Tispikka x-xena bil-lingwa tas-sinjali fis-serje Maltija Jackpot 4

Tispikka x-xena bil-lingwa tas-sinjali fis-serje Maltija Jackpot 4

Fost ix-xeni li spikkaw l-aktar waqt l-episodju ta’ Jackpot 4 ta’ nhar l-Erbgħa li għadda, kienet dik ta’ bejn l-eks Prim Ministru Darren, interpretat minn Carlos Farrugia u Zachy interpretat minn Aiken Buhagiar.

Għalkemm xeni bħal dawn huma komuni f’sensiliet televiżivi barranin, sfortunatament ma nistgħux ngħidu l-istess għal dawk lokali.

Li attur jirnexxilu jinterpreta skript u jittrażmetti l-emozzjonijiet lis-segwaċi tirrifletti l-kapaċità tiegħu, iżda l-kapaċità toħroġ b’mod partikolari meta wieħed jagħmel dan permezz ta’ ħarsa jew espressjoni mingħajr ma jlissen kelma, jew f’dan il-każ, bil-lingwa tas-sinjali.

F’kuntatt li għamilna maż-żewġ atturi, Carlos Farrugia u Aiken Buhagiar, it-tnejn li huma qalulna li għalkemm kull xena tkun xi ftit jew wisq ta’ sfida, din ma kinitx xena faċli, mhux biss għall-fatt li kienet tirrikjedi l-lingwa tas-sinjali imma anki għax ix-xena kienet waħda intensiva.

Carlos qalilna li għalkemm kien diġà għamel xena bil-lingwa tas-sinjali darba, fuq il-palk, però ma kinitx intensiva daqs din.

Huwa spjegalna li ma kinitx sfida faċli anki għaliex minbarra li riedu jitgħallmu l-lingwa tas-sinjali, fil-każ tiegħu, kienet aktar, għall-fatt li l-karattru li qed jinterpreta Aiken, beda jikkomunika miegħu bis-sinjali biss, allura, mhux biss ried jistudja l-linji tiegħu iżda ried ukoll ikun ċert li jagħraf x’qed jgħid Aiken biex ikun jista’ jwieġbu.

Dan minbarra, li kif wieħed seta’ jinnota, il-karattru ta’ Carlos, beda jitkellem bil-mod u jċaqlaq ħafna ħalqu. Dan għaliex persuni neqsin mis-smigħ ifittxu wkoll li jaqraw ix-xufftejn.

Kienet xena interessanti ħafna, anki għax permezz ta’ hekk, qed inqajmu aktar kuxjenza dwar persuni neqsin mis-smigħ. Għalkemm illum il-ġurnata, anki mill-ftit esperjenza li ħadt biex ippreparajna għal din ix-xena, hawn aktar għarfien u mezzi. Il-midja saret aktar aċċessibbli, iżda qatt mhu biżżejjed.
Carlos Farrugia

F’isem Jackpot 4, Carlos irringrazzja wkoll lill-ħafna telespettaturi li jsegwu din is-serje.

Min-naħa tiegħu Aiken Buhagiar, qalilna li għalkemm mhix faċli li tirreċta bil-lingwa tas-sinjali iżda meta xi ħaġa tkun temmen fiha, tagħmilha bil-qalb u ma tinħassx daqshekk diffiċli.

Żied jgħid li dan il-karattru, jfisser ħafna għalih, anki għax qed jagħtih l-opportunità li jippromwovi l-lingwa tas-sinjali bit-tama li jħeġġeġ aktar nies biex jitgħallmuha ħalli min għandu nuqqas ta’ smigħ iħossu aktar integrat fis-soċjetà.

Hemm bżonn li aktar nies jitgħallmu l-lingwa tas-sinjali u jekk hemm bżonn, anki tiġi mgħallma fl-iskejjel biex persuna b’nuqqas ta’ smigħ tkun tista’ tikkomunika aktar u tkun taf aktar x’qed jiġri madwarha.
Aiken Buhagiar

Għamilna wkoll kuntatt mal-kittieb, direttur u produttur, Jason Zerafa u staqsejnih kif nibtet l-idea li jinkludi l-lingwa tas-sinjali u x’inhuma l-kummenti tiegħu dwar ix-xena ta’ nhar l-Erbgħa.

Jason Zerafa stqarr li kien ilu ħafna jhewden biex jikteb karattru hekk. Qalilna, li fil-verità xtaq jikteb karattru hekk f’Division 7 imma mbagħad iddeċieda li jħalli dan il-karattru għal serje ġdida.

Lil Aiken jien ilni nafu ħafna, mindu kien ċkejken u dejjem kelli soft spot għalih. Dejjem deher li se jkun attur li jipprometti. Qabel ma bdejt għal rasi b’DBA, kont ngħidlu li kif nibda nikteb l-istejjer tiegħi żgur se ninkludih fihom u li se nagħtih reċtar b’saħħtu u ta’ sfida x’jagħmel. F’Division 7 kien omosesswali u iffemminat u qaxxar il-parti u issa ridt nagħtih xi ħaġa naqra aktar ta’ sfida u għalhekk ktibt din il-parti. Fuq Carlos m’għandix ħafna xi ngħid onestament għax kull parti li kellu dejjem ħareġ lil kulħadd ta’ nies. Meta nagħti parti lil Carlos, tkun xi tkun il-parti, nafdah b’ għajnejja litteralment magħluqa. L-episodji issa dejjem qed jsiru aktar u aktar b’saħħithom, l-istorja qabdet tagħqad b’mod mgħaġġel u l-karattri qed jieħdu posthom sew fl-istorja. Ix-xena ta’ nhar l-Erbgħa ġiet għal qalbi immensament tant li meta rajtha magħquda għall-ewwel darba għand l-editur qabżitli demgħa
Jason Zerafa

Kemm Carlos u Aiken, kif ukoll Jason, enfasizzaw li din ix-xena ma kinitx tkun possibbli mingħajr l-għajnuna siewja ta’ Dorianne Callus, li għallmet liż-żewġ atturi l-lingwa tas-sinjali kif ukoll ċerti movimenti biex finalment ħareġ riżultat impekkabbli.

F’isem it-tim ta’ Skoperta, nirrikonoxxu u napprezzaw xogħol bħal dan, filwaqt li nħeġġu aktar kittieba jinkludu aktar xeni u karattri li jirrappreżentaw ir-realtà ta’ ħafna, li wara kollox jistgħu jkunu fost is-segwaċi, li huma tant importanti għal kull xogħol jittella’ u jitwassal.

“Ninsabu 3 episodji biss ‘il bogħod mit-tmiem tal-ewwel staġun ta’ Jackpot 4”

“Ninsabu 3 episodji biss ‘il bogħod mit-tmiem tal-ewwel staġun ta’ Jackpot 4”

Tliet episodji biss ‘il bogħod mill-ewwel staġun ta’ Jackpot 4, il-kittieb, direttur u produttur, Jason Zerafa qasam parti żgħira mill-vjaġġ li wassal għar-riżultat finali ta’ din is-serje, li kull episodju jħalli lis-segwaċi ħerqana għal li jmiss.

F’kitba fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, Jason Zerafa qal li din is-serje beda jiktibha ftit inqas minn sentejn ilu, u sena wara għaqqad crew, u grupp ta’ nies li ddeskrivihom bħala “eċċezzjonali”, li l-għan tagħhom kien li jaraw qabża kbira fix-xogħol tagħhom stess.

Kompla jgħid li flimkien ħadmu fuq ħafna affarijiet ġodda filwaqt li investew sigħat twal ta’ ppjanar biex f’kull settur, issir dik il-qabża li xtaqu. Dan kien jirrikjedi ġranet twal u ljieli ta’ filming, kif ukoll sagrifiċċji, mill-crew u mill-atturi, sakemm waslu għall-għeluq tal-filming tal-ewwel staġun ta’ Jackpot 4.

Hawn min lanqas jemmen meta ngħidulu li għamilna kważi sena biex iffilmjajna ħdax-il episodju, imma x-xogħol biex isir sew u ta’ kwalità jrid il-ħin, ħafna ħin! Hemm shots li aħna fix-xogħol tagħna nsejħulhom “one take”, ġieli ħadnihom aktar minn sittin darba sakemm ġew kif xtaqna imma mbagħad meta tara r-riżultati ta’ dawn ix-shots ma tistax ma tkunx kburi bix-xogħol tat-tim li tant jaħdem għal dak l-għan komuni.
Jason Zerafa

Filwaqt li qal li din l-industrija qed tikber f’Malta u hawn ħafna talent, Jason enfasizza dwar l-importanza li kulħadd jaħdem id f’id biex l-industrija tkompli miexja ‘l quddiem.

L-industrija tagħna qed tikber, hawn Malta hawn ħafna u ħafna talent li jien niltaqa’ miegħu ta’ kuljum u tajjeb li nibqgħu naħdmu kollha kemm aħna id f’id biex nibqgħu mmexxu l-prodott u l-industrija tagħna ‘l quddiem. Xi darba naslu fejn nixtiequ! F’Jackpot nista’ ngħid li ħdimt ma’ ftit mill-aqwa atturi f’Malta, ħdimt ma’ crew li bħali, jħobb jirriskja u jesperimenta b’affarjiet ġodda, ħdimt ma’ nies tal-ġenn. Kemm jien kuntent u kburi bikom kollha!!
Jason Zerafa

Fl-aħħar nett, huwa rringrazzja fost l-oħrajn, lill-istazzjon ONE, talli dejjem ma laqa’ x-xogħlijiet tagħhom u lill-iScreen Malta tal-għajnuna finanzjarja li tawhom sabiex ikun jista’ jseħħ dan il-proġett.

Grazzi Screen Malta tal-għajnuna li tajtuna finanzjarjament biex stajna ninvestu aktar ħin u reqqa f’xogħolna. Grazzi lill-istazzjon ONE li dejjem ilqajtuna b’idejkom miftuħin anki meta ħadd ma kien għadu jaf b’xogħolna u tajtuna l-ewwel opportunità b’DIVISION 7 u Gameover. Grazzi ikbar għaliex kulħadd jaf li x-xogħol tagħna dejjem ikun wieħed kontroversjali iżda l-istazzjon qatt ma’ pprova jwaqqafna jew jfixkilna f’xogħolna, anzi dejjem kien hemm, ta’ spalla għalina. Libertà tal-espressjoni mhux bil-kliem imma bil-fatti!! Grazzi
Jason Zerafa

Huwa rrangrazzja wkoll lill-crew u l-atturi kollha, kif ukoll lil dawk kollha li jsegwu u japprezzaw ix-xogħol tagħhom.

Ninsabu biss tlett episodji ‘il bogħod milli jintemm l-ewwel staġun ta’ dan s-serje u jien ninsab ċert li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar se jsir popolari magħkom it-telespettaturi. Ibqgħu fuq kliemi li din l-istorja għadha biss fil-bidu tagħha u li l-kbir għadu ġej.
Jason Zerafa

“Drama mexxejja mimlija b’karattri reali f’ċirkostanzi surreali” – Lawrence Buontempo dwar Jackpot 4

“Drama mexxejja mimlija b’karattri reali f’ċirkostanzi surreali” – Lawrence Buontempo dwar Jackpot 4

Inkomplu nitkellmu mal-atturi li se jkunu qed jinterpretaw karattri f’sensiliet ġodda!

Wara s-suċċess li kisbet il-kumpanija DBA Entertainment bis-sensiela popolari Division 7, issa se jkunu qed jeħduna fuq vjaġġ ġdid permezz tas-sensiela Jackpot 4.

Din id-darba jmiss lil Lawrence Buontempo, li se jkun qed jinterpreta l-parti tal-Prim Ministru Alex!

Fis-sensiela l-ġdida Jackpot 4, se tkun qed tinterpreta l-parti tal-Prim Ministru. X’tista’ tgħidilna dwar il-karattru tiegħu? X’tip ta’ Prim Ministru se jkun?

Bla dubju dan huwa wieħed mill-iktar karattri ta’ personalità li qatt interpretajt. Meta l-awtur tas-serje, Jason Zerafa, avviċinani biex naħdmu flimkien, ma tantx dar mal-lewża, qalli “Wenz, Alex huwa l-Prim Ministru u għaddej minn dawn il-problemi!”
Minnufih għedtlu, “Ejja ħa naħdmu Jas!”

Alex huwa Prim Ministru tal-poplu, li jħobb u jirrispetta lill-votanti u huma jirreċiprokaw billi jtellgħuh b’saħħa u qawwa.

Għandu karatteristiċi li huma simili għall-karattru reali tiegħek?

Li għandna simili għal xulxin hija l-imħabba lejn il-familja.

U x’għandu differenti?

Karatteristiċi li huma differenti għal Lawrence huma bosta, meta tqis li Alex għandu responsabbiltà ta’ pajjiż sħiħ fuq spallejh. Dawn iċ-ċirkostanzi, minkejja kemm wieħed ikun umli u onest, jafu jitolbu minnek bidla karatterjali minn fuq s’isfel. Biss però, bla dubju ta’ xejn huma dawn li nfittex meta naċċetta li naħdem fuq karattru. Alex tani naqra xogħol mhux ħażin.

X’jogħġbok l-aktar mill-karattru u xi jdejqek l-aktar?

Ma nħossnix komdu niġġudika karattru li nkun qed ninterpreta, fit-tajjeb jew fil-ħażin, Alex huwa magħġun b’laqta ta’ Lawrence. Qiegħed indur mal-lewża fil-verità, għax ma nistax ngħid wisq, jekk ma rridx nikxef mill-istorja.

X’inhi l-akbar sfida li sibt fl-interpretazzjoni ta’ dan il-karattru?

Fuq is-sett mal-kru ta’ DBA Ent u Brighter Image, dejjem nippreżenta ruħi bħala Alex. Jekk ma nagħmilx hekk inkun qed nonqos mir-rispett lejn l-atturi sħabi, għax jekk ma nkunx fil-karattru għal ħin twil, Alex ma nsibux. Mill-ġdid, MA NISTAX NIKXEF!!

Xi jfisser għalik li se tkun qed tinterpreta karattru ta’ Prim Ministru? Tagħmel differenza għalik personali li tinterpreta karattru ta’ kariga daqshekk għolja jew huwa sempliċiment karattru bħal kull wieħed li interpretajt s’issa?

Din hija mistoqsija li spiss nistaqsi anke lili nnifsi, però r-risposta li dejjem ġietni naturali hija li hawn Alex huwa raġel miżżewwġ ma’ mara li jħobb u b’żewġt itfal il-mimmi t’għajnejh. Se nidħlu ġewwa daru, se naraw minn wara l-kwinti, xi beżgħat u l-modi kif jiffaċċja sitwazzjonijiet mingħajr preċedent. Mumenti li juru din il-persuna x’karattru sod għandu, kemm huwa deċiż u mogħni b’paċenzja liema bħalha. Huwa Prim Ministru, allura kollox jiġi amplifikat għal elf darba!

Mingħajr ma tiżvela ħafna, hemm xi xena li żgur qatt mhu se tinsa? Għaliex?

Kull xena li kelli x-xorti naħdem fuq dan il-proġett huma għal qalbi. Minn sempliċi nitbaxxa biex niġbor bagalja, għal mumenti fejn kelli xi battibekk ma’ nies bħal Carlos Farrugia (Eks Prim Ministru Darren) jew Anthony Ellul (Varist).

Fadalli xena oħra x’niġbed u bla dubju dik hija l-iktar xena għal qalbi, għaliex mhux se ngħid naturalment!

Hemm xi karattru partikolari ieħor li taħseb li se jħalli impatt fuq it-telespettaturi?

Nemmen li l-qafas li bnejna bejnietna bejn il-familjari ta’ Alex, se nkunu qed inħallu impatt mat-telespettaturi. Għalhekk naħseb li iktar milli karattru wieħed, se npoġġi tlieta oħra f’daqqa, li komplew jgħinuni biex Alex jimtela b’ruħ li se tirrelataw miegħu minnufih. Louise, Kim u Steph huma l-qalb ta’ Jackpot 4.

Għaliex it-telespettaturi għandhom isegwu Jackpot 4?

Għandhom isegwu JP4 dawk it-telespettaturi li jħobbu drama mexxejja, mimlija karattri reali f’ċirkostanzi surreali, b’mumenti ta’ thriller politiku li ma tippermettix wisq ħin li tpoġġi bilqiegħda u tieħu nifs!

L-istorja ta’ Jackpot 4 se sseħħ minuta b’minuta quddiem għajnejn l-udjenza. Żomm sod, ara tlaqna!

Is-sensiela Jackpot 4 se tibda tixxandar minn nhar l-Erbgħa 28 ta’ Settembru, fid-21:00 fuq ONE TV.

Tasal fi tmiemha s-sensiela Division 7 – Kont issegwiha?

Tasal fi tmiemha s-sensiela Division 7 – Kont issegwiha?

Proprju ftit tal-ħin ilu xxandar l-aħħar episodju tas-sensiela Division 7.

F’dawn il-ħames snin li ilha għaddejja din is-sensiela konsistentament kienet waħda mill-aktar drama popolari u segwita f’pajjiżna. Dan minkejja li Division 7 ittratta diversi suġġetti kontroversjali li m’aħniex wisq imdorrijin niddiskutuhom, aktar u aktar li narawhom fuq sensiela televiżiva, fosthom l-eżorċiżmu, l-okkult u d-droga.

Matul il-ġurnata tal-lum, bosta atturi li kienu parti minn din il-produzzjoni esprimew l-emozzjonijiet tagħhom rigward il-vjaġġ tagħhom f’din is-sensiela. Filwaqt li wħud iddeskrivew is-sensiela Division 7 bħala waħda mill-aqwa li qatt kellna f’Malta, saħqu li l-esperjenza u l-karattru li interpretaw se jibqgħu mnaqqxin f’qalbhom.

Minkejja li l-vjaġġ ta’ Division 7 jieqaf hawn, ġie żvelat minn Jason Zerafa li se jkun hemm ħafna aktar proġetti minn DBA Enertainment, fil-fatt, bħalissa qiegħdin jaħdmu fuq produzzjoni oħra li se tibda tixxandar f’April li ġej.

Enable Notifications OK No thanks