Joseph Calleja jaqbel li jsir monument għar-Reġina f’Malta

Joseph Calleja jaqbel li jsir monument għar-Reġina f’Malta

Il-proposta li jsir monument iddedikat għar-Reġina Eliżabetta II f’Malta qajmet kontroversja f’dawn l-aħħar jiem.

Minbarra li pajjiżna kien għal qalb ir-Reġina, hija kienet ukoll għexet f’Villa Gwardamanġa bejn l-1949 u l-1951, meta l-Prinċep Philip kien stazzjonat f’Malta bħala uffiċjal tar-Royal Navy.

Uħud assolutament ma qablux mal-proposta, filwaqt li oħrajn jemmnu li l-monument li jagħti ġieħ lir-Reġina għandu jsir minħabba r-rabta li kellha ma’ pajjiżna.

Permezz ta’ post fuq Twitter, l-Ambaxxatur Kulturali għal Malta u t-tenur Malti Joseph Calleja esprima l-fehma tiegħu favur il-monument.

Huwa qal li r-Reġina Eliżabetta II kienet ġenwinament tħobb lil Malta, u li kważi l-maġġoranza assoluta tal-Maltin ħabbewha lura.

F’post ieħor fuq Twitter huwa qal li jifhem u jempatizza ma’ argumenti “kolonjali”, imma jkun xi jkun, Malta dejjem se jkollha relazzjoni speċjali mar-Renju Unit.

Bosta esprimew fehma totalment differenti fuq il-midja soċjali. Fost oħrajn, kien hemm min ikkummenta li jekk għandu jsir monument, isir għal persuni li għamlu ġid fis-soċjetà Maltija bla ma kisbu xejn lura, bħal Gilbert Simiana u qaddisin bħalu.

Filmat: Stenna Li Mhux Tistenna – Kanzunetta ddedikata lil Ramiro

Filmat: Stenna Li Mhux Tistenna – Kanzunetta ddedikata lil Ramiro

Stenna Li Mhux Tistenna, huwa t-titlu tal-kanzunetta oriġinali li l-grupp Kapitlu Tlettax f’kollaborazzjoni ma’ Janice Mangion, nedew proprju ftit tal-ħin ilu fuq il-mezzi tal-midja soċjali tagħhom. Din il-kanzunetta li għandha lirika ta’ Joseph Calleja u mużika ta’ Dwardu Ravelle, hija dedikazzjoni liż-żagħżugħ Ramiro Mallia li tilef ħajtu f’inċident mill-aktar traġiku, Marzu li għadda.

“Kien hemm il-ħsieb li naħdem fuq kanzunetta li titkellem dwar il-ġid li jagħmlu nies bħal Ramiro, iżda imbagħad kellmuni ħutu li xtaqu li nagħmlu xi ħaġa aktar speċifika b’dedikazzjoni għalih u kif tista’ tgħid le, meta għandek iċ-ċans tikteb dwar anġlu, persuna li tħares lejn l-interessi ta’ ħaddieħor qabel tagħha”, jgħid Joseph, l-awtur u l-protagonist ewlieni tal-grupp Kapitlu Tlettax dwar il-kanzunetta.

Apparti l-grupp Kapitlu Tlettax li huwa kompost minn Joseph Calleja, Dwardu Ravelle, Maria Cini u Digby, ġiet magħżula l-kantanta Janice Mangion biex tikkollabbora fuq dan il-proġett u dwar din l-għażla, Joseph jgħid li kien “ilni nsegwiha ftit mhux ħażin, għaliex apparti li hija artista brava u kapaċi għall-aħħar, kellna bżonn tip ta’ vuċi partikolari, waħda li tispikka għal ma’ din il-lirika.”

Min-naħa tagħha, Janice Mangion, il-kantawtriċi magħrufa għad-diversi kanzunetti oriġinali bil-Malti, riċentament ukoll finalista f’Mużika Mużika qalet li mill-ewwel aċċettat biex tkun parti minn dan il-proġett, “nemmen li Kapitlu Tlettax għandhom ħafna x’joffru lill-industrija tal-mużika lokali, u apparti minn hekk nemmen li l-messaġġ wara Stenna Li Mhux Tistenna huwa wieħed inkreddibli. Ramiro kien persuna unika ta’ vera, u l-memorja tiegħu tajjeb li nżommuha ħajja.”

Enable Notifications OK No thanks