imma li jkun hemm id-dixxiplina. Pereżempju jekk lit-tifla tajtha ġelat, u tkun trid ieħor, tiddixxplinaha, ġelat wieħed u biżżejjed. Fejn jidħol l-ikel, nixtieq, kif konna d-dar, aħna d-dar hekk trabbejna, jekk ommi sajret borma, dik hemm u kulħadd jiekol minnha. Illum jien nosserva ħafna tfal, għax dik ma nħobbhiex, għax dik hekk u dik hekk.

Il-valuri, aħna trabbejna b’valuri nsara imma m’iniex ngħid bilfors valuri nsara, valuri li jagħmluk persuna tajba, persuna dixxiplinata. Dawk l-iktar, valuri u dixxiplina.

Ħafna jsostnu din l-ideoloġija li tiddistingwi l-imħabba tal-omm minn dik tal-missier forsi b’mod mhux daqstant ġust. Illum li int missier, x’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan? U issa li qed tgħixha fir-rwol ta’ missier, kif tiddeskrivi l-imħabba ta’ missier?

Interessanti din. Kif għedtlek, jien trabbejt fit-tmeninijiet fejn il-familja sterjotipika kienet ir-raġel imur għax-xogħol u l-mara toqgħod id-dar tagħmel il-faċendi tad-dar. Ftit kien hemm għażla, jien ftit niftakar nisa jaħdmu, anki mill-ħafna zijiet li għandi, ftit kienu jaħdmu dak iż-żmien allura t-tfal kienu jkunu dejjem ikkakkmati mal-omm però llum l-affarijiet inbidlu.

Illum l-omm għandha l-karriera tagħha, ġeneralment qed ngħid, għax jien naf ukoll ommijiet li għadhom żgħar u jiddeċiedu li jibqgħu d-dar mat-tfal. Dik hi għażla tagħhom u hija għażla sabiħa, però llum ġeneralment għalkemm wara t-tqala, l-omm ikollha l-leave tal-maternità, tagħmel dawk l-4 xhur, wara, il-mara trid terġa’ taħdem speċjalment jekk ikollha karriera. Allura l-ħinijiet li t-tarbija, ħa nitkellem fuq tiegħi, tagħmel mal-missier, ikunu iktar. Iktar milli jien qattajt ħin ma’ missieri għax dak iż-żmien missieri kien jiġi mix-xogħol, jien mill-iskola, forsi nqattgħu dak il-ftit ħin flimkien u mbagħad, kif semmejna, imur ikompli d-delizzji tiegħu, meta ma konniex immorru miegħu għax fi żmien l-iskola ma konniex immorru, imbagħad jiġi d-dar u norqdu.

Illum Bettina tattendi childcare, immur għaliha jien ġieli u ġieli tmur għaliha Carolyne, inqatta’ ħin magħha d-dar, jiġifieri r-rwoli li qabel kienu sterjotipiċi fejn kienu l-omm mat-tfal id-dar u r-raġel barra jaħdem naħseb li nbidlu.

L-imħabba ta’ missier, mill-ftit esperjenza li għandi s’issa hija li int għal din it-tifla tkun lest li tagħmel kollox. Għadha żgħira, għad għandha 9 xhur però l-ħinijiet li nqatta’ magħha, fuq is-sufan naraw baby TV, naqralha xi ħaġa, inkellimha diġà, u hi tifhem u tirrispondini lura, ovvjament mhux verbalment għax għadha żgħira imma bil-mod tagħha.

Jien naħseb li llum il-ġurnata r-rwol tal-missier qiegħed iktar preżenti milli kien qabel anki fejn jidħlu faċendi tat-tfal, taħsel it-tarbija, tbiddlilha l-ħarqa, ittiha l-bottles, ittiha tiekol. Kollox nagħmel minn dawn l-affarijiet jien u nagħmilhom minn qiegħ qalbi u nieħu gost nagħmilhom.

Kieku tista’ tbiddel xi ħaġa mid-dinja tal-lum biex tipproteġi lil Bettina minnha, xi tkun? U għaliex?

L-affarijiet inbidlu ħafna. Waħda minnhom hija t-traffiku. Jien niftakarni meta kont tifel jien, privat, skola, kont immur nilgħab il-futbol Ta’ Qali, dejjem waħdi, naqbad tal-linja u mmur, kellna ħafna indipendenza.

Illum anki toħroġ barra trid toqgħod attent minħabba t-traffiku. Jien anki meta nkun mat-tfal ta’ ħija, dejjem moħħni hemm, ngħidilhom biex joqogħdu attenti kif jaqsmu. Xi ħaġa li ma naħsibx li se tinbidel anzi naħseb li t-traffiku se jiżdied imma dak wieħed mill-affarijiet li kieku nbiddel, it-traffiku u li jkun hawn toroq iktar sikuri.

Jien ġieli noħroġ bil-pushchair u ma nkunx nista’ nimxi, daqqa għax it-triq maqlugħa, il-bankini ma tistax timxi fuqhom għax imħarbtin. Kemm ilni missier irrealizzajt li t-toroq Maltin ma tantx huma pushchair friendly u trid toqgħod ħafna u ħafna attent mingħajr ma tkun taf jistgħu jolqtuk.

X’tixtieq għal Bettina?

Għal Bettina nixtieq li, kif semmejt qabel, tkun esposta għal ħafna esperjenzi u affarijiet interessanti f’ħajjitha u li tkun hi. Nipprova li noħroġilha l-karattru tagħha li tkun hi mingħajr l-ebda imponiment ta’ xejn u mingħajr l-ebda ndħil ta’ ħadd. Nixtieq li r-relazzjoni tagħha, kemm miegħi u kemm ma’ Carolyne tkun miftuħa, xi ħaġa li forsi fit-trobbija tagħna, meta konna żgħar, kienet diffiċli għax ovvjament iż-żmien kien differenti u l-familja kienet differenti.

Nixtieqha li tkun hi mingħajr l-influwenza ta’ ħadd, ma tkunx influwenzata la mid-deċiżjonijiet tiegħi, la ta’ ommha, la ta’ sħabha. Li tkun Bettina li tixtieq tkun. Ovvjament, nixtieqha tkun tifla tajba, mara tajba u li dejjem tagħmel il-ġid, li tħobb u li tkun preżenti għal dawk li forsi jkollhom bżonn l-għajnuna. Jien dawk il-valuri ngħożżhom ħafna.

Minn dak li esperjenzajt s’issa, kieku kellek tagħti pariri lil dawk l-irġiel li qed jistennew tarbija, xi jkunu?

Il-parir tiegħi hu li jesperjenzaw kemm iż-żmien tat-tqala kif ukoll, speċjalment il-proċess tat-twelid, jesperjenzaw kollox għax huwa mument uniku. Qabel, meta lanqas kelli idea li se jkolli tarbija, jien kont wieħed minn dawk li kont ngħid li ma jidħolx jew ma narax, jew noqgħod attent, jew noqgħod in-naħa ta’ fuq biex ma narax xi jkun qed jiġri għax jien bniedem li nibża’ mill-isptar u minn dawn l-affarijiet però meta kont hemm ġew esperjenzajt kollox. Kont ta’ sapport għal Carolyne ukoll u hija esperjenza unika jiġifieri lil dawk li qed jistennew tarbija ngħidilhom igawdu t-tqala mal-mara u jgawdu dak il-mument uniku ta’ meta titwieled it-tarbija.

X’messaġġ tgħaddi lill-papà tiegħek?

L-ewwel nett nawguralu l-Jum il-Missier it-tajjeb lilu u lill-missirijiet kollha speċjalment issa li sirt naf x’jiġifieri tkun missier. Nixtieqlu s-saħħa, għaliex dan l-aħħar għaddejna minn żmien diffiċli ħafna minħabba saħħtu, u ngħidlu grazzi talli dejjem għallimna l-valuri. Valuri ta’ kif tkun raġel tajjeb, persuna tajba u dixxiplinata, u bis-saħħa tiegħu kemm jien u kemm ħija sirna l-irġiel li aħna llum. Nawguralu dak kollu li jixtieq f’ħajtu, jaf li aħna qegħdin hemm għalih u J’Alla jkollu Jum il-Missier sabiħ ħafna.

X’messaġġ tgħaddi lil dawk il-missirijiet li għal xi raġuni jew oħra qegħdin isofru, ħafna drabi fis-silenzju?

Dawk il-missirijiet li qed ibatu fis-silenzju, jien nawguralhom xorta l-isbaħ xewqat għal Jum il-Missier, jagħmlu kuraġġ u importanti ħafna li jitkellmu dwar dak li qed isofru fis-silenzju għalih. Ma jibqgħux magħluqin f’din il-morsa li qegħdin fiha għax għalhekk ovvjament qegħdin isofru.

Jitkellmu, jiftħu qalbhom, ifittxu pariri mingħand nies li jafu li jħobbuhom u jixtiqulhom il-ġid, dik importanti, u anki jekk ikun hemm bżonn pariri professjonali. Kultant, tbati fis-silenzju sakemm tiftaħ ħalqek u titkellem. Titkellem fuq il-problema, ikollok min jiggwidak u bil-mod il-mod tara kif l-affarijiet dejjem imorru għall-aħjar. Nixtiqilhom kuraġġ.

Jien għaddejt minnha din, sofrejt fis-silenzju però mbagħad meta tkellimt u sibt l-għajnuna kemm mingħand ħbieb u kemm mingħand nies professjonali, tiskanta lanqas tkun taf kif, il-problema teħfief ħafna u f’ħafna sitwazzjonijiet, il-problema titranġa. Importanti li jitkellmu u jagħmlu kuraġġ.

“Nixtieq li ngħix għal Georgie bħalma ommi għexet għalina” – Maria Galea Farrugia

“Nixtieq li ngħix għal Georgie bħalma ommi għexet għalina” – Maria Galea Farrugia

Matul il-vjaġġ ta’ ħajjitna niltaqgħu ma’ diversi persuni bir-rwoli differenti. Mhux kulħadd jgħix ir-rwoli tiegħu bl-aħjar mod iżda dawk li jagħżlu li jagħmlu ħilithom biex jagħmlu dan, hu x’inhu r-rwol, huma teżori u barka għal ta’ madwarhom.

Jista’ wkoll ikollok ix-xorti li mhux biss tiltaqa’ magħhom iżda ssir tafhom u jsiru parti importanti minn ħajtek. Dan hu dak li ġara lili ma’ Maria Galea Farrugia, li ħafna minnkom tafuha bħala attriċi.

Fost il-ħafna rwoli li taqdi b’mod mill-aktar eżemplari, riċentament, Maria saret omm, u proprju f’dan il-jum, tkellimna dwar dan il-vjaġġ ġdid f’ħajjitha u x’differenza għamlet iċ-ċkejkna Georgie f’ħajjitha, u dwar kif l-imħabba ta’ ommha qed tirrifletti fir-rwol tagħha bħala omm.

Maria, kważi 4 xhur ilu, sirt omm taċ-ċkejkna Georgie. X’tiftakar mill-mument li sirt taf li se tkun omm?

Kien proprju fix-xahar ta’ Mejju 2022 meta sirt naf li se nsir omm għall-ewwel darba. L-emozzjonijiet kienu diversi, ferħ, biki, niġri mad-dar kollha…eċitament kbir. Bdejt ngħid bejni u bejn ruħi, “imma żgur? Imma din veru jew qed noħlom?” Wieħed mill-isbaħ mumenti ta’ ħajjitna, ġurnata li jiena u Ryan nitkellmu ħafna dwarha, ġurnata għal qalbna ħafna.

Kif tiddeskrivi l-mument li finalment twieldet Georgie?

Il-mument li twieldet Georgie kien indiskrivibbli. Ma stajtx nemmen kif dik it-tifla ċkejkna kienet ġewwa fija sa ftit tal-mumenti qabel. L-emozzjonijiet li ħassejt dakinhar ma stajtx nispjegahom imma l-iżjed kienet l-imħabba li ħassejt lejn din iċ-ċkejkna. Inħares lejha u nara kollox maħluq perfett, dawk is-swaba ċkejknin, dak l-imnieħer żgħir żgħir, bdejt ngħid din it-tifla tiegħi? Kemm hu kbir il-Bambin.

Tħoss li biddlitek Georgie? X’differenza għamlet fik?

Georgie tatni skop ġdid f’ħajti. Hi kollox għalija, ħajti ndawwarha mal-bżonnijiet tagħha. Ġimgħa wara ġimgħa naraha tagħmel affarijiet ġodda, tikber u tinbidel. Imlietli qalbi b’ħafna ferħ u emozzjoni li qatt ma kont esperjenzajt qabel.

Kif qed tadattaw għar-rutina ġdida?

Inħoss li adattajna tajjeb ħafna għar-rutina differenti immens minn kif kellna qabel. In-nuqqas ta’ rqad fil-bidu ma kienx faċli u kellna mumenti tad-daħk, meta saħansitra darba qam Ryan billejl jistaqsini fi x’ħin ġej il-warden minflok x’ħin kien sar! Imma nista’ ngħid li iżjed kemm jgħaddu ġranet iżjed adattajna, bl-għajnuna tal-familjari li kienu hemmhekk għalina mill-bidu nett. Il-fatt li nitqassmu u naqsmu x-xogħol bejnietna tgħinna biex it-tnejn li aħna nsibu ċans nistriehu u naraw li ta’ kull filgħaxija għandna ħin flimkien it-tlieta li aħna nitkellmu u nevalwaw il-ġurnata tagħna.

Tħoss li l-fatt li int u Ryan tmexxu childcare u allura xogħolkom jirrikjedi li tieħdu ħsieb tfal ta’ età żgħira ħafna, qed jgħinkom f’dan il-vjaġġ ġdid tagħkom bħala ġenituri?

Il-fatt li naħdmu mat-tfal u li għandna għarfien dwar ċerti affarijiet għenitna żgur u għamlitha iżjed faċli però xorta hemm ħafna fatturi ġodda li ġejna esposti għalihom għall-ewwel darba.

X’tip ta’ omm tixtieq li tkun għal Georgie?

Għal Georgie jiena nixtieq li nkun omm eżemplari bħal ma dejjem kienet ommi għalija. Li tieħu gost fil-kumpanija tiegħi, li tfittex li nagħmlu ħafna memorji flimkien, li nkun l-ewwel persuna li tfittex meta hi jkollha bżonn xi ħaġa, li tkun taf li jien dejjem ħa nkun hemm warajha biex nissapportjaha f’kull ħaġa li ħa tkun qiegħda tagħmel fil-ġrajja ta’ ħajjitha.

Minn dak li esperjenzajt s’issa, kieku kellek tagħti tliet pariri lill-omm li qed tistenna tarbija, xi jkunu?

Żgur, bla dubju li din hija l-isbaħ esperjenza fil-ħajja ta’ mara. Lil min qed jistenna tarbija jiena ngħidlu tliet affarijiet mill-isbaħ li verament nemmen fihom; li jgawdi kull ġurnata u japprezza li ġo fih qed tikber ħajja ġdida, li kull sintomu li qiegħda tħoss huwa għaliex ġo fik qed iseħħ miraklu u l-aħħar waħda, li jgħixu ġurnata b’ġurnata u jżommu memorja u tifkira ta’ dawn ix-xhur mill-isbaħ.

Kieku tista’ tbiddel xi ħaġa mid-dinja tal-lum biex tipproteġi lil Georgie minnha, xi tkun?

Kieku nista’ nbiddel xi ħaġa tkun in-negattività li sar hawn fid-dinja ta’ madwarna. Il-ħajja hija verament qasira u jekk hemm xi ħaġa li nixtieq ngħallem lil Georgie hija li tkun pożittiva għax il-ħajja hija sabiħa u għandna nippruvaw ngħixuha bl-aħjar mod possibbli.

Kif tiddeskrivi r-relazzjoni mal-mamà tiegħek?

Ir-relazzjoni tagħna hija sabiħa ħafna. Kuljum inċemplu lil xulxin b’video calling u ħafna drabi nqattgħu tul ta’ ħin nitkellmu. Niltaqgħu ta’ spiss ukoll u noħorġu ħafna flimkien. Għandna gosti simili ħafna ta’ ħafna affarijiet allura nfittxu ħafna l-kumpanija ta’ xulxin flimkien ma’ oħti l-kbira li għalkemm huma ommi u oħti imma nqishom bħala l-akbar ħbieb li qatt jista’ jkolli u dejjem kienu ta’ sapport kbir ħafna għalija speċjalment fiż-żmien li twieldet Georgie.

Liema huma l-memorji li għandek mal-mamà mit-tfulija tiegħek li l-aktar li tgħożż?

Il-memorji huma diversi u huma mill-isbaħ li ngħożż ħafna. Ftit mill-isbaħ li huma għal qalbi huma l-ħruġ tagħna flimkien ma’ missieri u ħuti. Ħruġ u attivitajiet mal-kuġini u z-zijiet u d-dar nilagħbu u nsajru flimkien. Memorja ta’ kull sena li tibqa’ dejjem għal qalbi hija waqt żmien il-Milied, narmaw id-dar, nisimgħu u nkantaw id-diski ta’ Milied.

X’tixtieq tgħaddi lil Georgie minn dak li l-mamà għaddiet lilek?

Lil Georgie nixtieq ngħaddilha ħafna kwalitajtiet iżda l-iżjed waħda importanti għalija hija l-motto ta’ ħajti. “The happiest people are the givers.” Din hija kwalità li ommi u missieri għaddew lili u li nipprova ngħixha kuljum ma’ dawk ta’ madwari u bla dubju ngħallimha lill-għażiża tiegħi Georgie.

X’messaġġ tgħaddi lill-mamà tiegħek?

Lil ommi nghidilha li waħda mill-ikbar xewqat li għandi għal Georgie hija li ngħix għaliha bħal ma hi għexet għalina. Li nitlob kuljum li l-Bambin jagħtiha iżjed żmien biex ingawdiha kemm jista’ jkun, li hi għalija hija eżempju perfett ta’ x’jiġifieri tkun omm tajba u eżemplari. Grazzi Ma, bħalek ma nsib qatt.

X’messaġġ tgħaddi lil dawk l-ommijiet li għal xi raġuni jew oħra qegħdin isofru, ħafna drabi fis-silenzju?

Lil dawk l-ommijiet li ghadejjin minn xi tip ta’ tbatija ngħidilhom sabiex ifittxu l-għajnuna u ma jsofrux weħedhom fis-silenzju. Li jsibu ħin li jgħidu talba kuljum ma’ dawk ta’ madwarhom u l-għeżież tagħhom.

“Kont nittama li nsib il-kuraġġ u nitlaq. Domt biex wasalt iżda b’xi mod irnexxieli” – Katia Desira

“Kont nittama li nsib il-kuraġġ u nitlaq. Domt biex wasalt iżda b’xi mod irnexxieli” – Katia Desira

Waħda mill-kwistjonijiet soċjali f’pajjiżna li tant hemm bżonn azzjoni dwarhom hija l-vjolenza domestika.

Sfortunatament, il-persuni li jiffaċċjaw vjolenza domestika, kemm nisa kif ukoll irġiel, ħafna drabi fis-silenzju, qegħdin dejjem jiżdiedu, b’uħud saħansitra jispiċċaw jitilfu ħajjithom.

Ċertament, Katia Desira, hija wiċċ familjari magħkom is-segwaċi, partikolarment minħabba l-involviment tagħha fil-qasam tal-ispettaklu.

Lil hinn minn dan, Katia hija omm ta’ ġuvni ta’ 17-il sena, li esperjenzat il-vjolenza domestika, iżda li rnexxielha tikseb ħajjitha lura u llum tinsab ukoll kuntenta f’relazzjoni.

Katia qasmet magħna din l-esperjenza, bit-tama li b’xi mod nagħmlu differenza lil dawk li għaddejjin minn sitwazzjoni simili.

Katia, sfortunatament, int ukoll għaddejt minn esperjenza ta’ vjolenza domestika. X’inhi l-istorja tiegħek? Ħudna lura lejn il-bidu sal-mument li feġġ xaqq ta’ tama għalik.

Meta kont iżgħar ma tantx kelli relazzjonijiet. Ta’ għoxrin sena ltqajt ma’ raġel barrani li bi kliemu kien tani x’nifhem li se nkun il-mara ta’ ħajtu. Kien ġuvni gustuż u l-kliem u ż-żegħil ma kienx jonqos. Talabni niżżewġu u bla ma ħsibtha darbtejn, għedtlu iva. Tlajna pajjiżu u żżewwiġt biċ-ċivil. Meta nżilna lura Malta rreġistrajna ż-żwieġ. Mill-bidu kif iżżewwiġna, kif kien hemm sens ta’ rabta, bdew il-manipulazzjoni u l-abbuż mentali. Minkejja li tkun fis-sitwazzjoni ma tindunax li tkun dħalt f’ċertu sqaq.

Wara 3 xhur miż-żwieġ inqbadt tqila. Bejn ma kinitx xi ħaġa li kont qed nippjana, l-abbuż kontinwu u manipulazzjoni, nuqqas ta’ maturità u bdil fil-hormones, kienu jtuni ħafna attakki ta’ paniku. Twieled it-tifel u s-sitwazzjoni bdiet issir mill-ħażin għall-agħar. Ippruvajt immur counselling u family therapy iżda kien kollu għalxejn. Darba fost l-oħrajn, meta t-tifel kien m’ommi, l-eks raġel tiegħi sar vjolenti għaliex jien ma bdejtx naqbel miegħu.

Spiss kont nittama li nsib il-kuraġġ u nqum fuq tiegħi u nitlaq. Qatt ma sibt is-saħħa, apparti li għalkemm fis-sitwazzjoni li kont, kont naħseb li nħobbu. Kien ir-raġel gustuż li nixtieq li jkolli maġenbi, missier ibni, kont tlaqt kollox, karriera, ħajja, ħbieb, teatru u dak kollu li nħobb. Wara dak l-episodju vjolenti sibt il-forza. Hu kien jaħseb li jien ma nasalx li nitlaq. Mingħajr ma għedt lil ħadd għamilt appuntament għand avukat u qatt m’erġajt dħalt lura fid-dar matrimonjali fejn konna nikru. Domt ħafna biex wasalt sa dak l-punt, iżda b’xi mod sibt il-kuraġġ li nitlaq.

X’kien wieħed mill-agħar episodji li esperjenzajt?

L-episodji kienu jkunu spissi, ħadd ma jkun jaf minn xiex tkun għaddejja għax mill-bieb ‘il barra l-aggressur ikun jagħti impressjoni oħra. Bla dubju l-agħar episodju kien meta saq f’post mudlam, ħariġni barra mill-karozza fuq ix-xaghri u heddidni bi swiss knife. Dak il-ħin tiffriża, ma tiċċaqlaqx u tħossok li diġà tlift ħajtek.

F’liema punt iddeċidejt li tagħmel il-pass biex tipprova toħroġ mis-sitwazzjoni li kont fiha?

Dak il-lejl kelli mmur lura fid-dar matrimonjali. Ma stajtx nagħlaq għajn m’għajn. Dak iż-żmien l-internet kien limitat. Anki l-mobile, u jien ma kontx insuq. L-għada filgħodu wara lejl mkisser għedt jew nerġa’ nibda mill-ġdid waħdi, inkella ibni se jgħix mingħajr ommu. Għażilt li nibda mill-ġdid.

Ħafna drabi tisma’ lil min jgħid “missha qabdet u telqet”. X’inhi r-reazzjoni tiegħek?

Meta tkun fis-sitwazzjoni, le mhux kemm taqbad u titlaq. Ikun hemm ħafna manipulazzjoni u theddid. Ħafna drabi anki fuq uliedek jew ħajtek. Le mhux la kemm tiġbor ħwejġek u titlaq.

Nisimgħu ħafna li jħeġġu lil min ikun għaddej minn sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika biex ifittex l-għajnuna. Iżda tħoss li tingħata biżżejjed għajnuna?

Risposta lixxa LE, għajnuna m’hawnx. Fejn se tmur mara li tkun tneżżet minn kollox, inkluż id-dinjità b’uliedha? Apparti li ma tingħata l-ebda protezzjoni.

Kemm hi aktar diffiċli biex tiffaċċja sitwazzjoni bħal din meta jkun hemm it-tfal preżenti f’ħajtek?

Persuna li jkollha l-ulied, iġġib ħafna drabi lilhom qabilha. Apparti li ma tkunx tixtieq li jittrabbew f’familja mkissra. Iżda aħjar f’familja mkissra, milli f’familja abbużiva.

Illum, tħossok ħielsa mit-trawma li għaddejt minnha?

Le, qatt ma tkun meħlus. Kull meta nisma’ jew niġi f’kuntatt ma’ persuna oħra li tkun għaddiet mill-abbuż jew xi trawma simili, b’mod jew ieħor nerġa’ nħoss ċerti ħsibijiet imtaqqla.

Xi tħoss meta tisma’ b’każijiet li jkunu għaddew minn sitwazzjonijiet simili ta’ dak li għaddejt minnhom int, iżda ma kellhomx iċ-ċans li joħorġu minnhom?

Inkun imdejqa u nħossni li ma nistax inkun utli. Inkun nixtieq ħafna nagħti parti minn “moħħi” ħalli jsib kuraġġ jimxi ‘l quddiem.

X’taħseb li huma l-problemi ewlenin li qed jirriżultaw f’vittma wara vittma? Fl-opinjoni tiegħek, x’hemm bżonn li jsir biex nipprevjenu milli dan jibqa’ jiġri?

Hemm bżonn għajnuna u assistenza primarjament li tkun aċċessibbli. Persuna li tkun għaddejja minn abbuż għandha jkollha servizz 24/7 li wieħed jista’ jaqbad u jmur. Ikun hemm assistenza ta’ kenn, protezzjoni u għajnuna psikoloġika, kemm għalik u anki għall-ulied. Jekk wieħed għandu jmur jagħmel rapport għandu jkun hemm pulizija mħarrġa kif wieħed għandu jaġixxi f’każi serji bħal dawn. L-aggressur ikun bniedem jasal, u m’hemmx rispett.

X’messaġġ tgħaddi lil min qed jaqra din l-intervista u għaddej minn esperjenza ta’ vjolenza domestika?

M’intix waħdek, fittex l-għajnuna, aċċetta li għalkemm tkun għamilt ċerti għażliet, għalik hemm ħajja u tasal tqum fuq saqajk u jkollok futur, aħjar waħdek milli f’abbuż. Ħaqqek dinjità u rispett.

Ritratt li ħadet travel blogger Maltija jintuża għall-poster ta’ film festival prestiġjuż fir-Rumanija

Ritratt li ħadet travel blogger Maltija jintuża għall-poster ta’ film festival prestiġjuż fir-Rumanija

Partikolarment dawk li jħobbu l-ivvjaġġar kif ukoll il-fotografija, ċertament se jsibu din l-intervista ferm interessanti.

Permezz taż-żewġ passjonijiet tagħha, Deborah Seychell, mhux biss taqsam ritratti ta’ xenarji mill-isbaħ mas-segwaċi tagħha, iżda bħala bloger tal-ivvjaġġar, taqsam ukoll l-esperjenzi tagħha fid-destinazzjoni li tkun żaret kif ukoll xi suġġerimenti li wieħed jista’ jsib utli għal meta jivvjaġġa.

Riċentament, wieħed mir-ritratti tagħha ġie magħżul biex jintuża għall-poster ta’ film festival prestiġjuż fir-Rumanija.

Min hi eżattament Deborah Seychell?

Jien tfajla ta’ 37 sena. Twelidt u dejjem għext Malta, li ngħix fuq gżira daqshekk żgħira aktar wasslitni biex nara u nesplora d-dinja. L-ivjaġġar u l-fotografija huma parti kbira minn ħajti però le m’iniex waħda minn dawk il-persuni li telqu x-xogħol tagħhom biex joqogħdu jduru d-dinja lanqas xejn, mhux għax ma nixtiqx imma diment li ma jkollokx miljuni ta’ followers żgur mhuwiex possibbli li taqla’ l-għajxien minn hekk u tlaħħaq mal-ispejjeż tal-ħajja tal-lum. Infatti jien naħdem impjieg full-time li ma għandu xejn x’jaqsam ma’ dan kollu iżda kull meta jkolli ftit ġranet liberi nħobb nesplora pajjiżi u kulturi ġodda. Il-persuna li nivvjaġġa magħha huwa r-raġel tiegħi li issa ilna flimkien għal dawn l-aħħar 12-il sena, f’dawn is-snin tgħallimna nissaportu lil xulxin mhux ħażin, għax ngħiduha kif inhi anki l-ivjaġġar kultant ikollu l-istress tiegħu, jiġifieri xi ġlieda ‘l hemm u ‘l hawn (jew kuljum!) ma tonqosx lanqas. Bħala passatemi oħra nħobb naqra, inħobb l-istorja u nħobb insajjar.

Iż-żewġ passjonijiet tiegħek, il-fotografija u l-ivvjaġġar, wassluk biex tibda l-vjaġġ tiegħek bħala travel blogger. Kif nibtu dawn il-passjonijiet? U x’kien li ħeġġek tibda l-vjaġġ bħala travel blogger?

Ġurnata fost l-oħrajn twebbilt li ridt nixtri kamera professjonali, qed nitkellem madwar 8 snin ilu issa naħseb. Skont żewġi dan kien se jkun passatemp wieħed mill-ħafna li bdejt f’ħajti li kien se jdum ftit ġimgħat u jgħaddi mal-oħrajn, u fil-fond ta’ qalbi għall-ewwel għedt naħseb għandu raġun. Però jien rasi iebsa u jekk xi ħaġa nkun irridha nibqa’ nibqa’ sakemm nakkwistaha. Għamilt ftit riċerka online u xtrajt din il-kamera. Naturalment meta waslet irrealizzajt li lanqas kelli l-iċken idea kif nużaha. Bdejt infittex online u aktar ma bdejt nitgħallem dwar il-fotografija u l-istorja warajha aktar xtaqt inkun naf. Għalhekk applikajt għal xi korsijiet relatati kemm mal-fotografija u anke mal-editjar u minn hemm bdejt nesperimenta.

Ovvjament imbagħad bdejt nieħu l-kamera għall-vjaġġi kollha li konna qed immorru. Ir-ritratti issa bdew jidhru professjonali, u n-nies bdew jgħaddu kummenti pożittivi ħafna dwarhom. F’dan iż-żmien Instagram kien għadu fil-bidu tiegħu jiġifieri kien aktar żmien ta’ Facebook u l-midja soċjali ma kinitx kif nafuha llum lanqas, kienet għadha aktar kwieta.

Jien niddeskrivi l-ivvjaġġar bħala vizzju, vizzju tajjeb f’dan il-każ – aktar ma nivvjaġġa aktar inħoss il-bżonn li nagħmel dan, min iħobb iżur ħafna postijiet bħali se jifhimni żgur. Hemm ħafna tipi ta’ vjaġġaturi, jien waħda li nħobb nippjana sal-inqas detall u qabel immur inkun irid li jkolli kollox lest. Xi nies jargumentaw miegħi li nagħmel ħażin li nippjana kollox, oħrajn jaqblu miegħi u jagħmlu bħali. Ovvjament jien kont naqsam l-avventuri tagħna ma’ nies li naf fuq Facebook dak iż-żmien u sħabi dejjem kienu ġejjin għandi għal xi pariri dwar postijiet li nkunu żorna, ristoranti li nkunu kilna fihom, lukandi eċċ. Kont kontinwament naqsam l-itinerarji tiegħi ma’ kull min kien qed jitlobhomli. Imbagħad ġurnata fost l-oħrajn ħabiba tiegħi qaltli, għax ma tibdix blog u taqsam l-informazzjoni ma’ kulħadd u hekk bdejt nagħmel.

Ftaħt il-kont ta’ Instagram u l-paġna ta’ Facebook tiegħi u kull darba li bdejt nitfa’ ritratti ta’ xi post li nkunu żorna bdejt nikteb ukoll ħafna informazzjoni utli. Wara kull post li bdejna nżuru bdejt ukoll nitfa’ l-itinerarju komplut li jinkludi sal-iċken detall. Min jixtieq jarahom jista’ jagħmel dan billi jidħol hawn. Naf li mhux kulħadd iħobb jgħaddi sigħat twal jippjana bħali u hawn ukoll min lanqas ikun jaf minn fejn se jibda, allura b’dan il-mod forsi nista’ ngħin lin-nies jippjanaw il-vaganza tagħhom. Għalija kemm il-fotografija kif ukoll li noqgħod nippjana l-vjaġġi tagħna huwa mezz kif wara ġurnata impenjattiva fuq ix-xogħol, nirrilassa.

X’taspira li twassal permezz tal-kontenut tiegħek?

Nixtieq inħeġġeġ aktar nies jesploraw il-fotografija bħala passatemp. Nemmen li meta jkollok kamera f’idejk tħares lejn id-dinja minn perspettiva differenti. Huwa verament inkredibbli d-dettall li wieħed jista’ josserva minn lenti ta’ kamera. Anke jekk forsi ma tħobbx issiefer jew għal xi ragunijiet varji ma tistax tagħmel dan, aqbad kamera jew saħansitra l-mobile, illum kważi kulħadd għandu mobile li jieħu r-ritratti, u mur f’belt jew raħal f’Malta u ibda ħares madwarek, ħares ‘il fuq, ‘l isfel, fil-ġenb, osserva u ħu kemm jista’ jkun ritratti. Hawn tibda tinduna kemm hawn sbuħija li lanqas biss inkunu lmaħniha qabel. U jekk tmorru wkoll pass oltre u tpoġġi dak ir-ritratt fuq kompjuter u tibda teditjah tibqa’ aktar imsaħħar u mistgħaġeb b’dak li tibda tara.

Il-biċċa l-kbira tal-ħin, jien l-ewwel waħda dejjem nilmenta kemm hi żgħira din il-gżira u kif dejjem nispiċċaw immorru fl-istess postijiet, però kull darba li niddeċiedi li nżur post li nkun mort fih kemm-il darba issa sirt nieħu kamera miegħi u d-differenza hija enormi! Nixtieq ngħid ukoll li m’għandekx għalfejn ikollok apparat jiswa il-ballal tal-liri biex tieħu ritratt tajjeb, iżda kemm int kapaċi tuża l-immġinazjoni. Infatti naħseb wieħed mill-aktar ritratt li ġibed ammirazjoni kien meħud bil-kamera tal-mobajl tiegħi (ritratt hawn taħt), jiġifieri taqtgħux qalbkom tibdew.

Huwa faċli li toħloq dan it-tip ta’ kontenut?

Ejja ngħidu li għalija tiġi naturali, kull fejn immur jien dejjem inġorr il-kamera miegħi, issa jekk hux il-kamera tal-mobajl jew il-kamera professjonali ma tagħmilx differenza. Min-naħa l-oħra dan jieħu ħafna, ħafna ħin u peress li għandi wkoll xogħol full-time tiegħi nipprova norganizza l-kontenut kollu fil-weekend. Nemmen ukoll li apparti li taqsam dak li tkun għaddejt minnu trid ukoll tibni relazzjoni mal-komunità ta’ nies li jsegwuk, dawn ħafna drabi huma nies li għandhom l-istess interessi bħalek għax b’hekk mhux biss tkun qed taqsam dak li tgħallimt inti iżda wkoll titgħallem mingħand ħaddieħor ukoll. Jien apparti li naqsam l-ideat tiegħi, inħobb ukoll nitgħallem fuq postijiet ġodda, dak hu s-sabiħ tal-midja soċjali għax permezz tagħha tiltaqa’ ma’ nies minn madwar id-dinja kollha. Kif semmejt fl-introduzzjoni tiegħi, inħobb ukoll ħafna dak kollu li għandu x’jaqsam mal-istorja u nħobb nagħmel riċerka u nżur postijiet relatati jiġifieri għal min se jibda jsegwini ħa jsib ukoll ħafna kontenut relatat ma’ dan is-suġġett ukoll.

Kemm żort pajjiżi s’issa?

Temmen li qatt ma kont għoddejthom! Issa biex inwieġeb għal din il-mistoqsija mort infittex naqra. Fil-fatt żorna dsatax-il pajjiż differenti li meta tarahom hekk vera jidhru ftit, iżda ħafna minn dawn il-pajjiżi ovvjament żornihom aktar minn darba għax kull darba nesploraw xi żona differenti. Din is-sena suppost se nżidu tlieta oħra mal-lista! Jiġifieri s-sena 2023 nagħlquha bi 22 pajjiż.

Liema mill-pajjiżi li żort s’issa huma l-aktar favoriti tiegħek? U għaliex?

Se nsemmi tnejn, wieħed fl-Ewropa u l-ieħor barra mill-Ewropa. L-ewwel għażla hija Lampedusa. Naħseb din kienet waħda mill-aktar vaganzi memorabbli li qatt morna. Għal xi ħadd li jħobb il-baħar bħali din il-gżira żgħira Taljana hija ġenna tal-art, il-bajjiet hawn huma inkredibbli. Nittama li xi darba jerġgħu jiġu introdotti t-titjiriet diretti għax vera nixtieq nerġa’ nżur dan il-post uniku! Xejn ma ngħidilkom, jekk ikollkom ċans, żuru dan il-post. Aħna qabel morna smajna ħafna affarijiet negattivi, però fil-ħajja nemmen li biex post tiġġudikah trid iżżuru u tesperjenzah, qatt toqogħdu fuq li jgħidu n-nies u din ma tapplikax għal hawn biss imma għal kollox fil-ħajja!

It-tieni post huwa l-Afrika t’Isfel. Il-kliem waħdu ma jistax jispjega s-sbuħija ta’ dan il-pajjiż. Minn ‘vineyards’ għal bajjiet li ma jispiċċaw qatt, siti storiċi u ikel mill-aqwa, id-diversità li wieħed jista’ jsib f’dan il-pajjiż hija inkredibbli. Però l-isbaħ esperjenza meta żżur dan il-pajjiż tibqa’ li tosserva l-annimali fl-ambjent naturali tagħhom. Qatt mhu se ninsa l-ħarsa tal-iljun ftit passi ‘l bogħod minni jħares dritt f’għajnejja, dak il-ħin titwerwer imma huwa żgur mument uniku li se nibqa’ ngħożż għal ħajti kollha.

Liema kultura taffaxxinak l-aktar?

F’Diċembru li għadda għaddejna 10 ijiem induru n-naħa t’isfel ta’ Franza, fil-fatt ma kinitx l-ewwel darba f’dan il-pajjiż iżda r-reġjun li żorna, magħruf bħala l-‘occitane’ kien tassew memorabbli, tħossok li qisek qiegħed kontinwament f’xena ta’ xi film. Il-kultura Franċiża tassew ħalliet impatt fuqi, bqajt mistagħġba b’kemm kienu edukati n-nies f’din iż-żona, l-ikel tagħhom huwa divin speċjalment il-ħobż, il-ġobon u l-inbejjed! U xi ngħidu dwar il-lingwa sabiħa u l-mod tal-għajxien tagħhom, in-nies jitrażmettu kalma li qatt ma esperjenzajt qabel. Il-familja hija wkoll xi ħaġa apprezzata ħafna fil-kultura Franċiża. Xi ħaġa li vera baqgħet f’moħħi hija kemm il-Franċiżi huma kburin ħafna bil-lingwa tagħhom u kemm huma kburin bis-sbuħija ta’ pajjiżhom.

Għadna ġejjin ukoll minn avventura ġdida fejn esplorajna l-Asja għall-ewwel darba u kif tistgħu timmaġinaw hija dinja totalment differenti milli mdorrijin fiha aħna l-Ewropej. Aħna ffukajna fuq in naħa ta’ fuq tal-Vietnam u tiskanta kemm post minn ieħor ivarja u kemm in-nies, għalkemm fl-istess pajjiż, jgħixu ħajja differenti minn ta’ xulxin. Filli tkun fil-kapitali ta’ Hanoi fejn hemm 24 siegħa sħiħa l-attività ma tiqafx, numru kbir ta’ muturi li lanqas jagħtuk ċans taqsam it-triq, imbagħad kif toħroġ mil-lukanda ssib xi persuna tqaxxar xi tiġieġa jew tnaddaf xi ħuta fuq il-bankina, irwejjaħ ta’ kull tip li mhux dejjem ikunu pjaċevoli. Però f’dan il-kaos kollu tara mil-qrib is-sempliċità li fiha jgħixu dawn in-nies.

Żorna wkoll il-villaġġ ta’ Sapa fejn hawn joqogħdu gruppi etniċi li ħafna minnhom jgħixu billi jikkultivaw ir-ross. Meta tkellimna ma’ persuni tal-lokal li anki ħaduna f’dawn iż-żoni fejn jikber ir-ross qalulna li bażikament it-tliet ikliet prinċipali tagħhom tal-ġurnata huma bbażati fuq ir-ross. Kull familja tingħata art li minnha trid tipproduċi ross għal sena sħiħa biex ikollhom biex x’jieklu. Dawn in-nies jgħixu mingħajr l-ebda kumdità żejda, qalulna li la għandhom televixin, la radju u wisq inqas internet. Ftit minnhom għandhom aċċess għall-mobajl li jużawh biss biex iċemplu lill-membri tal-familja.

Għal min iħobb il-films ta’ King Kong f’Ha Long Bay u Ninh Binh, żewġ postijit oħra li żorna, inħadmu ħafna mix-xeni tal-film Skull Island. Min se jżur il-Vietnam ma jistax ma jinkludix dawn iż-żewġ postijiet li għalina kienu fost il-favoriti speċjalment Tam Coc. In-natura f’dawn il-postijiet hija meraviljuża.

In-nies li jgħixu f’dan il-pajjiż huma nies b’qalb tad-deheb, ikunu jridu jagħtuk mill-ftit li għandhom sempliċiment biex jarawk kuntent u japprezzaw ħafna kull ħaġa li tipprovdilhom. Vera għandna x’nitagħllmu minn dawn in-nies li għalkemm għandhom vera ftit mill-affarijiet li għandna aħna dejjem tarahom jidħku, jitkellmu bejniethom u l-ħajja jgħixuha b’entużjażmu. Għal min bħalna qatt ma kien żar l-Asja u jixtieq jibda minn xi mkien il-Vietnam hija d-destinazzjoni li nissuġerixxi lil kulħadd, kemm għax il-ħajja hija vera rħisa, nies vera jgħinuk, kif ukoll għaliex huwa vera pajjiż attrezzat biex tivvjaġġa b’mod faċli minn post għal ieħor.

Riċentament, wieħed mir-ritratti tiegħek ġie magħżul biex jintuża għall-poster tal-ħames edizzjoni tal-Wallachia International Film Festival. Għidilna ftit dwarha… U kif ħassejtek li l-kontenut tiegħek qed jiġbed l-attenzjoni internazzjonalment?

Iva, bażikament darba minnhom irċevejt messaġġ fuq Instagram mingħand wieħed mill-organizzaturi fejn qaluli li ltaqgħu mar-ritratt li ħadt jien f’Awwissu li għadda fil-kastell ta’ Dracula fir-Rumanija u li xtaqu jużawh għall-poster tagħhom. Dan huwa avveniment li jseħħ f’Bucharest, ir-Rumanija. Nies minn madwar id-dinja jibagħtu l-produzzjonijiet tagħhom u mbagħad minnhom jagħżlu l-aħjar films li jintwerew matul dan l-avveniment. Ħafna minn dawn il-produzzjonijiet saħansitra rebħu anke premjijiet prestiġjużi f’festivals ewlenin tal-films inklużi Cannes, Londra, Milan Miami eċċ. Għall-ewwel ngħidlek il-verità ħsibtu xi spam message għax tirċievi bl-addoċċ minnhom però meta sirt naf li vera ħassejtni kburija hux, għax tgħid li qed nagħmel qed jintogħġob u qed jiġi apprezzat.

Hemm xi storja partikolari li skoprejt waqt l-ivvjaġġar, li ħalliet impatt fuqek?

Naħseb li l-post li ħalla impatt kbir fuqi kien Auschwitz fil-Polonja. Ma’ kull storja li kienet qed tirrakkuntalna l-gwida ħassejt qalbi tinqasam f’miljun biċċa. Dejjem smajt l-istejjer ta’ x’kien l-olokawst imma li tkun fl-istess post eżatt fejn mietu aktar minn miljun persuna għalxejn b’xejn kienet xi ħaġa oħra. Fil-fatt wara li żort dan il-post qrajt ħafna kotba dwar l-istorja Ġermaniża u nemmen li għalkemm kienet storja kerha ħafna tal-passat naħseb li hemm bżonn niftakru fiha kuljum biex ma nirrepetux l-istess żbalji tal-passat.

X’inhi l-ikbar ħolma tiegħek?

Il-ħolma tiegħi hija naqra kbira. Nixtieq li xi darba jkolli wieħed mir-ritratti tiegħi ppubblikat fuq xi magażin bħal National Geographic. Nixtieq ukoll li xi darba forsi anki jintwerew f’xi gallerija tal-arti u anka forsi nibni il-karriera tiegħi fuq dan it-tip ta xoghol li huwa għal qalbi ħafna.

Għal dawk kollha li huma interessati jsegwu l-avventuri tagħna u anke jidħku xi daħka għax xi praspura qatt ma tonqosx magħna, inħeġġiġkom tagħmlu dan billi ssegwuna fuq il-paġna ta’ Facebook jew fuq Instagram.

Enable Notifications OK No thanks