Laura Pausini, Alessandro Cattelan u Mika se jkunu l-preżentaturi tal-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena.
Din l-aħbar eċitanti ġiet żvelata lbieraħ waqt it-tieni serata tal-festival ta’ Sanremo, meta t-tliet preżentaturi telgħu fuq il-palk flimkien mal-preżentatur Amadeus eżatt qabel xandira diretta mal-Belt ospitanti tal-Eurovision, Turin fejn ġie pproġetta arloġġ tal-countdown fuq l-ikonika Mole Antonelliana.
Laura Pausini hija possibbilment l-aktar artista Taljana popolari u ppremjata fid-dinja. Hija rebħet erba’ Latin Grammys, Grammy Award u Golden Globe. Fl-2021, hija ġiet nominata għall-Academy Award għall-aħjar kanzunetta oriġinali bil-kanzunetta Io Sì (Seen) mill-film The Life Ahead.
Il-karriera mużikali tagħha teħodha madwar id-dinja kollha, u l-aħħar album tagħha huwa wkoll is-soundtrack għall-film li ħiereġ, Pleasure to Know You.
Alessandro Cattelan huwa magħruf ħafna fl-Italja bħala preżentatur televiżiv għal 20 sena. Ħoloq u ppreżenta diversi programmi, serati ta’ divertiment u introduċa wkoll formati ġodda fl-Italja bħal Total Request Live, Le Iene u X Factor Italy.
F’Marzu, Cattelan se jippreżenta programm ġdid fuq Netflix, Alessandro Cattelan: Una Semplice Domanda (Mistoqsija waħda sempliċi). Fil-programm, se jkun qed iwassal intervisti u esperjenzi uniċi ma’ diversi personalitajiet popolari.
Michael Holbrook Penniman Jr. huwa kantawtur, artist, entertainer tat-televiżjoni u r-radju, disinjatur u illustratur.
Ilu magħruf bħala Mika mill-2007, meta kien fil-quċċata tal-klassifika mużikali fir-Renju Unit bil-kanzunetta Grace Kelly, li saret popolari ħafna fid-dinja fi żmien qasir. Ġew mibjugħa aktar minn 3 miljun kopja tal-kanzunetta madwar id-dinja, u l-album ted-debutt tiegħu Life In Cartoon ikklassifika mill-ewwel fin-numru wieħed fir-Renju Unit u 11-il pajjiż ieħor, u ġew mibjugħa aktar minn 7 miljun kopja madwar id-dinja.
Is-66 edizzjoni tal-Malta Eurovision Song Contest se jsir fl-10, it-12 u l-14 ta’ Mejju fil-Pala Olimpico f’Turin, l-Italja.
Żgur li ħafna minnkom il-qarrejja tagħna familjari mal-pinna ta’ Gino Lombardi. Ftit jiem ilu, ippubblika rumanz ieħor bl-isem ta’ Għadu Sieket.
Għamilna kuntatt ma’ Gino u qasam magħna kif oriġinat l-idea għal dan ir-rumanz kif ukoll kif kompliet tiżviluppa l-istorja tiegħu.
Dan hu dak li qalilna Gino…
“Bdejna nisimgħu dwar dan il-virus minn Diċembru 2019, għall-ewwel ħadd ma nkwieta wisq dwaru, imma niftakar li fi żmien il-Milied konna diġà qed insemmuh. Imbagħad, meta bdew igerrbu l-ġimgħat l-affarijiet bdew jisserjaw għax bdejna nisimgħu li nstabu każi barra minn Wuhan u saħansitra ’l barra miċ-Ċina, imma ħadd ma kien għadu qed jibża’ minnu.
Imma meta fuq il-midja soċjali bdew jidhru filmati ta’ nies jaqgħu u jmutu f’nofs ta’ triq xegħlu l-bozoz il-ħomor. Fil-bidu kien jissejjaħ ‘Novel Coronavirus’ imbagħad sar Covid-19. Forsi tistaqsi kif issawwar dan l-isem? Covid-19 ġejja minn ‘CO’ għal Corona, ‘VI’ għal virus, ‘D’ għal disease u n-‘19’ għas-sena li twieled fiha dal-virus.
Fis-7 ta’ Marzu feġġ l-ewwel każ hawn Malta u malajr bdilna fehmetna dwaru. Kien il-każ ta’ tifla Taljana ta’ 12-il sena, li minħabba fih skattaw il-miżuri li kienu maħsuba minn qabel għal meta tasal din l-eventwalità inevitabbli. It-tifla u l-familja tagħha sfaw iżolati skont il-linji gwida maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa sakemm, wara testijiet ġodda, ħareġ li ħadd minnhom ma kien infettat.
Min jafni sew jaf kif jien, f’moħħi mill-ewwel bdew ġejjin ħafna ħsibijiet, bdejt nipprova nimmaġina x’kienet il-kawża ta’ dan il-virus. Minn dak li bdejt naqra u nisma’ ħloqt xi forma ta’ opinjoni dwar dan u meta ddiskutejt l-ideat li ġewni ma’ ħbieb tiegħi, numru sostanzjali minnhom qablu miegħi.
Hawn ġara dak li hu ovvju, f’moħħi bdiet tissawwar l-istorja tal-ktieb li għandek f’idejk. Għall-ewwel kienet għadha duħħan biss, imbagħad bdejt inpoġġi l-ideat li bdew ġejjin fuq il-karta, kif jgħidu. Ftit ftit ħloqt il-ftuħ li ridt, ippjanajt kif se nqassam il-ġrajja u anke t-tmiem. Jien u nikteb infilsajt ukoll dettalji u ġrajjiet li ġraw fil-verità biex l-istorja li se taqra jkollha aktar kulur u tiġi iżjed ħajja.
Meta kelli dawn lesti bdejt nagħmel ir-riċerka, u minħabba li dan huwa l-ewwel rumanz li ktibt li mhux ambjentat hawn Malta kelli nidħol aktar fil-fond, speċjalment għax il-parti l-kbira tar-rakkont iseħħ fiċ-Ċina. Ta’ min jgħid li dan huwa pajjiż magħluq ħafna, allura huwa diffiċli ħafna li tara l-ambjent reali li jgħixu fih iċ-ċittadini tal-pajjiż.
Għal min ma jafx, iċ-Ċiniżi, minbarra fuq il-ħajja in-ġenerali, għandhom ħafna restrizzjonijiet fuq il-midja soċjali; Google, Yahoo, Bing Bing u search engines popolari oħra ma tistax taċċessahom. Facebook, Instagram, Twitter u l-oħrajn lanqas. Tista’ tgħid li kollox huwa kkontrollat mill-gvern. Eżempju minflok Facebook għandhom il-Wiebo, minflok Google hemm Qihoo360. Imma dawn restritti għall-konfini Ċiniżi biss u ftit li xejn issib informazzjoni dwar dak li jiġri barra l-pajjiż.
L-aġenziji tal-aħbarijiet huma kollha manipulati mill-istat ukoll. Dawn, u ħafna affarijiet oħra jwassluk biex taħseb; immaġina ftit kieku jiġri dan f’pajjiżna u nkunu f’sitwazzjoni simili. Tmur tipprova tfittex tagħrif dwar suġġett partikolari u ssib verżjoni waħda biss, tkun maqtugħ u iżolat mid-dinja u tkun taf x’inhu jiġri f’Malta biss; lanqas taħsibha ma trid, aħseb u ara tgħixha, taqbel miegħi?!
Jien u nirriċerka dwar iċ-Ċina ġietni f’moħħi s-sensiela popolari ‘Keeping Up Apperances’, ħa nispjega għaliex. Meta l-Gvern Ċiniż irid jagħti stampa tal-pajjiż ikollu kollox ippjanat minn qabel. L-ewwel jagħżel ftit familji minn bliet differenti, jagħtihom impjieg aħjar milli jkollhom, jagħtihom ilbies isbaħ u wara perjodu qasir imorru għandhom bil-kamera u fuq skritt ippreparat minn qabel jiffilmjawhom u jintervistawhom fid-dar tagħhom dwar il-ħajja fiċ-Ċina, u miskin hu min jipprova jmur kontra dak li jiġi ordnat jgħid. Wara jibagħtu l-filmati ppreparati lill-aġenziji tal-aħbarijiet internazzjonali bl-impressjoni li se jbellgħulhom ir-ross bil-labra, imma dan mhu xejn qrib ir-reality shows li naraw fil-punent.
Xi snin ilu tim ta’ ġurnalisti mill-Punent talbu permess jagħmlu intervisti indipendenti ma’ familji Ċiniżi. Skantaw mhux ftit meta t-talba tagħhom ġiet aċċettata, imma meta waslu fil-pajjiż kellhom sorpriża akbar. Ittieħdu f’lukanda mill-isbaħ imma kuntrarju għal dak li ħasbu ma ngħatawx permess joħorġu mill-kmamar tagħhom jekk ma jkunux akkumpanjati minn żewġ uffiċjali tal-armata. Meta setgħu joħorġu minn kamarthom ħaduhom dawra madwar il-Belt Kapitali u setgħu jaraw il-postijiet li ħaduhom fihom biss, la ħallewhom liberi li jmorru f’partijiet li xtaqu huma, aħseb u ara kemm setgħu jintervistaw nies li ltaqgħu magħhom fit-triq.
Meta jara dan kollu wieħed jasal għall-konklużjoni li kważi kull ħaġa, biex ma ngħidx kollox, li tara li qed tippromwovi l-mod kif jgħix il-poplu Ċiniż, u eventwalment il-pajjiż immexxi mill-partit Komunista, hija biss għall-apparenza.
Biex inkompli nikkonferma t-tagħrif li għaddejt aktar ’il fuq, nhar il-Ħadd 21 ta’ Frar 2021 ħarġet l-aħbar li aktar minn 150,000 persuna anzjana sparixxew mil-lista ta’ nies intitolati għall-benefiċċji soċjali tal-Provinċja ta’ Hubei. Dan seħħ fl-ewwel kwart tas-sena 2020 biss; min jaf kemm hi ogħla din iċ-ċifra llum?! Dan meta l-figura uffiċjali tal-gvern turi li n-numru ta’ mwiet kawża tal-Covid-19 hija biss ta’ 4,636. Kif tista’ temmen dak li juruk?
Mela issa għandek idea ta’ kif inhu l-ambjent fiċ-Ċina u l-ambjent li jgħix fih il-karattru ewlieni ta’ dan ir-rumanz, bis-saħħa tad-dettalji li għarraftek bihom minn qabel, meta tibda taqra dak li jkun qed jiġrilhom uħud mill-karattri li se jidhru aktar ’il quddiem, m’għandkomx taħsbu li nkun qed nesaġera, lanqas xejn!
Mhux se noqgħod neħodlok rasek bid-dettalji dwar kemm il-pandemija Covid-19 ħadet nies magħha, dawk malajr tista’ ssibhom inti. Se ngħidlek biss li fit-tielet ġimgħa ta’ Frar tal-2020 tħabbar li l-imwiet fl-Amerika biss qabżu n-nofs miljun persuna; total akbar minn dawk li tilfu ħajjithom fl-Ewwel u t-Tieni Gwerer Dinjin u l-Gwerra tal-Vjetnam ikkombinati flimkien.
Issa ħalli npinġilek, fuq fuq, fejn kien jgħix il-Professur Phil Burke. Kien blokk ta’ appartamenti lussużi, id-dsatax-il wieħed minn għoxrin taħt l-isem Palazz tal-Poplu, li fih kienu jabitaw ċittadini barranin li bil-professjoni tagħhom jagħtu servizz lill-poplu Ċiniż. Ir-residenza tal-profs tinsab fis-sbatax-il sular ta’ binja għolja d-doppju jew aktar, kollox imħallas mill-gvern. Kif tidħol issib ruħek f’nofs l-appartamenti, fuq il-lemin issib open plan, li tinżel għalih minn tliet tarġiet, dan jinkludi kċina moderna, salott u kamra tal-pranzu. Fuq ix-xellug issib kuritur bi tliet kmamar tas-sodda, uffiċċju mdaqqas, laundry room u żewġ kmamar tal-banju. Mill-gallarija ta’ quddiem kien igawdi veduta mill-isbaħ tal-belt ta’ Wuhan u mill-gallarija tal-kamra tas-sodda ewlenija kont tara l-parkeġġ, il-parti l-kbira tiegħu kienet riservata għar-residenti. Kull appartament huwa fornut bl-aqwa għamara fis-suq, li tkun magħżula minn qabel fuq it-talba tas-sidien infushom.
Minbarra r-riċerka li nagħmel ikolli bżonn l-għajnuna ta’ ħafna nies, nies li jkunu esperti jew midħla sew tas-suġġett li nkun qed nikteb dwaru. Ma nistax noqgħod insemmihom wieħed wieħed għax żgur li nħalli lil xi ħadd barra, imma lanqas ma nista’ ma nurix ir-rikonoxximent tiegħi lejhom.
Ma’ dawn ikun hemm numru żgħir ta’ ħbieb li jiskrutinjaw dak li nkun qed nikteb billi jieħdu paċenzja bija u jaqraw dak li nikteb, kapitlu kapitlu. Nassigurakom li xejn mhu eżerċizzju pjaċevoli li tasal fi tmiem kapitlu li jispiċċa bi ‘cliff hanger’ u ma tistax taqleb il-paġna biex tkompli taqra, imma minflok trid tistenna sakemm jasallek il-kapitlu li jmiss.
Ikolli ngħid li did-darba lis-Surġent Claire Casha ma tantx ħabbattha wisq b’mistoqsijiet dwar xogħol il-pulizija għax ma involvejthomx daqshekk. Minbarra Claire u l-għażiża oħti, Louiselle Calleja Lombardi, it-tim ta’ ‘Għadu Sieket’ kien kważi ġdid kollu, tlieta minn nies ġodda, Thelma Cassar, Tania Mifsud u biex dejjem ikolli l-opinjori ta’ raġel, daħal magħhom il-ħabib tiegħi Costantino Vella, li bil-kritika tagħhom dan il-ktieb żgur li ħareġ aħjar. Magħhom kien hemm ukoll Louise Grech Abela, li għamlet ukoll il-qari tal-provi. Xi ħin jew ieħor matul il-vjaġġ li għamilna flimkien kollha ħarġu bl-ideat tagħhom, anke qaluli li jħossuhom li kienu qed jimponuli xi ftit iżżejjed, imma bħalma dejjem ngħid, jien nistma l-opinjoni ta’ kulħadd, u jekk dak li jiġbduli l-attenzjoni fuqu ma jkunx se jibdilli l-andament tal-istorja, naċċettah b’umiltà.
Issa li qrajt dawn il-kelmtejn u tista’ tifhem aħjar kif inbena dar-rumanz, tista’ tikkonċentra aktar fuq il-qari. Jalla tieħu gost taqra ‘Għadu Sieket’ daqs kemm ħadt pjaċir niktbu jien.”
Steph, il-programm Illum ma’ Steph, xi jfisser għalik?
Ħajti tirrivolvi madwaru, lanqas nimmaġinani niffunzjona mingħajru.. norqod u nqum naħseb u nippjana..il-baby tiegħi li nieħu gost narah jikber u jiżviluppa.
X’impenn u responsabilità jirrikjedi programm li jixxandar kuljum?
Full time plus plus, forsi ftit jirrealizzaw l-impenn.. nibda minn filgħodu u nibqa’ sa tard filgħaxija. Bejn suġġetti, riċerka, riklami u paper work.. qatt ma jien lesta.
Kemm ilek xandara? U x’kien l-ewwel xogħol tiegħek fil-midja?
Ili minn meta kellli 15-il sena. Bdejt b’kumbinazzjoni fuq programm reliġjuż jismu Twemmin. Qatt ma kont naħseb li ħa nsir daqshekk addict ta’ dan ix xogħol..
X’kien li ispirak biex tidħol f’dan il-qasam?
Kien ġar li kellu programm u kellu bżonn lil xi ħadd biex jippreżentah.. staqsa lili għax kien jafni, u minn hemm qatt ma ħarist lura.. għall-bidu kien dejjem part time imma għal dawn l-aħħar 4 snin ħadt ukoll il-produzzjoni kollha fuqi u allura issa sar litteralment ħajti.
X’issib l-aktar ta’ sfida f’xogħlok? U x’inhu l-akbar sodisfazzjon?
L-ikbar sfida hija l-commitment ta’ kuljum irrelevanti xi jkun qed jiġri f’ħajti.. meta pereżempju l-ma kienet qiegħda tmut kien ikolli nitlaqha u mmur nagħmel programm fejn qisu xejn mhu xejn.. kien żmien diffiċli ħafna.. però anke fil-ħajja ta’ kuljum, ġieli uġigħ ta’ ras jew uġigħ ta’ żaqq.. xorta trid tmur u tkompli. Sodisfazzjon kbir però l-imħabba u r-rispett tat-telespetturi li nħossni onorata ħafna li tant jilqgħuni.
Liema kien wieħed mill-aktar programmi diffiċli li kellek tagħmel? U waħda mill-aktar intervisti emozzjonali?
Fuq l-istess kunċett tar-risposta ta’ qabel, l-għada tal-funeral tal-mamà tiegħi. Jien lil ommi kont inħobbha wisq u meta ħallietna ħassejt li spiċċat id-dinja però l-għada tal-funeral kelli mmur fuq il-programm u nkompli. Qalbi kienet miksura f’miljun biċċa però kont inżomm f’moħħi kemm kienet kburija bija u għalhekk ħassejt li jien għandi nkun b’saħħti u niffaċċja r-realtà. Intervisti jkolli ħafna emozzjonali.. jien qalbi żgħira u nħoss ħafna u allura nempatizza u l-ugigħ ta’ ħaddieħor nieħdu miegħi.
Bla dubju, int waħda mill-preżentaturi popolari, u favoriti mal-pubbliku, tħoss li huwa importanti li tibni relazzjoni mas-segwaċi tiegħek?
Immens importanti u bżonnjuża.. jien ma jien ħadd mingħajr l-appoġġ u l-imħabba tat-telespetturi allura nara kif nagħmel biex inżomm kuntatt regolari magħhom.
Fl-opinjoni tiegħek, x’inhuma r-responsabilitajiet ta’ preżentatriċi?
Li tkun onesta, li tkun preżentabbli, li tkun reali, li żżomm ċerti opinjonijiet politiċi u kontroversjali għaliha nfisha (fil-każ ta’ programm bħal tiegħi li huwa għall-familja kollha). Li tuża’ Malti tajjeb, li tkun pożittiva, li tkun preparata.. fost oħrajn.
Jinkwetak il-fatt li dak kollu li tgħid u twassal jista’ jiġi interpretat b’mod totalment differenti milli jkun intenzjonat?
Iva, ġieli nofs kelma u xi ħadd jikteb u jgħidli li pereżempju ma qabilx jew juri li ma ħax gost.. diffiċli ħafna li dejjem togħġob lil kulħadd però nemmen li bl-onestà n-nies jifhmu li jien umana bħalhom u ġieli ngħid xi ħaġa li forsi ma tkunx eżatt.
L-isbaħ u l-agħar mumenti ta’ ħajtek s’issa..
Barra tv? L-isbaħ bla dubju kien it-twelid ta’ ibni li llum għandu 18-il sena u huwa l-mimmi t’għajnejja. L-agħar kien il-mewt ta’ ommi.
Kif affettwatek lilek personali l-pandemija?
Wara li ssakkart id-dar għal xahrejn is-sena l-oħra, jien u Michael (it-tifel) biss, iwassluli x-xirja wara l-bieb u ma niltaqa’ ma ħadd.. nagħmel il-programm minn ġol-kamra tas-sodda tat-tifel, hu l-cameraperson u soundman u kollox.. din is-sena attenta ħafna, ma mmur imkien ħlief għall-bżonn, ma niltaqa’ ma ħadd jekk mhux għax-xogħol. Inħoss li tlift ħafna mill-pjaċir tal-ħajja però hekk hemm bżonn għalissa.
Mumenti ħelwin li jkollok mas-segwaċi tiegħek..
It-telefonati ħelwin ikunu għax dak li jkun iħoss ċertu eċitament u mhux dejjem niftehmu. Il-logħob għalkemm sempliċi ġieli jħawwadhom u allura tkun ħelwa l-konversazzjoni li jkollna on air.
Ikun hemm drabi li tkun tixtieq tagħmel ftit ħin ‘il bogħod mill-ħajja pubblika?
Nhar ta’ Sibt jien naħsel u nnaddaf id-dar.. bil-ħwejjeġ ta’ ġewwa u b’xagħri mgerfex.. nitkellem mal-biċċa tal-art u nieħu gost li ma tmehrix.. mingħajr din il-ġurnata ma noqgħodx.. hemm niċċarġja l-batterija.
Liema huma l-persuni li jispirawk fil-karriera tiegħek u fil-ħajja personali tiegħek?
Fil-ħajja personali huma l-familja tiegħi, ħuti li dejjem jgħinuni u ħabib tal-qalb li dejjem jiggwidani, fuq it-television inħobb insegwi li Oprah Winfrey li minn xejn saret ikona.
Steph bħala omm, stretta? Kif tiddeskrivi r-relazzjoni tiegħek mat-tifel?
Darba ġejt deskritta bħala Hitler minn wieħed ħabib. Jien ili sseparata mindu Michael kellu sentejn u allura kelli nżomm ħafna dixxiplina fejn kien hemm bżonn biex jikber ta’ nies. Missieri hekk kien magħna u għalkemm kont narah ikrah meta kont żgħira llum nirringrazzjah tal-prinċipji li tani.
Liema kwistjonijiet int l-aktar sensittiva dwarhom? U għaliex?
Inħobb in-natura, nirrabja min ikasbarha. Ninkwieta meta nisma’ fuq uġigħ li jkun hemm minħabba diżgwid fil-familji. Nixtieq li ma narax tbatija.
Kif tieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħek?
Il-fatt li jien naħdem għal qalbi nemmen li tgħini ħafna biex nibqa’ pożittiva.. ikolli mumenti ibsin bħal kulħadd però ħabib kbir tiegħi għallimni li t-tazza nofsha mimlija u mhux nofsha vojta, u li dejjem hemm silver lining u b’dak ir-raġunament nara li nieħu ħsieb tiegħi nnifsi.
X’kienet l-akbar lezzjoni li tgħallimt mill-ħajja s’issa?
Li kulħadd l-istess, li kollha għandna ferħ, niket, suċċess u falliment. Li saqajk iridu jibqgħu mal-art u li iktar kemm tgħin iktar tħossok ferħana.
X’kien l-isbaħ ġest li qatt għamilt u rċevejt?
Li għamilt jien ma nafx ngħidlek, li nirċievi huwa l-imħabba tat-telespettaturi b’mod regolari.. grata ħafna.
Xi jferħek u x’jirrabjak l-aktar?
Iferrħuni l-iktar affarijiet bażiċi… telefonata bla ħsieb, messaġġ mill-qalb. Jirrabjani l-eġoiżmu ta’ ċertu nies.
L-akbar biża’ tiegħek..
Mill-wirdien u mit-tlajja’, u li xi darba nkun irrid niddependi fuq ħaddieħor.
Hemm xi ħolma li tixtieq twettaq?
Nixtieq li nixtri dar imkissra u diżastru, jew xi ħadd jafdali dar hekk, u nirranġaha u nġibha sabiħa. Għandi immaġinazzjoni fertili, noħlom kif u x’fatta, flus biex inwettaqha m’għandix.
We use cookies on our website to give you the most relevant experience by remembering your preferences and repeat visits. By clicking “Accept”, you consent to the use of ALL the cookies.
This website uses cookies to improve your experience while you navigate through the website. Out of these cookies, the cookies that are categorized as necessary are stored on your browser as they are essential for the working of basic functionalities of the website. We also use third-party cookies that help us analyze and understand how you use this website. These cookies will be stored in your browser only with your consent. You also have the option to opt-out of these cookies. But opting out of some of these cookies may have an effect on your browsing experience.
Necessary cookies are absolutely essential for the website to function properly. This category only includes cookies that ensures basic functionalities and security features of the website. These cookies do not store any personal information.
Any cookies that may not be particularly necessary for the website to function and is used specifically to collect user personal data via analytics, ads, other embedded contents are termed as non-necessary cookies. It is mandatory to procure user consent prior to running these cookies on your website.