Select Page
Novembru – Ix-xahar iddedikat għal aktar għarfien dwar saħħet ir-raġel

Novembru – Ix-xahar iddedikat għal aktar għarfien dwar saħħet ir-raġel

Bħalma f’Ottubru għandna l-Pink October, dan ix-xahar għandna l-Movember, fejn irġiel madwar id-dinja jħallu l-mustaċċi biex iqajmu kuxjenza u jinġabru fondi għas-saħħa tal-irġiel.

Novembru huwa x-xahar iddedikat għal aktar għarfien dwar is-saħħa tal-irġiel, speċifikament fuq il-kanċer tal-prostata, il-kanċer testikolari, is-saħħa mentali u prevenzjoni tas-suwiċidju.

Biex tkompli titqajjem il-kuxjenza dwar il-kanċer testikolari, huwa importanti li l-irġiel jagħtu każ ta’ xi boċċa, uġigħ fl-iskrotum t’isfel, toqol, jew akkumulazzjoni ta’ fluwidu fl-iskrotum, xi tip ta’ tkabbir tas-sider u nefħa f’wieħed mit-testikoli.

Fir-rigward tal-kanċer tal-prostata, m’hemm l-ebda mod faċli biex tittestja lilek innifsek fil-kumdità ta’ darek. Għalhekk kun żgur li tibbukkja appuntament għal viżti regolari għand it-tabib, ladarba tagħlaq it-30 sena.

Il-Movember iqajjem aktar għarfien ukoll dwar is-saħħa mentali u l-prevenzjoni tas-suwiċidju fl-irġiel. Huwa importanti li nagħtu importanza kbira lis-saħħa mentali għaliex hija għandha rwol essenzjali fil-benesseri ġenerali tagħna.

Inħeġġu lil dawk kollha li qed ibatu minn kwistjonijiet bħad-dipressjoni u disturbi ta’ ansjetà għal kundizzjonijiet bħall-iskiżofrenja jew id-disturb bipolari, biex iffitxu l-għajnuna u l-appoġġ.

Li tieħu ħsieb tiegħek innifsek huwa essenzjali. Tħallix aktar jiem jgħaddu. Ibda mil-lum!

It-tim ta’ Skoperta jħeġġek ukoll biex tkompli tgħin lil diversi għaqdiet li tant iqajmu kuxjenza u jgħinu fil-komunità tagħna, fosthom The Marigold Foundation u Richmond Foundation.

Bil-filmat: Keith jitkellem dwar kif Angele ħalliet impatt kbir fuqu

Bil-filmat: Keith jitkellem dwar kif Angele ħalliet impatt kbir fuqu

Wara l-istorja ta’ Angele Muscat, dalgħodu, Keith Demicoli qasam il-ħsibijiet tiegħu permezz ta’ filmat li tella’ fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ TVAM.

Fil-filmat, Keith stqarr li Angele Muscat, omm ta’ żewġt itfal żgħar, ta’ sentejn u nofs u 4 snin, li qed tgħix b’kanċer terminali, ħalliet impatt fuqu.

Huwa ddeskriva lil Angele bħala l-aktar mara pożittiva li qatt ra f’ħajtu. Irrefera wkoll għall-mument li staqsiha dwar jekk taħsibx fuq il-mewt u Angele weġbitu li ma taħsibx dwar il-mewt għaliex temmen li se tgħix.

U dan ġegħelni naħseb. Jekk Angele li għandha expirey date fuq ħajjitha taħseb b’dan il-mod, għaliex jien jekk jiġrili xi ħaġa ħażina, noqgħod nhewden u naħseb u noqgħod ngħid “imma għaliex jien?”
Keith Demicoli

Keith kompla jgħid li Angele hija eżempju ċar li kollox jiġi minn moħħna, u jekk nagħrfu naħsbu bħal Angele ħa nkunu kuntenti żgur, għax fejn il-piż li qed iġġorr Angele bħalissa, b’żewġt itfal u marida bil-kanċer, u tibqa’ pożittiva, anzi hi konvinta li l-pożittività xxerred il-pożittività.

Jekk naħsbu f’Angele, naħseb li din il-ġurnata, dan il-weekend, il-ġimgħa d-dieħla u l-kumplament ta’ ħajjitna, ikunu aħjar.
Keith Demicoli

Bil-filmat: “Naħsbu fil-pożittività u l-pożittività tiġi” – Angele Muscat

Bil-filmat: “Naħsbu fil-pożittività u l-pożittività tiġi” – Angele Muscat

Fil-ħajja niltaqgħu ma’ ħafna persuni li b’xi mod jew ieħor iħallu impatt fuqna u fuq ħajjitna, xi wħud aktar minn oħrajn.

Ċertament, Angele Muscat hija waħda minnhom. Angele Muscat kienet waħda mill-mistednin li Keith Demicoli kellu fuq is-sufan miegħu din il-ġimgħa, fl-istudjow ta’ TVAM.

Angele irrakkuntat meta t-tabib ta l-aħbar li l-kanċer, stadju 4, infirex ma’ ġisimha kollu. Dan ifisser li l-kanċer li għandha Angele ma jitfejjaqx iżda jsiru trattamenti biex is-sintomi jinżammu taħt kontroll. B’dan it-tagħrif f’moħħha, Angele qalet li staqsiet lit-tajbin kemm kien fadlilha ħajja, u kien proprju dakinhar li t-tabib qalilha li jekk it-trattament jirnexxi tista’ tgħix sa sentejn.

Irrakkontat li f’dak il-mument ħasset id-dinja taqa’ fuqha, partikolarment għaliex dak iż-żmien kellha t-tfal għadhom żgħar ħafna, tifel ta’ sena u nofs u t-tifla kienet se tagħlaq tliet snin. “Sentejn ma kinux biżżejjed għalija.”

Hija spjegat li minn meta skopriet id-dijanjosi sakemm bdiet it-trattament għaddew 6 ġimgħat, li kienu diffiċli ħafna għaliha. F’dak il-perjodu marret lura ħafna u spiċċat f’qiegħ ta’ sodda.

It-trattament ħadem tajjeb ħafna fuq Angele, madanakollu, lanqas kien perjodu faċli għaliex f’dak iż-żmien kellha tinfired minn mal-familja tagħha meta kellha tiffaċċja għażla bejn twaqqaf għal kollox l-attivitajiet ta’ kuljum tat-tfal tagħha minħabba xi mard li jistgħu jġibu u li jista’ jkollu konsegwenzi koroh fuqha jew inkella toħroġ hi mid-dar. Angele għażlet li toħroġ hi u marret toqgħod mal-ġenituri tagħha.

Stqarret li l-meditazzjoni għenitha ħafna u temmen f’possibilità u futur differenti għaliha. “Nemmen li jista’ jkun li ngħix aktar minn sentejn.” Fil-fatt, illum Angele mhux biss qed tħossha aħjar imma tħossha aktar aħjar minn qabel id-dijanjosi tagħha.

Impressjonanti huwa l-fatt li minn din l-esperjenza li Angele għaddejja minnha, iddeċidiet li tagħmel xi ħaġa biex tgħin lil ħaddieħor.

Angele għandha sit elettroniku, angelemuscat.com u permezz tal-esperjenza tagħha qed tagħmel differenza fil-ħajja ta’ persuni oħrajn.

L-akbar tagħlima li ħadet Angele minn dan il-vjaġġ diffiċli kienet li anki meta dak kollu ta’ madwarek, inkluż ġismek juruk li l-affarijiet huma ħżiena, jekk wieħed ibiddel il-perspettiva tiegħu u jemmen f’dik ir-realtà tista’ tiksibha.

Meta Keith staqsiha jekk taħsibx dwar il-mewt, Angele weġbitu li għalkemm ma tibżax mill-mewt, ma taħsibx dwarha, “għaliex inħoss li dik mhijiex ir-realtà tiegħi, ir-realtà tiegħi hija li ħa ngħix, ir-realtà tiegħi hija qiegħda nagħmel il-ġid, ir-realtà tiegħi hija li qed ngħix ħajja kuntenta, allura le, dik il-parti ma naħseb fiha xejn.”

Marlyne Barrett ta’ Chicago Med tiżvela li għaddejja mill-battalja tal-kanċer

Marlyne Barrett ta’ Chicago Med tiżvela li għaddejja mill-battalja tal-kanċer

Dawk kollha li jsegwu s-serje medika Amerikana Chicago Med, żgur li jiftakru x-xeni emozzjonali li l-attriċi Marlyne Barrett iffilmjat fl-2019 meta l-karattru tagħha, l-infermiera Maggie Lockwood, kienet qed tiġġieled il-kanċer tas-sider.

Madankollu, dak li l-istilla ma żvelata s’issa huwa li kienet qed tiffaċċja battalja tal-kanċer hija stess fil-ħajja reali tagħha, minn meta t-tobba skoprew li għandha tumur fl-utru u l-ovarji, f’Lulju.

F’intervista, Marlyne Barrett, l-attriċi ta’ 44 sena, li għandha tewmin ta’ 11-il xahar, qalet li għalkemm hi persuna estremament privata, ħasset ir-responsabbiltà li tiżvela l-istorja tagħha pubblikament.

Meta l-karattru tiegħi għadda mill-kanċer tas-sider, kelli baħar ta’ nies jikkuntattjawni permezz tal-midja soċjali. Għamluli kuraġġ, u għalhekk ħassejt sens ta’ inevitabbiltà li nagħmel dan.

Marlyne Barrett

Barrett, li hija magħrufa wkoll għar-rwol tagħha f’The Wire, tgħid li tittama wkoll li tispira lil oħrajn biex jaqsmu l-veritajiet koroh jew skomdi tagħhom.

Aħna bħala bnedmin nibżgħu ħafna niffaċċjaw il-mortalità tal-ħajja jew saħansitra nlissnu l-kelma “kanċer”, imma għandna ħafna aktar saħħa ġewwa fina milli naħsbu.
Marlyne Barrett

Minkejja l-biżgħat tagħha, hekk kif it-tobba infurmawha li kellha bżonn kimoterapija “aggressiva” qabel eventwalment tagħmel l-isterektomija, kienet konxja li kienet se titlef xagħarha u ħasset li kellha tiffaċċja dan il-mument billi ma tagħtix is-setgħa lill-kimoterapija.

“Xagħri dejjem kien essenza tas-sbuħija, imma ddeċidejt li nqaxxru jien stess u quddiem uliedi biex jaraw li għadni l-istess mamà tagħhom. Bkejt ħafna imma kienet esperjenza sabiħa li għamiltha quddiemhom,” irrakkuntat l-attriċi ta’ Chicago Med.

Minbarra s-sapport u l-imħabba tar-raġel tagħha, Barrett esprimiet il-gratitudni tagħha għas-sapport li tingħata mill-kast u l-kru ta’ Chicago Med, saħansitra, bid-dmugħ f’għajnejha qalet li anki kien hemm xi wħud li qaxxru xagħarhom b’turija ta’ sapport lejha.

L-attriċi, li xorta waħda baqgħet għaddejja b’xogħolha, qalet li x-xogħol iġibilha ħafna ferħ bħalissa, u jagħtiha wkoll serħan għall-fatt li taħseb fuq xi ħaġa oħra u mhux biss dwar meta hi s-sessjoni tal-kimoterapija li jmiss jew kif se tgħannaq lil uliedha.

Issa, hekk kif qed tipprepara għat-tielet rawnd ta’ kimoterapija, Barrett tgħid li qed teħodha ġurnata b’ġurnata.

“Insib is-saħħa biex inkompli kuljum minħabba wliedi. Irrid narahom jiżżewġu xi darba. U se jirnexxili,” żiedet tgħid l-istilla ta’ Chicago Med.

“Wara x-xita dejjem titfaċċa l-qawsalla. Kunu b’saħħitkom u komplu agħmlu dak li tħobbu”

“Wara x-xita dejjem titfaċċa l-qawsalla. Kunu b’saħħitkom u komplu agħmlu dak li tħobbu”

Il-Maestro popolari u maħbub Aurelio Belli, li bħalissa għaddej mill-battalja tal-kanċer, wassal messaġġ ta’ ispirazzjoni fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu.

“Naf li hi ta’ wġigħ u għeja, imma rridu nkunu u nibqgħu b’saħħitna.

Fil-messaġġ tiegħu huwa qal li bħalissa jista’ jkun maltemp, iżda ma tistax tibqa’ nieżla x-xita għal dejjem.

“Wara x-xita, dejjem titfaċċa l-qawsalla. U l-ferħ wara l-uġigħ. Kunu b’saħħithom u kuraġġużi. Komplu agħmlu dak li tħobbu.”

F’kuntatt li għamilna mal-Maestro qalilna li hu jemmen ħafna f’Alla u jipprova jkun ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor bit-tama li min ikun għaddej minn sitwazzjoni simili, iħossu aktar b’saħħtu.

Fil-fatt, din mhijiex l-ewwel darba li l-Maestro Belli tkellem pubblikament dwar dak li għaddej minnu, u evidentament, jirnexxilu jwettaq l-għan tiegħu, li jkun ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor, b’mod tajjeb ħafna.

Dan juri fir-rispons ta’ sapport u mimli mħabba li jirċievi kull meta jitkellem dwar dak li għaddej minnu.

Lil hinn mill-kliem, u l-midja soċjali, il-Maestro Belli, l-imħabba tiegħu għall-ħajja tirrifletti fil-passjoni tiegħu għall-mużika u f’dak kollu u dawk kollha li jħobb, minkejja kull sfida li jista’ jkollu.

Nawguraw lil Maestro Aurelio Belli s-saħħa biex ikompli jittrasmetti aktar pożittività u jagħmel dak li jħobb.

Enable Notifications OK No thanks