Select Page
Filmat: Titnieda l-kanzunetta uffiċjali tal-iSpecial Olympics

Filmat: Titnieda l-kanzunetta uffiċjali tal-iSpecial Olympics

Hekk kif pajjiżna jinsab fuq l-għatba biex jospita l-iSpecial Olympics Malta Invitational Games 2022, tnediet il-kanzunetta uffiċjali bl-isem ta’ Going for Gold, mill-President tal-iSpecial Olympics Malta, Dr Lydia Abela.

Il-kanzunetta, b’kitba ta’ Ira Losco u ta’ Howard Keith, u kantata minn Ira Losco nnifisha, titkellem dwar id-determinazzjoni ta’ kull atleta biex mhux biss jasal fil-ħajja personali tiegħu iżda anke fix-xena sportiva. Iktar minn hekk, twassal messaġġ favur l-abbiltajiet ta’ kulħadd.

Ritratt: Omar Camilleri

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, Dr Lydia Abela qalet li dawn il-logħob huma ċelebrazzjoni tal-ħiliet ta’ kulħadd. Iktar minn kollox, hija ċelebrazzjoni tal-mod kif l-atleti u l-familji tagħhom jirnexxilhom jegħlbu d-diffikultajiet tagħhom ta’ kuljum u jiffukaw fuq l-abbiltajiet tagħhom.

“Il-mużika hija waħda mill-għodod l-iktar effettivi biex messaġġ jasal b’mod pożittiv u effettiv u m’hemmx dubju li din id-diska tilħaq dan l-għan”, saħqet Dr Abela.

Min-naħa tagħha, il-kantanta Ira Losco għaddiet messaġġ ta’ pożittività lill-atleti u saħqet li huma mhumiex biss il-protagonisti ta’ dan il-vidjow mużikali iżda wkoll il-protagonisti waqt l-iSpecial Olympics Malta Invitational Games 2022 li se jsiru f’pajjiżna bejn l-14 u t-18 ta’ Mejju li ġej.

Fil-fatt, f’dawn id-dati se jkun hawn mal-1,000 atleta minn 23 pajjiż differenti li se jikkompetu f’sitt dixxiplini sportivi. Dr Abela ħeġġet lill-poplu Malti biex ikun wara dawn l-atleti u joffri l-appoġġ tiegħu, speċjalment lill-kontinġent Malti. Qalet li l-isport, li huwa mod effettiv li jassigura ħajja sana u b’saħħitha, se jkun qed jgħaqqad lill-atleti kollha f’pajjiżna u joffrilhom esperjenza tad-deheb kif jixirqilhom.

Fi tmiem il-konferenza, il-President tal-iSpecial Olympics Malta, Dr Lydia Abela, ippreżentat midalja tad-deheb lil Ira Losco bħala sinjal ta’ apprezzament lejha u għall-involviment tagħha f’dawn il-logħob.

Eliminati Audrienne u Kevin Paul fit-tielet Live Show ta’ X Factor Malta

Eliminati Audrienne u Kevin Paul fit-tielet Live Show ta’ X Factor Malta

Waqt it-tielet Live Show ta’ X Factor Malta ġew eliminati żewġ parteċipanti oħra.

Ilbieraħ intemm il-vjaġġ ta’ X Factor Malta għal Audrienne Fenech mill-kategorija ta’ Ira Losco u għal Kevin Paul mill-kategorija ta’ Howard Keith Debono.

Audrienne ġabet l-inqas ammont ta’ voti mit-televoting filwaqt li Kevin Paul ġie eliminat f’sing-off li saret bejnu u Timea Farr.

Is-sitt kontestanti li se jkunu qed jipparteċipaw fis-semifinali nhar il-Ħadd li ġej fid-20:50 fuq TVM huma Ryan, Ceci & Kriss, Drakard, Lisa, Cheryl u Timea Farr.

Erġa’ segwi l-prestazzjonijiet kollha tat-tielet Live Show:

Jiġu eliminati Shauna u Jimmy fl-ewwel Live Show ta’ X Factor Malta

Jiġu eliminati Shauna u Jimmy fl-ewwel Live Show ta’ X Factor Malta

Ilbieraħ bdiet l-aktar fażi mistennija u eċitanti ta’ X Factor Malta, dik tal-Live Shows.

Fl-ewwel Live Show ġew eliminati tnejn minn 12-il kontestant.

Il-vjaġġ ta’ X Factor Malta waqaf ilbieraħ għal Shauna Vassallo, mill-kategorija ta’ Ivan Grech, li ġabet l-inqas ammont ta’ voti mit-televoting, u għal Jimmy, mill-kategorija ta’ Ira Losco, li ġie wkoll eliminat.

Is-sing-off bejn Jimmy u l-grupp Beyond qajmet kontroversja fost is-segwaċi ta’ X Factor Malta. Ħafna esprimew l-opinjoni tagħhom fuq il-midja soċjali, dik li skont huma Jimmy ma kellux jiġi eliminat.

L-10 kontestanti finalisti se jkunu qed jipparteċipaw fit-tieni Live Show nhar il-Ħadd it-23 ta’ Jannar, fejn it-tema se tkun dik ta’ Retro.

Dawn huma l-prestazzjonijiet kollha tal-ewwel Live Show ta’ X Factor Malta:

Melanie Kelly se jkollha blind date waqt Sibtek li jmiss! Ma’ min?!

Melanie Kelly se jkollha blind date waqt Sibtek li jmiss! Ma’ min?!

Reġa wasal is-Sibt u allura reġa wasal programm ieħor ta’ Sibtek mimli divertiment, ċajt, sorprizi u daħk!

F’Sibtek li jmiss se niltaqgħu ma’ diversi personalitajiet fosthom Franklin Calleja, Josephine Mallia, l-influencer ħelwa Teresa Ann Cachia u Melanie Kelly.

Xi ħadd minn dawn se jiltaqa’ mal-idoli tiegħu li huma l-Ispice Girls waqt Sibtek!

Xi ħadd ieħor irid jimita lill-kantanta popolari Maltija Ira Losco.

Melanie Kelly se jkollha blind date waqt Sibtek! Ma’ min?!

Se jkun programm mimli spettaklu għax se jkun hemm ukoll Elvis tribute artist!

Bħal dejjem, il-mużika lajv ma’ Christian Arding ma tonqosx.

Il-koppja favorita tagħna Ryan u Josmar iżommulna kumpanija assoluta mill:12:15 ‘l quddiem fuq TVM.

Jekk tħobb issegwi Sibtek, dan hu programm ieħor li ma tistax titlef!

Jintgħażlu l-ewwel 6 kontestanti għal-Live Shows ta’ X Factor Malta

Jintgħażlu l-ewwel 6 kontestanti għal-Live Shows ta’ X Factor Malta

Ilbieraħ f’X Factor Malta ġew magħżula l-ewwel sitt kontestanti mill-Judges’ Houses li għaddew għall-fażi li jmiss, dik tal-Live Shows.

Shauna Vassallo, Timea Farr u Lisa Gauci huma t-tliet kontestanti li għażel Ivan Grech filwaqt li Ira Losco għażlet lil Jimmy, Audrienne Fenech u Cheryl Balzan.

Il-vjaġġ ta’ X Factor Malta jkompli nhar il-Ħadd, it-2 ta’ Jannar fejn naraw min se jkunu l-kontestanti li se jagħżlu Howard u Philippa għal-Live Shows.

Enable Notifications OK No thanks