Select Page
Irġiel omosesswali u bisesswali jistgħu jibdew jagħtu d-demm

Irġiel omosesswali u bisesswali jistgħu jibdew jagħtu d-demm

Il-gvern Malti ħabbar it-tneħħija tal-projbizzjoni kontroversjali li l-irġiel omosesswali u bisesswali jagħtu d-demm.

Din il-projbizzjoni kienet meqjusa bħala waħda diskriminatorja u bosta attivisti ilhom għal żmien twil isemmgħu leħinhom bl-għan li din titneħħa.

Dan anki għaliex ir-raġuni li kienet tingħata għal din il-projbizzjoni kienet prinċipalment minħabba mard. Raġuni li minbarra l-kontroversja li qajmet, kienet tqajjem ukoll dispjaċir u rabja fost ħafna.

Dan it-tibdil tħabbar proprju fil-bidu tal-Pride Week.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li b’din ir-riforma se jkun hemm protokolli aktar ġusti li jneħħu kull forma ta’ diskriminazzjoni ma’ persuni LGBTIQ+ fejn il-parametri biex persuna tkun tista’ tagħti d-demm se jkunu ugwali għal kulħadd.

X’jikkawża d-Dijabete Tip 2?

X’jikkawża d-Dijabete Tip 2?

Id-dijabete Tip 2, li hija l-aktar tip ta’ dijabete komuni, hija kklassifikata bħala diżordni fis-sistema metabolika, li twassal għall-livelli ta’ zokkor għoli fid-demm. Dan jista jseħħ minħabba nuqqas ta’ produzzjoni tal-insulina, jew inkella minħabba reżistenza għall-insulina fil-ġisem.

L-insulina hija tip ta’ ormona li hija prodotta miċ-ċelloli tal-frixa, u li hija responsabbli għall-kontroll ta’ riservazzjoni tax-xaħam u z-zokkor fil-ġisem. Ir-reżistenza għall-insulina sseħħ meta tinħoloq inabilità miċ-ċelloli f’ġisimna li jużaw l-insulina b’mod adekwat. Dan ifisser li dawk iċ-ċelloli tal-frixa li jipproduċu l-insulina, isiru iżjed stimulati biex iżidu l-produzzjoni tal-insulina, u għalhekk il-livell tal-insulina fid-demm jibda jogħla bil-mod il-mod, u dan jista’ jwassal sabiex tifforma l-kundizzjoni tad-dijabete tip 2.

Il-kundizzjoni ta’ reżistenza għall-insulina, hija relatata mal-obeżità. Infatti, din il-kundizzjoni tkun preżenti f’persuna meta jkun hemm iktar minn 3 fatturi, jew iktar, preżenti minn dawn li ġejjin: livell ta’ zokkor għoli fid-demm, qis ta’ qadd ta’ iktar minn 35 pulzier fin-nisa, u ta’ iktar minn 40 pulzier fl-irgiel, pressjoni għolja fid-demm, flimkien ma’ livell għoli ta’ xaħam fid-demm.

Huwa fatt magħruf li livelli għoljin ta’ zokkor għoli fid-demm jinstabu f’ħafna nies madwar id-dinja, però dan ġieli ma jkunx għoli biżżejjed sabiex il-kundizzjoni tiġi kklassifikata bħala dijabete tip 2. Dawn il-persuni jkunu għadhom fiċ-ċans li jipprevenu din il-marda milli tiżviluppa, billi jsegwu dieta bilanċjata, jitilfu l-piż żejjed, u jagħmlu attività fiżika regolari.

Ċerti sintomi allarmanti li wieħed għandu jagħti każ li huma relatati mal-preżenza tad-dijabete tip 2 huma dawn: għatx kbir, żieda fil-produzzjoni tal-urina, għeja, vista mċajpra jew telf ta’ piż qawwi, li ma kienx mistenni.

Id-dijabete tip 2 mhux ikkontrollata, tista’ twassal għal diversi kumplikazzjonijiet, bħall-mard tas-sistema kardjovaskulari, mard tal-vista, u mard tal-kliewi, fost oħrajn. Għalhekk, huwa importanti li wieħed ikellem lit-tabib tiegħu, jekk jissuspetta li qed ibati minn din il-kundizzjoni.

Normalment, l-ewwel attentat mit-tobba sabiex jikkontrollaw id-dijabete tip 2, huwa li javżaw lill-pazjent biex jitlef il-piż żejjed, iżid l-attività fiżika, u jirregola d-dieta tiegħu billi jiekol ikel mhux ipproċessat, li huwa baxx fiz-zokkor irfinat. Jekk dan l-attentat ifalli, it-tieni pass huwa li tingħata mediċina, bħal Metformina, li tgħin biex wieħed inaqqas iz-zokkor għoli fid-demm, u anke biex wieħed jitlef il-piż żejjed. It-tielet u l-aħħar pass biex wieħed jirregola zokkor fid-demm għoli ħafna, ikun li tingħata l-insulina f’forma ta’ injezzjoni.

Huwa importanti li wieħed jittestja l-livell ta’ zokkor fid-demm regolari, u dan ma għandux ikun iktar minn 6mmol/l jekk wieħed ikun sajjem, jew inkella mhux iktar minn 11mmol/l jekk wieħed ma jkunx sajjem.

Jekk tixtieq issegwi l-blog tiegħi tista’ tagħmel dan billi tagħmel ‘like’ fuq din il-paġna ta’ Facebook: ×Be Holistically Healthy, MD× | Facebook

Jekk għandek xi mistoqsijiet li trid tistaqsi jew xi suġġett li tixtieq li nitkellmu dwaru ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Irġiel b’diżabilità intellettwali u l-kanċer – Dr Claire Azzopardi Lane

Irġiel b’diżabilità intellettwali u l-kanċer – Dr Claire Azzopardi Lane

Fil-popolazzjoni ġenerali, l-età ġiet deskritta bħala l-iktar determinant importanti tal-kanċer. Filwaqt li intwera li l-mortalità mill-kanċer hija assoċjata mat-tixjiħ kemm fl-irġiel kif ukoll fin-nisa, sfortunatament hemm biss riċerka limitata ħafna dwar il-kanċer fl-irġiel relattivament għal nisa b’diżabilità intellettwali.

Minkejja li r-rati ta’ mewt tal-irġiel huma konsistentement ogħla minn dawk tan-nisa fil-meded kollha tal-età, inġibdet konsiderevolment inqas attenzjoni għall-ħtieġa ta’ screening tas-saħħa sesswali u l-kanċer fl-irġiel milli kien il-każ għan-nisa. Filwaqt li l-irġiel b’diżabilità intellettwali ġew irrappurtati li għandhom inċidenza aktar baxxa ta’ kanċer tal-prostata meta mqabbla ma’ rġiel mhux b’diżabilità, ma tinstab l-ebda differenza fl-inċidenza ta’ kanċer tat-testikoli bejn irġiel b’diżabilità intellettwali meta mqabbla ma’ rġiel mingħajr diżabilità.

Madankollu l-kanċer tat-testikoli kien ogħla b’mod sinifikanti fl-irġiel b’diżabilità intellettwali profonda u severa. Il-letteratura dwar il-kanċer iffukat ukoll fuq nuqqas ta’ rappurtar ta’ sintomi u dijanjosi tardiva li jipprekludu trattament effettiv u evitar kurattiv tal-mewt f’persuni b’diżabilità intellettwali. Il-kunċett ta’ mwiet li jistgħu jiġu evitati ġie dejjem iktar fuq quddiem f’konsiderazzjonijiet ta’ inugwaljanzi fil-kura tas-saħħa f’nies b’diżabilità intellettwali. Imwiet li jistgħu jiġu evitati huma assoċjati ma’ nuqqas ta’ storja medika, skrinjar tal-kura tas-saħħa inadegwat, nuqqas ta’ appoġġ soċjali tal-komunità, lakuni fl-integrazzjoni tas-servizzi tal-kura tas-saħħa ma’ provvediment ieħor tal-komunità, u ġudizzju ħażin tal-fornitur tal-kura tas-saħħa. Id-detezzjoni mnaqqsa u n-nuqqas ta’ rappurtar bħala riżultat ta’ screening inadegwat, kif ukoll in-nuqqas ta’ kapaċità fost persuni b’diżabilità intellettwali li jikkomunikaw sintomi ta’ mard iżidu l-possibbiltajiet ta’ mortalità.

Huwa ċar li kemm il-persuni mħallsa biex jieħdu ħsieb lill-persuni b’diżabilità kif ukoll familjari għandhom rwol ewlieni x’jaqdu biex jiżguraw li persuni b’diżabilità intellettwali li jindikaw dwejjaq jew uġigħ jirċievu attenzjoni medika xierqa. Għal xi kanċers tali osservazzjoni tista’ tkun dipendenti fuq sinjali mhux verbali ta’ uġigħ jew bidla fil-funzjoni, jew osservazzjoni viżiva diretta. Filwaqt li m’hemm l-ebda aspettattiva li l-carers se jiddjanjostikaw speċifikament il-kanċer bħala differenzjat minn kundizzjonijiet mediċi serji oħra, għarfien aktar sħiħ tal-marda u l-fatturi li jwasslu għaliha se jiżguraw li huma sensittivi għall-possibbiltà u jaġixxu kif xieraq.

Dr Claire Azzopardi Lane

Kap tad-Dipartiment tal-Istudji dwar id-Diżabilità, fi ħdan il-Fakultà għall-Benessri Soċjali tal-Università ta’ Malta, li tagħha hija wkoll Viċi Dekan. Għamlet snin taħdem bħala front-liner fis-settur tad-diżabilità, f’Malta u barra, kemm fl-oqsma edukattivi kif ukoll ta’ appoġġ soċjali.

Enable Notifications OK No thanks