Select Page
Filmat: Jade b’messaġġ lil missierha Janvil bħala sorpriża f’Jum il-Missier

Filmat: Jade b’messaġġ lil missierha Janvil bħala sorpriża f’Jum il-Missier

Il-kantanta Jade Vella, tgħaddi messaġġ lil missierha Janvil permezz ta’ filmat, bħala sorpriża f’Jum il-Missier.

Dan l-aħħar rajna lil Jade u lil Janvil jinterpretaw il-kanzunetta Binti, li ħadu wkoll sehem biha fil-festival Mużika Mużika. Kanzunetta li tirrapreżenta r-rabta ta’ bejn il-missier u bintu kif ukoll il-mument taż-żifna tal-missier u bintu fit-tieġ tagħha. Minkejja li tirrapreżenta r-relazzjoni u r-rabta ta’ Jade u Janvil, hija kanzunetta li jista’ jirrelata magħha kulħadd, u naturalment hija wkoll relatata ma’ dan il-jum partikolari.

Filmat: L-Isbaħ Fjura – Kanzunetta b’messaġġ għal Jum il-Missier minn Charlene Rae

Filmat: L-Isbaħ Fjura – Kanzunetta b’messaġġ għal Jum il-Missier minn Charlene Rae

Imwielda fil-belt ta’ New York ġewwa l-Istati Uniti tal-Amerka iżda residenti ġewwa r-raħal pittoresk ta’ Għajnsielem f’Għawdex, il-kantanta Charlene Rae għandha mħabba kbira lejn il-lingwa Maltija, kif ukoll lejn il-ġeneru ta’ mużika rock, tant hu hekk li tagħmel mill-aħjar li tista’ biex tamalgamhom flimkien. Dan kien il-punt tat-tluq għall-kanzunetta L-Isbaħ Fjura.

Fuq kompożizzjoni ta’ Glen Vella, lirika ta’ Emil Calleja Bayliss u produzzjoni ta’ Matteo Depares, L-Isbaħ Fjura hija kanzunetta oriġinali bil-Malti li Charlene Rae, permezz tal-paġni uffiċjali fuq Facebook u Instagram iddiskreviet bħala “personali, dedikazzjoni għal missieri, bniedem lli għalkemm ħalla ħafna swied ta’ qalb, tani ħafna kuraġġ tul ħajti”.

Ritratt minn Owlet Photography

L-għażla tad-data tat-tnedija tal-kanzunetta, il-Ġimgħa 18 ta’ Ġunju ma kinitx b’kumbinazzjoni iżda waħda bi ħsieb, għaliex hija l-aħħar ġurnata tal-ġimgħa qabel tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Jum il-Missier. Għaldaqstant, Charlene Rae flimkien mat-tim tagħha ħasbu li l-messaġġ ta’ din il-kanzunetta jista’ joffri wens lil dawk li tilfu lill-għażiż missierhom.

Il-kanzunetta L-Isbaħ Fjura, hija akkumpanjata minn vidjo ta’ lirika, maħdum minn Angie u Duane Laus ta’ Lava Graphics, fejn l-iskop hu li wieħed jifhem aktar r-relazzjoni bejn missier u bint, permezz tal-lirika mirquma bl-aktar mod sentimentali.

Il-kanzunetta L-Isbaħ Fjura hija disponibbli biex tindaqq jew tinxtara fuq il-pjattaformi ewlenin tal-mużika diġitali fosthom: Spotify, Deezer, Google Play, Amazon and iTunes grazzi għall-kumpanija tad-distribuzzjoni internazzjonali; CAP-Sounds.

Filmat: Għalik Missier – Kanzunetta ġdida minn Krista Šujak

Filmat: Għalik Missier – Kanzunetta ġdida minn Krista Šujak

Krista Šujak hija tfajla ta’ 13-il sena li ilha titgħallem il-vuċi mill-età ta’ 5 snin kif ukoll iddoqq il-pjanu. Matul l-aħħar sentejn, hija bdiet tinteressa ruħha fil-kitba u l-kompożizzjoni tal-mużika. Hekk kif bdiet il-pandemija f’Malta, Krista kitbet u kkomponiet kanzunetta bl-isem ta’ Hope li propju tirrelata mal-pandemija tal-Covid 19.


Matul l-aħħar sena, attendiet kors tal-produzzjoni u issa qiegħda tniedi l-ewwel kanzunetta tagħha bħala kantawtriċi bi produzzjoni tagħha stess ġewwa Šujak’s Recording Studio bl-isem ta’ Għalik Missier, bil-backing vocals tagħha stess wkoll.


Din il-kanzunetta hija ddedikata b’mod speċjali lil missirijiet kollha fl-okkażjoni ta’ Jum il-Missier li se jaħbat nħar il-Ħadd 20 ta’ Ġunju. Matul dawn l-aħħar xhur bejn skola u studju, Krista ħadmet fuq iktar materjal, kemm ‘covers’ u kemm kanzunetti oriġinali li beħsiebha toħroġhom fix-xhur li ġejjin.


Tistgħu ssegwu lil Krista fuq media soċjali bħal Facebook u Youtube kif ukoll Instagram u Sound cloud.

Enable Notifications    OK No thanks