Select Page
L-atleta ta’ ispirazzjoni Jake Vella jinsab l-isptar jiġġieled battalja oħra

L-atleta ta’ ispirazzjoni Jake Vella jinsab l-isptar jiġġieled battalja oħra

It-tfajjel żagħżugħ Malti, Jake Vella, ir-rebbieħ tal-aktar atleta ta’ ispirazzjoni tal-2021, bħalissa jinsab l-isptar jiġġieled battalja oħra.

Jake Vella huwa gwerrier li qed jiġġieled kundizzjoni rari hekk imsejħa ROHHAD. Din il-kundizzjoni taffettwa l-ormoni tiegħu, u jagħmluha diffiċli ħafna biex jitlef il-piż, irrispettivament minn kemm jagħmel eżerċizzju jew wara dieta sana.

F’Lulju tal-2021 Jake kien għamel sfida tal-għawm ta’ 100km, li kien lesta b’suċċess, bl-għan ewlieni tagħha kienet li jinġabru fondi għall-annimali abbandunati u tqajjem kuxjenza dwar it-tniġġis tal-plastik.

Diversi nies qed jagħtu s-sapport tagħhom u jagħmlu l-kuraġġ liċ-ċkejken Jake, fosthom l-MYTA (Malta Youth Triathlon Academy),

Fost il-ħafna kummenti ta’ kuraġġ insibu dak ta’ Stefan Grech, “żommu lil Jake f’talbkom – Ejja champ, tista’ tgħamilha, aħna KOLLHA warajk.”

Minkejja li jinsab l-isptar, bħal dejjem, l-ispirtu ta’ Jake jibqa’ pożittiv u mimli entużjażmu, fil-fatt, mill-kamra tal-isptar tiegħu, huwa wassal messaġġ dwar attività li se ssir b’risq l-Istrina.

It-tim ta’ Skoperta jħeġġiġkom iżżommu lil Jake fit-talb tagħkom.

“Grazzi għażiż Mons. Victor Grech tal-ispirazzjoni li kont f’ħajti”

“Grazzi għażiż Mons. Victor Grech tal-ispirazzjoni li kont f’ħajti”

Illum, il-Monsinjur tant maħbub, Victor Grech jagħlaq 93 sena.

L-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca qasmet kelmtejn dwar il-Monsinjur f’jum għeluq sninu.

Hija rringrazzjat lill-Minsinjur Victor Grech talli kien ta’ ispirazzjoni f’ħajjitha, u tal-ġid kbir li għamel u għadu jagħmel ma’ min għandu bżonn.

Grazzi Mulej li ħabbejtna tant li tajtna lil Dun Victor. Ad Multos Annos.

Dun Victor Grech huwa magħruf b’mod speċjali għall-ħidma bla heda tiegħu ma’ persuni li jkunu qed jikkumbattu mal-problemi tad-droga.

F’isem it-tim ta’ Skoperta, nawguraw lill-Monsinjur Victor Grech l-isbaħ xewqat f’dan il-jum speċjali u nirringrazzjawh tax-xogħol kollu li jagħmel ma’ ħafna nies.

“Wara x-xita dejjem titfaċċa l-qawsalla. Kunu b’saħħitkom u komplu agħmlu dak li tħobbu”

“Wara x-xita dejjem titfaċċa l-qawsalla. Kunu b’saħħitkom u komplu agħmlu dak li tħobbu”

Il-Maestro popolari u maħbub Aurelio Belli, li bħalissa għaddej mill-battalja tal-kanċer, wassal messaġġ ta’ ispirazzjoni fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu.

“Naf li hi ta’ wġigħ u għeja, imma rridu nkunu u nibqgħu b’saħħitna.

Fil-messaġġ tiegħu huwa qal li bħalissa jista’ jkun maltemp, iżda ma tistax tibqa’ nieżla x-xita għal dejjem.

“Wara x-xita, dejjem titfaċċa l-qawsalla. U l-ferħ wara l-uġigħ. Kunu b’saħħithom u kuraġġużi. Komplu agħmlu dak li tħobbu.”

F’kuntatt li għamilna mal-Maestro qalilna li hu jemmen ħafna f’Alla u jipprova jkun ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor bit-tama li min ikun għaddej minn sitwazzjoni simili, iħossu aktar b’saħħtu.

Fil-fatt, din mhijiex l-ewwel darba li l-Maestro Belli tkellem pubblikament dwar dak li għaddej minnu, u evidentament, jirnexxilu jwettaq l-għan tiegħu, li jkun ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor, b’mod tajjeb ħafna.

Dan juri fir-rispons ta’ sapport u mimli mħabba li jirċievi kull meta jitkellem dwar dak li għaddej minnu.

Lil hinn mill-kliem, u l-midja soċjali, il-Maestro Belli, l-imħabba tiegħu għall-ħajja tirrifletti fil-passjoni tiegħu għall-mużika u f’dak kollu u dawk kollha li jħobb, minkejja kull sfida li jista’ jkollu.

Nawguraw lil Maestro Aurelio Belli s-saħħa biex ikompli jittrasmetti aktar pożittività u jagħmel dak li jħobb.

“Jeħtieġ li aktar persuni b’diżabilità jitkellmu dwar il-bżonnijiet tal-intimità u s-sesswalità” – Lynn Aquilina

“Jeħtieġ li aktar persuni b’diżabilità jitkellmu dwar il-bżonnijiet tal-intimità u s-sesswalità” – Lynn Aquilina

Nitkellmu ma’ Lynn Aquilina

Lynn, għidilna ftit dwarek. Min hi Lynn Aquilina?

Mela Lynn hi mara ta’ 31 sena li tħobb il-ħajja u tħobb tgħix. Jien persuna sensittiva, nisma’ u nosserva ħafna. Inħobb nesperjenza affarijiet ġodda, anke jekk ġieli nibża’ jew nippanikkja ħafna għax inħalli l-ħsibijiet jiġru bija! Nemmen li kieku, ma ppruvajtx u ma nippruvax affarijiet u esperjenzi ġodda ma niltaqax ma’ nies ġodda li jgħinuni biex kemm jista’ jkun dejjem noħroġ l-aħjar tiegħi u ma neħilx mal-limitu tad-diżabilità fiżika li għandi. Minkejja dan kollu li għidt, inħoss li għadni ma nafx ma nafx min jien, għax kuljum ninbidel u niskopri ħaġa ġdida fija li ma kontx naf qabel.

Il-kapaċità tiegħek li tesprimi ruħek b’mod tajjeb ħafna u profond permezz tal-kitba, hija xi ħaġa li wieħed ma jistax ma jinnutax dwarek. Kif nibtet il-passjoni tiegħek tal-kitba, u x’libertà tagħtik?

Il-passjoni tal-kitba tmur lura għal meta kont fir-raba’ sena tal-primarja. Niftakar, l-għalliema kienet taqralna kuljum mill-kotba ta’ Trevor Zahra. Minn dak iż-żmien ‘il quddiem għidt li rrid insir bħal dan l-awtur bravu ħafna. Qrajt il-kotba kollha tiegħu għax jaffaxxinani kif jiżvolġi l-istejjer tiegħu bi kliem sempliċi u b’ritmu mexxej. Insomma f’kelma waħda sar l-idolu tiegħi, tant li fis-sekondarja meta kien ikollna komponiment kont nipprova nuża’ l-istil ta’ kitba tiegħu. L-għalliema kienu qaluli li għandi talent, imma bqajt ma ħadtux bis-serjetà sakemm spiċċajt mis-sekondarja.

Kont spiċċajt inqatta’ ħafna ħin id-dar, fija kien hemm vojt u monotonija kbira tant li waqajt f’dipressjoni. Imbagħad wara ħafna insistenza mingħand ħabibti ħarbixt l-istorja tiegħi. Minn hemm ma ħaristx lura, kuljum nikteb xi ħaġa, anki jekk tkun sentenza waħda biss. Bil-kitba, jien nista’ mmur u nimraħ kullimkien. Tilliberani għax meta nikteb jien ninsa għal ftit il-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħi u nidħol f’dinja oħra. Dinja fejn l-ispirtu tiegħi jtir ‘il fuq mingħajr ma jwaqqfu ħadd.

X’definizzjoni għandha d-diżabilità għalik personali?

Għalija d-definizzjoni tad-diżabilità tvarja ħafna. Skont iċ-ċirkostanzi li nkun fihom u l-burdati li jkolli. Ikun hemm ġranet fejn inħossni qisni għandi ġgant jgħaffeġ fuqi u rrid inkompli bil-ġurnata tiegħi, bih idur miegħi kullimkien. Drabi oħra lanqas biss taffettwani li jien b’diżabilità, għax inkun qed inħossni tajba fija nnifsi. Imma jien inħobb nara l-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħi bħala gaġġa li ssakkarni milli nagħmel dak li nixtieq. Għalkemm dejjem nipprova nsib mezzi kif indur ma’ din il-gaġġa, ġismi, biex fl-aħħar xorta nagħmel dak li nixtieq.

Kemm-il darba titkellem dwar l-intimità u s-sesswalità. L-ewwel nett, int personali kif tiddistingwi bejn dawn it-tnejn?

L-intimità u s-sesswalità huma konnessi u relatati ħafna ma’ xulxin, imma mhumiex l-istess. Għalija l-intimità hi u sseħħ kull meta nagħżel li nara lill-persuna l-oħra mhux bl-għajnejn fiżiċi tiegħi, iżda bl-għajnejn ta’ ruħi. Dawn l-għajnejn li jaraw il-bżonnijiet l-aktar profondi tal-oħrajn biex hekk nitqanqal minn ġewwa ħalli mhux biss ngħinhom, iżda mmur pass oltre minn hekk, insir naf l-istorja tagħhom u nitwaħħad magħhom, mhux għall-pjaċiri tiegħi, imma għax jinteressani u nħobb verament lill-oħrajn.

Is-sesswalità, imbagħad hi dak kollu li jagħmilni l-mara li jien. L-ewwel aspett tas-sesswalità jistedinni biex jien inħobb, nirrispetta u nkun konxja tas-sbuħija tal-feminilità tiegħi. Imbagħad għalija, l-att sesswali jikkumplimenta u jgħaqqad is-sbuħija tiegħi, ma’ dik ta’ ħaddieħor biex nikber fl-għarfien li ma nistax ngħix mingħajr ma nħobb verament biex nagħti ħajja lill-ieħor u eventwalment jista’ jkun hemm lok ta’ ħolqien ta’ ħajja wkoll.

Mill-perspettiva tiegħek, x’inhuma l-isfidi li trid tiffaċċja b’mod kontinwu fejn jidħlu l-intimità u s-sesswalità? X’inhuma n-nuqqasijiet li tħoss l-aktar bħala mara?

Fejn jidħlu l-persuni b’diżabilità, l-intimità u s-sesswalità għadhom tabù. Personalment din ir-realtà ttaqqalni ħafna għax ikolli ngħixha waħdi, naħbi l-bżonnijiet, ix-xewqat u l-emozzjonijiet naturali tiegħi. Ngħixha waħdi fis-skiet għax inħoss li s-soċjetà inġenerali ma tqishomx dawn il-bżonnijiet tal-persuna b’diżabilità u ma tiddistingwix bejn intimità u sesswalità. Jista’ jkun li persuna b’diżabilità tkun trid biss l-intimità, din tinkludi tgħanniq, karezzi, tmellis fix-xagħar, tpoġġi fuq xi ħadd eċċ.

L-akbar nuqqas li naħseb li hawn hu li persuni b’diżabilità ma jitkellmux biżżejjed fuq dawn il-bżonnijiet tagħhom fil-pubbliku. Allura, imbagħad ovvja li n-nies t’hemm barra ma jistgħux ikunu jafu vera xi nħossu aħna, jistgħu biss jispekulaw!

X’inhuma x-xewqat tiegħek f’dan ir-rigward? X’tixtieq li jsir?

Nixtieq li aktar nies ma jinħasdux u ma jibżgħux meta nesprimi dawn il-bżonnijiet li għandi. Ħeq, jien bniedma tad-demm u l-laħam bħal kulħadd! Hemm bżonn li jsiru aktar diskussjonijiet edukattivi fuq dan is-suġġett fuq it-televixin u l-midja soċjali.

X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar is-servizzi ta’ sex workers għal persuni b’diżabilità?

Naqbel li jkun hawn is-servizz ta’ sex workers, iva għaliex le. Basta dan ikun regolat u jkun hemm persuni mħarrġa sew kif jiffaċċjaw u jittrattaw persuni b’diżabilità, l-aktar meta dawn ikunu vulnerabbli.

Jekk dan it-tip ta’ servizz jiġi legalizzat f’Malta, tikkunsidra li tagħmel użu minnu int personali?

Mistoqsija diffiċli din! Kieku mmur żgur imma mhux għas-sess, l-ewwel ħaġa li nixtieq nagħmel hu li niskopri lil ġismi, għax minħabba li ma nużax idi sew ma nistax inkun intima miegħi nnifsi. Minħabba f’hekk f’dan l-aspett inħoss li għadni tifla u mhux mara. Allura nitlob l-għajnuna tas-sex worker biex nagħmel dan, rigward jekk nagħmilx is-sess ma’ sex worker illum bħalissa ngħid le. U ngħid le, għax nixtieq relazzjoni u s-sess waħdu narah bla sens mhux komplut, qisni mort ikla u qbiżt fid-deżerta mill-ewwel. Is-sess mingħajr relazzjoni u intimità nħoss li jitlef l-iskop u s-sbuħija tiegħu.

Liema mentalità tas-soċjetà ġenerali tħoss li hemm bżonn tinbidel l-aktar? U int, xi tħoss li tista’ tagħmel, jew x’qed tagħmel biex tagħti sehmek għal din il-bidla?

Thank God il-mentalità tas-soċjetà inġenerali lejna l-persuni b’diżabilità tjiebet ħafna, l-aktar fl-oqsma tal-aċċessibiltà u l-edukazzjoni għalkemm bħal f’kollox baqa’ xi jsir. Biss l-iżjed setturi li narahom baqgħu lura huma tax-xogħol u s-sesswalità. Mhux ħa noqgħod nirrepeti dwar is-suġġett tas-sesswalità, biss ma nafx għala persuna toqgħod lura milli turi affezzjoni lejn persuna b’diżabilità. Forsi jista’ jkun li dak li jkun joqgħod lura għax ma jkunx irid li l-persuna b’diżabilità tiggranfa miegħu bħal qarnita u tifhmu li jrid relazzjoni magħha, ma nafx eżatt. Biss ma fiha xejn ħażin billi tgħannaq u tikkarezza lil persuna b’diżabilità. L-importanti li jkun hemm komunikazzjoni ċara u diretta fuq l-emozzjonijiet taż-żewġ persuni kkonċernati.

Fil-qasam tax-xogħol, hi ħaġa frustranti ħafna li aħna l-persuni b’diżabilità jkollna l-kwalifiċi kollha meħtieġa u ma nsibux xogħol għas-sempliċi raġuni li min iħaddem ma jemminx fina. Min-naħa tiegħi, nieħu kull opportunità biex nitkellem fuq id-diżabilita’. Fil-fatt ħloqt grupp fuq Facebook jismu ‘People with Cerebral Palsy in Malta’. Fih inqajjem kuxjenza fuq dawn is-suġġetti u oħrajn li jolqtu lilna direttament bħala nies b’diżabilità.

Is-saħħa mentali u persuni b’diżabilità. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan?

Nemmen li s-saħħa mentali tal-persuni b’diżabilità trid tkun kemm jista’ jkun dejjem fl-aħjar forma possibbli. Għax diġà hu piż kbir li wieħed iġorr il-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħu kuljum bil-konsegwenzi u l-kumplikazzjonijiet kollha li dawn iġibu magħhom. Għalija li nkun mentalment b’saħħti hi xi ħaġa li ma nistax ngħaddi mingħajrha għax inkella ma nkunx nista’ nkampa mal-ostakli tad-diżabilità. Apparti minn hekk, tgħallimt u qed nitgħallem kif it-toqol tal-ħajja ta’ kuljum naqsmu ma’ dawk il-persuni li jien nafda biex dan il-piż ma jagħlaqnix fija nnifsi biex nipprova nkun pożittiva.

Inkun korretta jekk ngħid li int persuna reliġjuża ħafna? X’differenza jagħmel dan il-fatt fil-ħajja ta’ kuljum tiegħek?

Jien ma ngħidx li jien persuna reliġjuża għax għalkemm nieħu sehem fil-quddies kważi kuljum, hemm xi affarijiet fil-knisja li jien ma naqbilx magħhom. Imma ngħid li jien persuna li nħaddan il-fidi Kattolika. Iva, għalija l-fidi f’Ġesù hi kollox, għax bil-fidi jien kapaċi ngħix din it-tbatija tad-diżabilità bit-tama u bi skop li din ma tkunx kollha għalxejn. Anzi nħoss li Alla jrid u għandu sejħa partikolari permezz tad-diżabilità u jridni nwassal imħabbtu permezz tal-istess diżabilità.

Taħseb li l-Knisja Kattolika għadha tħares u tirreferi għall-persuni b’diżabilità bħala “anġli” u “speċjali”?

Iva, sfortunatament din il-mentalità tal-‘anġli u speċjali’ ilha magħna minn meta twaqqfet id-Dar tal-Providenza. Diffiċli ħafna tneħħi din il-mentalità, l-aktar għaliex huma ftit dawk il-persuni b’diżabilità li jinvolvu ruħhom fi gruppi taż-żgħażagħ bħali, li hi ħasra għax kull persuna għandha x’toffri. Nixtieq nara aktar nies b’diżabilità jinvolvu ruħhom fil-knisja biex ngħaddu l-messaġġ li aħna mhux karità biss irridu imma għandna x’nagħtu ukoll.

Naf li int taħdem. X’inhu x-xogħol tiegħek? U kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek fid-dinja tax-xogħol?

Jien ilni naħdem għal dawn l-aħħar 4 snin bħala data inputer ma’ kumpanija privata. Ix-xogħol lili tani d-dinjità li jistħoqqli u fejn qabel kont nistħi u naħrab mill-mistoqsija meta jistaqsuni x’nagħmel, issa m’għadnix. Peresss li naħdem dejjem mid-dar, nixtieq li jkolli l-opportunità li niltaqa’ mal-impjegati wiċċ imb’wiċċ, imma overall għal qalbi ħafna li japprezzaw xogħli.

Lynn, ma nistax ma nsemmilekx il-ħbiberija speċjali li ċertament hija importanti ħafna għalik. Xi jfisser għalik David? X’differenza jagħmel f’ħajtek u x’jagħmel il-ħbiberija tagħkom speċjali?

Inħossni mbierka ħafna li għandi ħabib bħal David. Għandi ħafna ħbieb u kollha jgħinuni ħafna, min b’mod u min b’ieħor, imma David jispikka fosthom kollha. Konna ltqajna mill-grupp tal-LAND, grupp għall-persuni b’diżabilità biex jissoċjalizzaw u hu kien ġie magħna bħala volontier. Imbagħad sirna ħbieb tal-qalb madwar 4 snin ilu meta kont għaddejja minn żmien diffiċli. Minn dakinhar sal-lum dejjem sibtu hemm għalija. Għamilna minn kollox flimkien, morna l-Olanda u ħa ħsiebi hu, immorru weekend breaks, iniżżilni l-baħar waħdu eċċ eċċ.

Niftakar darba qalli, li hu jrid jgħinni nagħmel dak li nħoss ġewwa fija, imma li ma nkunx nista’ noħorġu fuq barra minħabba d-diżabilità. Għalija, David huwa ħija li m’għandix, tant għandna ħbiberija intima bejnietna li min ma jafx li David miżżewweġ jaħseb li qiegħdin flimkien! Daqshekk hi speċjali l-ħbiberija tagħna u nittama li tibqa’.

Għidilna ftit dwar il-kotba li ktibt s’issa. Minn fejn ġiet l-idea u l-ispirazzjoni għalihom? Hemm pjan għal ktieb ieħor?

Mela, l-ewwel ktieb tiegħi jismu ‘Namra’ hu ġabra tal-ħsibijiet u l-poeżiji tal-bidu nett tal-kitba tiegħi u t-tieni ktieb jismu ‘Tiżwiqa’. ‘Tiżwiqa’ jikkonsisti f’10 novelli qosra soċjo-reliġjużi. Kollox jispirani jien, l-aktar l-esperjenzi li ngħaddi minnhom jien u persuni viċin tiegħi. Issa bdejt nikteb rumanz, forsi nippubblikah ‘il quddiem.

Għandek xi ħolm li tixtieq twettaq?

Jien persuna li ngħix ġurnata b’ġurnata, kull opportunità li tħabbatli l-bieb neħodha, però ma nippjanax ħafna għal quddiem għax jekk ma jirnexxilix inwettaq dak li jkolli f’moħħi naqa’ ħażin ħafna. Li nixtieq li nerġa’ nsiefer u nagħmel aktar avventuri partikolarment ma’ David.

X’inhu l-aħħar messaġġ tiegħek?

Nixtieq nirringrazzjakom għax permezz ta’ din l-intervista erġajt skoprejt affarijiet fija nnifsi li kont insejt.

Lynn se tkun ukoll qed tikkontribwixxi b’mod regolari fuq skoperta.net!

Xi jfisser l-isem tal-grupp mużikali Skald? U x’hemm ippjanat għal din is-sena?

Xi jfisser l-isem tal-grupp mużikali Skald? U x’hemm ippjanat għal din is-sena?

Nitkellmu mal-membri tal-grupp mużikali Malti SKALD

Se tkunu qed ittellgħu żewġ kunċerti fi Spazju Kreattiv nhar il-Ġimgħa t-28 u s-Sibt id-29 ta’ Jannar. Kif wasaltu għall-pjan li ttellgħu dawn il-kunċerti? U x’għandhom jistennew mis-serata dawk li se jattendu?

Ġejna mistiedna biex intellgħu dan il-kunċert minn Spazju Kreattiv. Kull membru kien ilu bix-xewqa li jdoqq fi Spazju Kreattiv għal żmien twil. Il-post huwa wieħed intimu u laqa’ diversi passjonijiet artistiċi u xogħlijiet teatrali differenti bħal reċti, kunċerti u pantomimi. Ma naħsibx li qatt kellna l-opportunità li ndoqqu f’sala ċirkolari fejn l-ispettaklu jingħata ċ-ċentru tal-attenzjoni b’mod mhux biss figurattiv iżda letterali. Iddedikajna ħafna ġimgħat ta’ prattika akkost tar-restrizzjonijiet u intoppi li esperjenzajna minnħabba l-pandemija. Għandkom tistennew tnedija ta’ xogħol ġdid minn Skald u wirja t’iżjed talenti lokali bħal m’huma ta’ Rea u Ċikku l-Poplu.

Xi jfissru dawn il-kunċerti għal Skald? U għalikom personali?

Nixtiequ li nżommu l-kuntatt mal-pubbliku f’dawn iż-żminijiet tant diffiċli għall-arti. Nerġgħu ntennu li kienet ilha x-xewqa li niġu milqugħa fil-palk ta’ dan it-teatru żgħir. Inħossu li l-atmosfera sferika mudlama se tkun ta’ benefiċċju għall-għan li nerġgħu nolqtu l-udjenza fil-qalb u l-laħam il-ħaj.

Tistgħu tiżvelaw xi ħaġa dwar il-kunċerti?

Se nkunu qiegħdin nużaw ‘props’ li jorbtu mas-sinifikat ta’ kull diska. Preparajna xogħol ġdid kif ukoll xogħol li diġà ssemma’ qabel. L-aħħar diski li nkitbu se jħejju d-direzzjoni għall-album li jmiss, dejjem jekk id-destin jippermetti.

Kif oriġina l-grupp mużikali SKALD? Kif ingħaqadtu u kif ġiet l-idea għall-isem?

Nixtiequ li nistgħu nirrakkuntawlek xi storja drammatika imma r-realtà hi li ma kellniex ħsieb li ningħaqdu għal tul ta’ żmien. Kien ġie avviċinat wieħed minna biex jgħaqqad grupp malajr ħalli ninterpretaw xi kitbiet ta’ Dun Karm Psaila u ġejna mitlubin nipprovdu isem ta’ band biex ikun jista’ jiġi inkluż fil-programm ta’ dakinhar.

Diġà ma konniex komdi bil-ħin li kellna għall-prattika allura ħriġna b’wieħed ta’ malajr, “Skald”. Ma kellu l-ebda sinifikat ħlief li konna qed indoqqu f’garaxx mimli injam u wieħed kellu joqgħod attent ma jdaħħalx skalda f’subgħajh.

Ftit wara sirna nafu li b’kumbinazzjoni, il-kelma ‘skald’ għandha sinifikat fl-Iskandinavja fejn kienet tiddeskrivi mużiċist jew għannej li kien jirrakkonta poeżiji fuq l-istejjer erojċi ta’ xi persuna.

Koinċidentalment, din kienet r-raġuni għaliex iltqajna, biex indoqqu poeżiji ta’ Dun Karm li fosthom kienu jfaħħru personaġġi bħal Mikiel Anton Vassalli. Meta eventwalment iddeċidejna nkomplu, żammejna l-isem.

Ġeneralment, minn fejn tkun ispirata l-mużika tagħkom?

Hija wisq varjata biex inpoġġuha f’qoffa waħda. Hemm diski li damu ġimgħat biex inkitbu. Hemm diski fejn il-maġġorparti tax-xogħol ikun tlesta waqt estru fis-sagħtejn ta’ filgħodu mill-kantant. Hemm diski li ġew maħsuba fis-sewqan lejn id-dar waqt li konna mwaħħlin fit-traffiku.

L-ispirazzjoni tiġi minn kullimkien. Esperjenzi personali, l-ambjent, l-istorja Maltija, il-letteratura, il-lingwa u anki xogħol artistiku. Il-kitba wkoll tista’ tiġi minn kull wieħed minna.

X’messaġġ tippruvaw twasslu permezz tal-mużika tagħkom?

Kull diska hija differenti imma fl-aħħar mill-aħħar, naħsbu li kollox jorbot mat-tama. Jekk nirrakkuntaw xi storja daqsxejn kiefra, hija dejjem bl-intenzjoni li ma jiġix ripetut l-iżball.

Liema tqisu li kienu l-isbaħ mumenti ta’ Skald s’issa?

Wieħed mill-akbar mumenti ta’ tferfir kien meta ġejna mwiegħda sapport biex naħdmu u eventwalment invaraw l-ewwel album tagħna. Ma nistgħux nenfasizzaw biżżejjed kemm hu diffiċli tipproduċi album u kemm hemm bżonn paċenzja, dedikazzjoni u investiment qawwi biex iseħħ kollox.

L-istess tferfir reġa’ tfaċċa meta ġietna l-opportunità li ndoqqu l-Portugal flimkien. Hija wisq sabiħa u t’unur li tkun tista’ tagħti wirja ta’ mużika Maltija ‘l barra minn xtutna.

Mument ieħor li jibqa’ ankrat fil-memorja hu l-kunċert li rrekordjajna ġewwa l-Manoel, Skaldatura. Kellna l-opportunità li npoġġu xogħlijiet tagħna maġenb dawk ta’ Trevor Zahra taħt l-istess bozza. Minħabba l-pandemija, ma setax ikollna udjenza preżenti, iżda jekk hemm post wieħed f’Malta fejn artist għandu jdoqq f’post baħħ bil-qalb kollha, dak il-post huwa l-Manoel. Il-maesta tat-teatru kienet l-unika spettatriċi tagħna, u kien privileġġ li ndoqqu għaliha.

Tħossu li l-mużika Maltija hija apprezzata biżżejjed?

Kunfidenti ngħidu li s-sitwazzjoni sejra għall-aħjar. Kien hemm żmien fejn il-Malti ma kienx ikollu lanqas ċans imiss mar-radju popolari. Illum il-ġurnata, l-affarijiet inbidlu. Hemm ħafna iżjed gruppi li jkantaw bil-Malti. Hemm ħafna iżjed kittieba li jiktbu bil-Malti. Hemm kunċerti ferm akbar bħal mhu dak ta’ Mużika Mużika. Hemm opportunitajiet biex tirbaħ investiment għal kontribuzzjoni kulturali bħal mhu album bil-Malti jew filmat mużikali ta’ diska Maltija. Hemm artisti li huma diġà stabbiliti li qiegħdin joħorġu u jipproduċu iżjed mużika bil-Malti. Mexjin ‘il quddiem.

Liema mill-kanzunetti li ħriġtu s’issa tħossu li ħalliet impatt l-aktar?

Probabbilment hija Kura peress li kienet il-kavallier fuq quddiem tal-album tagħna. Hija l-iżjed diska minn tagħna li nstemgħet fuq radju, YouTube u anki Spotify. Kura hija diska pjuttost sempliċi li tittratta fuq tradiment romantiku. Madanakollu, dan hu suġġett li jolqot ħafna nies. Anki min m’għaddiex minnha kapaċi jifhem il-kuntest u jpoġġi ruħu fl-istess sitwazzjoni.

Għandkom xi pjanijiet oħra għax-xhur li ġejjin?

Hemm lok li naqgħu ftit kwieti immedjatament wara l-kunċert ġewwa Spazju Kreattiv minnħabba li hemm xi membri għandhom bżonn jiffukaw fuq il-ħajja personali. Iżda malli joqrob is-sajf, ħa nkunu qed noħorġu mużika ġdida. Hija x-xewqa tagħna li terġa’ tiġi opportunità biex nipproduċu album ieħor. Din id-darba, il-kontenut jirrifletti iżjed ideat ġodda wara l-ewwel album Kura. Qed nesperimentaw bi strumenti u tekniki ġodda li se rrendu materjal li joħloq kuntrast ma’ dak li ħdimna fuqu s’issa.

X’messaġġ tixtiequ twasslu lil min qed jaqra din l-intervista?

Sabiex jinkiteb album, ikun hemm bżonn li numru ta’ mużiċisti jiltaqgħu regolarment għal żmien twil ħafna. Dan kollu mill-ħin personali tagħhom. Biex il-mużika toħroġ sabiħa, qed jintużaw strumenti li jiswew l-eluf. Biex jinkera studjo u jiġi rrekordjat, hemm bżonn ġranet sħaħ ta’ xogħol u iżjed eluf. Hemm bżonn flus biex jipproduċu d-diski, biex jiġu ppublikati onlajn u biex jiġu reklamati fuq midja soċjali. Hemm bżonn l-eluf biex jittella’ kunċert sabiex tikri post, tikri d-dawl, tikri l-makkinarju u tqabbad id-diversi inġiniera, ħaddiema u nies tekniċi biex jarmaw kollox.

Appoġġjaw l-artisti lokali bil-but. Hija inutli li wieħed igerger fuq in-nuqqas ta’ mużika Maltija jekk iqarras wiċċu meta jara li jrid joħroġ karta t’għaxar ewri biex jixtri CD jew jara kunċert. Kunu afu li fil-maġġor parti tad-drabi, il-mużika mhi trendi kważi xejn lill-artist, anzi, tipikament jiġri bil-kontra u jispiċċaw jinħarġu flus mill-but. Iċ-ċirkostanzi li ġabet magħha l-pandemija għamlet l-affarijiet ħafna iżjed diffiċli. L-affarijiet iggravaw u l-artisti lokali għandhom bżonn il-pubbliku iżjed minn qatt qabel.

Enable Notifications OK No thanks