Select Page
“Għaddiet sena… il-vojt inħossuh”

“Għaddiet sena… il-vojt inħossuh”

Joe Debono, magħruf iktar għall-karattru ta’ James Bondin f’Xarabank, għalaq sena li ħalliena.

Tanya, il-mara tiegħu, esprimiet il-vojt li qed jinħass mingħajru u kif jibqa’ fi ħsieb tagħha u ta’ ħafna persuni.

U hekk għaddiet sena….il-vojt inħossuh, u ħafna. Imma llum irrid niftakar fil-ħafna mumenti sbieħ li kellna.

Għamilt il-ġid kemm flaħt u sa l-aħħar, u l-imħabba li għad għandhom il-ħbieb tiegħek għalik, infirxet fuqna ukoll. F’ħafna mumenti l-ħsieb idur fuqek, f’mumenti ta’ deċiżjonijiet, imma l-aktar diffiċli huma l-mumenti sbieħ tal-familja li nixtieq naqsam miegħek! Cheers Ġuż!

BIL-FILMAT: X’inhu l-inkwatru li Peppi għandu malli tidħol għandu d-dar?

BIL-FILMAT: X’inhu l-inkwatru li Peppi għandu malli tidħol għandu d-dar?

Ftit żmien ilu, Tanya, il-mara ta’ Joe Debono ċemplet lil Peppi Azzopardi biex tagħtih xi ħaġa.

“Kien il-flokk li Joe Debono kien jilbes nhar ta’  Ġimgħa f’Xarabank meta kien jagħmilha ta’ James Bondin.”

Dan il-flokk Peppi għamlu f’inkwatru. “Jiġu mumenti meta ngħid ħa nneħħih minn hemm għaliex niftakar li Joe ma għadux magħna. Imbagħad jiġu mumenti ta’ ferħ għaliex niftakar f’kemm għamel ġid.”

Joe kien jgħidlu li mhux se jilħaqha Dar Bjorn 2 li hija residenza li tilqa’ nies b’mard newroloġiku. Kien jgħid, “L-importanti li tinfetaħ għaliex hemm ħafna nies li qed ibatu u għandhom bżonn.”

Allura nhar il-Ħadd bejn 12:00pm u 12:00am se tittella’ maratona ta’ ġbir ta’ fondi fuq l-istazzjonijiet kollha. “Intom se tkun hemm biex twieġbu għas-sejħa ta’ Joe Debono,” itemm jgħid Peppi.

Log in or sign up to view

See posts, photos and more on Facebook.

M’għadnix nagħrafhom.. – Poeżija riflessiva minn Joe Debono

M’għadnix nagħrafhom.. – Poeżija riflessiva minn Joe Debono

Fuq il-profil ta’ Facebook tiegħu, Joe Debono, magħruf aktar bħala James Bondin qasam poeżija emozzjonali u riflessiva miktuba minnu stess dwar l-effetti li qed tikkawża fuqu u fuq ħajtu l-marda tal-ALS.

M’għadnix narafhom
M’għadnix narafhom dawn dirgħajja….
Li tant għannqu ħbieb tul is-snin
U taptpu kuraġġ fuq l-ispallejn
Li kaħħlu, u żebgħu u sammru f’injam
U sewwew fejn kien hemm għalfejn.
L-idejn li lagħbu tennis, subbuteo u darts
U għoddew tant flus u għamlu kontijiet
Li kitbu il-lottu bil-karta saħħara
U harbxu tant stejjer u ħsiebijiet
… Illum mejtin
M’għadnix narafhom dawn riġlejja….
Li ġrew wara l-ballun bil-ħeġġa,
U telgħu u niżlu slielem tul is-snin
Li qadfu b’saħħa biex gawdejt il-baħar
Li żifnu mal-kollegi f’xi festin
Li mxew fil-Vatikan u ħdejn l-Akropoli,
Li żżerżqu fuq silġ iebes tal-Islanda
U telgħu fuq l-Etna u l-Vesuvju
U daru mal-imtieħen tal-Olanda
…. Illum bla saħħa.
M’għadnix nagħrfu dan leħni…
Li tant tkellem ma nies bil-kelma t-tajba
U spjega tant prinċipji, ħfief u tqal,
Li qara, rrexta u drabi ukoll kanta
U daħħaq ħafna nies, il-kbar u t-tfal.
Li irrakkonta fatti mill-Istorja,
Imħallta ma xi leġġenda Maltija
B’ilsna barranin biex min iżurna,
igawdi ta’ pajjiżna is-sbuħija
…. Illum imkarkar.
Qed nagħraf biss dan moħħi…
Li għadu joħloq u jtini l-idejat,
Li kif jitwieldu ituni l-enerġija.
U li b’għajnejja jħaddem il-kompjuter
biex bih nesprimi li għaddej ġo fija.
Dal-moħħ li jġedded il-memorji
U jġib tifkiriet sbieħ quddiem għajnejja,
li jgħini nifhem din il-kundizzjoni,
U li ħajti inbidlet iżda għada għaddejja
…. U jwennisni.
Joseph Debono
21.04.21

M

“Jien għadni nemmen li l-ħajja sabiħa” – Joseph Debono

“Jien għadni nemmen li l-ħajja sabiħa” – Joseph Debono

Nitkellmu ma’ Joseph Debono

Joseph, ftit ġimgħat ilu żvelajt pubblikament li għandek l-ALS. X’wasslek biex taqsam l-istorja tiegħek pubblikament?

Huwa n-natural tiegħi li nitkellem u nikkomunika. U ħassejt ukoll li b’hekk stajt ngħin lil Bjorn fil-ġbir ta’ fondi, u lil oħrajn bħali li għandhom ALS. Barra minn hekk ma narax għalfejn għandi naħbi l-kundizzjoni.

Wara l-ewwel reazzjonijiet ovvji kif sirt taf li għandek din il-marda, x’kienu l-ewwel ħsibijiet tiegħek sabiex b’xi mod tkompli għaddej b’ħajtek kif tista’?

L-ewwel ħsieb kien li ma xtaqtx inkun ta’ piż fuq ħadd. Imbagħad mill-ewwel bdejt naħseb għal tibdil fid-dar biex innaqqas it-tbatija u l-periklu, pereżempju bħal sodda isfel biex nevita t-taraġ.

Huwa proċess twil biex wieħed jaċċetta u jadatta għal realtà kompletament differenti milli jkun imdorri jgħix fiha. Minn fejn iġġib id-determinazzjoni għal dan?

Li taċċetta s-sitwazzjoni l-ġdida hija kruċjali. Ladarba aċċettajtha stajt ukoll naħseb f’soluzzjonijiet. Id-determinazzjoni tiġi wkoll bl-għajnuna tal-mara u tal-familja, u tal-kuraġġ u l-pariri ta’ Bjorn.

X’kienet ir-reazzjoni tiegħek għar-rispons tan-nies wara li tkellimt pubblikament? Kont qed tistenna rispons bħal dak?

Emozzjoni kbira. Għamilt tlett ijiem nibki, naqra l-messaġġi sbieħ li rċevejt. U kważi ma weġibt lil ħadd daqs kemm kien hemm. Xi wħud minnhom weġibthom ħafna wara. Stennejt rispons, imma mhux daqshekk. Kellmuni ħbieb li kont ilni ma nkellimhom snin, u ħafna nies oħra li ma nafhomx. Is-solidarjetà li ħassejt ferħitni mhux ftit.

Liema huma l-akbar sfidi li qed tiffaċja bħalissa? U x’inhi l-akbar biża’ tiegħek?

L-isfidi huma l-ħin kollu. Kollox sar diffiċli. L-ikbar sfidi bħalissa huma ż-żewġ tarġiet ta’ quddiem il-bieb, u li minħabba fihom qed nibża noħroġ, u bil-lejl, l-irqad sar ikkumplikat. L-akbar biża bħalissa hi li ma nkunx nista’ nitkellem ċar.

L-ALS biddlitlek il-perspettiva ta’ kif tħares lejn il-ħajja?

Mhux eżatt. Jien għadni nemmen li l-ħajja sabiħa, u li huwa sabiħ li titkellem u taqsam ma’ oħrajn. Il-perspettiva nbidlet lejn il-possessjonijiet. Illum inħoss li kull ma fadalli li huma tassew tiegħi huma moħħi u ħalqi, għax fuq dawk biss għandi kontroll.

X’differenza għamel u għadu jagħmel Bjorn fil-ħajja tiegħek?

Differenza kbira. L-ewwelnett bil-kuraġġ li tani, u għadu jtini kull meta nkellmu. Bjorn, kif isemmilu problema, mill-ewwel jaħseb fis-soluzzjoni, u f’salt wieħed, il-problema ma tibqax tbeżżgħek. Bjorn tani wkoll għajnuna materjali bħas-sodda, u l-apparat li bih inħaddem il-kompjuter b’għajnejja.

Kemm huma importanti l-irwoli ta’ dawk l-aktar qrib tiegħek f’ħajtek?

Vitali. Il-mara tiegħi Tanya l-aktar. Illum niddependi kważi għal kollox fuqha. Il-ħin kollu. Inħossni ħarbattilha ħajjitha. U ma nistax nirringrazzjaha biżżejjed. Ibni Peter li jgħix magħna u li wkoll jgħini ħafna. Imbagħad hemm ħuti li jiġu malli jkolli bżonn.

Joseph flimkien mal-familja tiegħu

L-għajnuna fiżika hi essenzjali, iżda xi ngħidu dwar għajnuna psikoloġika? Int personali, f’liema mumenti ħassejt il-bżonn li tfittex l-għajnuna minn dan l-aspett ukoll? Tħoss li saret differenza permezz ta’ din l-għajnuna?

Bjorn offrieli servizz ta’ counsellor. Sibtu ta’ għajnuna kbira. Ma’ Etienne mill-ewwel sibtni komdu nitkellem. Jien għandi tendenza nhewden u naħseb ħafna, l-aktar bil-lejl. Ma’ Etienne, dan it-thewdin, li jista jtaqqalna, jirnexxili nitkellem dwaru. Mhux il-ħażin biss. Nikellmu wkoll dwar ħafna esperjenzi sbieħ. Tajjeb ngħid ukoll li jien involut f’attivitajiet, bħalissa virtwali, li għenuni nibqa attiv mentalment.

Huma ħafna li minkejja li jkollhom intenzjonijiet tajba u ġenwini, ma jkunux jafu kif għandhom jaġixxu f’sitwazzjonijiet bħal dawn. X’messaġġ tgħaddi lill-persuni li għandhom lil xi ħadd qrib tagħhom li qed jikkumbatti ma’ din il-marda?

Ma jibżgħux ikellmuhom. Ħafna jibżgħu li ma jkunux jafu x’se jgħidu. Ma jimpurtax, il-persuna turik kemm trid titkellem. U ħaġa oħra. Offru l-għajnuna, imma tisfurzawhomx iżżejjed. Ħalluhom jiddeċiedu huma. Il-kapaċità mentali tagħhom ħafna drabi tkun għadha tajba.

U x’messaġġ tgħaddi lil min għadu kemm isir jaf jew għad irid isir jaf li għandu din il-marda?

Kif issir taf, daqqa iebsa ħafna. Jien tgħidx kemm bkejt. Imma mbagħad trid tibda t-triq biex taċċetta s-sitwazzjoni. Malli taċċettaha, tkun tista’ tibda taħseb dwar soluzzjonijiet. U tiddejjaqx titkellem dwar il-kundizzjoni. Meta titkellem tinduna li m’intix waħdek.

Kieku kellek tmur lura fiż-żmien tbiddel xi ħaġa minn dak kollu li għamilt?

Ma rridx ninstema prużuntuż, għamilt żbalji f’ħajti. Imma l-ħajja mhux hekk? Kollox ma’ kollox jien għext ħajja sabiħa, u kelli ħafna esperjenzi interessanti. Allura kuntent b’dak li għamilt f’ħajti.

Il-karattru ta’ James Bondin.

James Bondin kien wieħed minn dawn l-esperjenzi sbieħ. Għal tlettax-il sena għext mumenti b’karattru differenti li laqqgħani ma ħafna nies, u hemm ħafna oħrajn li jafuni mit-TV u qatt ma ltqajt magħhom. Kważi kollha jitkellmu tajjeb dwar James Bondin. U speċjalment fil-bidu, l-esperjenza live f’Xarabank kienet ta’ sodisfazzjon kbir.

Għadha teżisti l-komiċità f’Joseph?

Iva ta. Ikolli mumenti tad-daħk ukoll minħabba l-kundizzjoni tiegħi. Ukoll meta nara l-aħbarijiet, jgħadduli ħafna ħsiebijiet satiriċi. Għandi bżonn nerġa’ nibda niktibhom.

Żewġt ipraspar ħelwin li għamilt f’ħajtek.

Waħda minnhom meta żżewwiġna, meta morna għal qamar il-għasel il-Kanada. Minħabba l-maltemp, l-ajruplan ma setax jinżel Toronto u ħaduna Cħicago għal lejl. L-għada filgħodu, x’ħin ġiet ir-rappreżentanta tal-linja tal-ajru, diġà kont inkwetat li konna tard għat-titjira tal-11.00 u ħtaftha ftit. Imma hi qaltli “Relax. It is still 9.00 O’clock!” Ma kontx indunajt li bejn Toronto u Chicago ridt immexxi l-arloġġ siegħa lura!

L-oħra, tmur iktar lura. Meta konna żgħar. Oħti sena akbar minni. Kellha pupa għal qalbha ħafna, b’xagħarha isfar, innukklat. Ma nafx x’fettilli, imma kont qtajtilha xagħarha! U darb’oħra pinġejtilha wiccha bil-biro, taparsi għandha l-ħożba. Oħti għadha tgħajjarni bihom sal-lum.

Ftit jiem ilu Joseph ippubblika wkoll ir-rumanz tiegħu iz-Ziju Manwel.

Enable Notifications OK No thanks