Select Page
Peppa Pig: L-ewwel koppja tal-istess sess għall-programm tat-tfal

Peppa Pig: L-ewwel koppja tal-istess sess għall-programm tat-tfal

Il-karattru ta’ Peppa Pig huwa bla dubju wieħed mill-aktar annimali tal-kartuns popolari u maħbuba fid-dinja, inkluż f’pajjiżna.

Forsi mhux ta’ b’xejn, allura, li d-deċiżjoni tal-programm li jintroduċi l-ewwel koppja tiegħu tal-istess sess qajmet kontroversja.

Waqt episodju bl-isem ta’ Familji, li xxandar għall-ewwel darba nhar it-Tlieta fuq Channel 5 fir-Renju Unit, fejn isir Peppa Pig, il-karattru eponimu ġie introdott lill-ommijiet ta’ Penny Polar Bear.

Waqt li tpinġi ritratt tal-familja tagħha, Penny spjegat: “Ngħix mal-mummy tiegħi u mal-mummy l-oħra tiegħi. Mummy waħda hija tabib u mummy waħda issajjar l-ispagetti.”

Il-programm, maħluq mill-animaturi Ingliżi Mark Baker u Neville Astley, ilu għaddej mill-2004. Din hija l-ewwel darba fl-istorja tiegħu ta’ 18-il sena li dehret koppja tal-istess sess.

Dan seħħ sentejn wara li nħolqot petizzjoni fuq websajt ibbażata fl-Istati Uniti, li titlob “familja ta’ ġenitur tal-istess sess fuq Peppa Pig”. Hija ġabret kważi 24,000 firma.

L-argument ta’ min ħoloq il-petizzjoni kien li t-tfal li jaraw Peppa Pig ikunu f’età li faċli jimpressjonaw ruħhom. “L-esklużjoni tal-familji tal-istess sess se tgħallimhom li l-familji b’ġenitur wieħed jew b’żewġ ġenituri ta’ sess differenti huma biss normali.”

Robbie de Santos, direttur tal-komunikazzjonijiet u l-affarijiet esterni fl-għaqda tal-karità tad-drittijiet tal-LGBT Stonewall qal li ħafna minn dawk li jaraw il-programm għandhom żewġ ommijiet jew żewġ missirijiet huma stess u se jkun ifisser ħafna għall-ġenituri u t-tfal li l-esperjenzi tagħhom qed jiġu rappreżentati fuq programm daqshekk ikoniku għat-tfal.

M’għandniex xi ngħidu, din id-deċiżjoni qajmet kontroversja bejn dawk li jaqblu u dawk li assolutament ma jaqblux.

Int x’taħseb dwar dan? X’inhi l-opinjoni tiegħek?

Malti joħloq karattru għas-serje l-ġdida ta’ The Lord of the Rings

Malti joħloq karattru għas-serje l-ġdida ta’ The Lord of the Rings

Il-make up artist Malti Henry Galea ħoloq karattru għas-serje l-ġdida The Lord of the Rings Trilogy: The Rings of Power.

Il-karattru li ħoloq Henry jissejjaħ Orc.

L-ewwel żewġ episodji li xxandru fuq Amazon Prime nhar il-Ġimgħa t-2 ta’ Settembru, ġew segwiti minn aktar minn 25 miljun telespettatur fl-ewwel 24 siegħa.

Fuq il-midja soċjali tiegħu, Henry Galea qal li dan huwa mument li qatt mhu se jinsa.

Henry Galea, beda bħala influencer, u aktar tard bħala Tiktoker irnexxielu jilħaq 7 miljun segwaċi.

Illum, qed jgħix il-ħolma li dejjem kellu, għaliex minbarra li jagħmel l-irtokk lil bosta ċelebritajiet, il-kreazzjonijiet uniċi u partikolari tiegħu jiġbdu l-attenzjoni ta’ miljuni ta’ nies madwar id-dinja.

Imut l-attur ta’ Goodfellas u Law & Order Paul Sorvino

Imut l-attur ta’ Goodfellas u Law & Order Paul Sorvino

L-attur Amerikan Paul Sorvino, magħruf l-aktar għall-interpretazzjoni ta’ Paulie Cicero fil-film klassiku Goodfellas tal-1990, miet fl-età ta’ 83 sena.

Roger Neal, il-pubblikatur tiegħu, qal li miet b’kawżi naturali fid-dar tiegħu fl-Indiana.

Matul karriera fil-films u fit-televiżjoni li bdiet fl-1970, l-attur nominat għat-Tony Award kien magħruf l-aktar għall-interpretazzjonijiet tiegħu ta’ karattri ta’ pulizija u gangsters.

Imwieled fi Brooklyn fl-1939, Sorvino, li ommu kienet għalliema tal-pjanu, beda l-karriera tiegħu fil-qasam tal-ispettaklu bil-musical “Bajour” fl-1964.

Erba’ snin wara, deher fl-ewwel film tiegħu fl-1970 “Where’s Poppa?”.

Fl-għexieren ta’ snin ta’ wara, Sorvino, sar ikona taċ-ċinema tal-Istati Uniti, huwa deher flimkien ma’ Al Pacino f’“The Panic in Needle Park” tal-1971 u James Caan li miet reċentement fl-1974” il-Lagħbatur”.

L-iktar rwol li jibqa’ mfakkar għalih kien dak tal-1990 f’“Goodfellas” ta’ Martin Scorcese, li fih interpreta lil Paul Cicero. Il-karattru kien ispirat minn kriminal tal-ħajja reali bbażat fi Brooklyn Paul Vario.

Dak ir-rwol, flimkien ma’ għexieren ta’ episodji ta’ “Law & Order”, wassluh biex jibqa’ magħruf bħala kriminal jew pulizija f’għajnejn ħafna telespettaturi.

Sorvino ħadem f’aktar minn 50 film u għexieren ta’ serje televiżivi. Minkejja li kien qed ibati minn diffikultajiet f’saħħtu aktar ma beda jikber, huwa kellu l-aħħar żewġ rwoli tiegħu, bħala politiku korrott u bħala kap tal-familja tal-kriminalità Luciano fl-2019.

Sorvino kellu tlett itfal mal-ewwel martu, li kollha segwewh fil-qasam tal-ispettaklu, tnejn bħala atturi u wieħed bħala kittieb.

Waħda mill-bniet tiegħu, Mira Sorvino, rebħet l-Academy Award għall-prestazzjoni tagħha f'”Mighty Aphrodite” ta’ Woody Allen fl-1996.

Hija kienet ukoll ġiet identifikata bħala vittma tal-ħati ta’ reat sesswali Harvey Weinstein.

Kittieba ta’ Friends tgħid li kien żball li fis-sitkom intużaw pronomi ħżiena għal karattru trans

Kittieba ta’ Friends tgħid li kien żball li fis-sitkom intużaw pronomi ħżiena għal karattru trans

Waħda mill-kittieba u produtturi tas-sitkom tal-Istati Uniti tas-snin 90, Friends, ammettiet li kien “żball” li ma ntużawx il-pronomi xierqa għall-ġenitur transġeneru ta’ Chandler.

Marta Kauffman qalet li issa jiddispjaċiha mir-rappreżentazzjoni tal-karattru, li kien interpretat minn Kathleen Turner.

Hija qalet li baqgħu jirreferu għaliha bħala missier Chandler, minkejja li kienet trans.

Turner dehret fis-sitkom tant popolari fi tliet episodji fis-seba’ staġun, li xxandar għall-ewwel darba fl-2001.

Il-karattru tagħha kien il-mira ta’ ċajt minn oħrajn, inkluż Chandler u ommu, dwar l-identità u d-dehra tal-ġeneru tagħha.

F’intervista tal-2018, Turner qalet li ma kinitx se tieħu l-karattru jekk terġa’ tiġi offruta, u tħallih f’idejn mara trans.

Qalet ukoll li elementi ta’ Friends ma kinux qed jiżviluppaw tajjeb, għaliex kien hemm konfużjoni dwar jekk il-karattru kienx drag queen jew mara trans. Hija qalet li n-nies ħasbu li Charles kien sempliċement qed jilbes ta’ mara.

Il-karattru ma ġiex rikonoxxut b’mod espliċitu bħala trans fis-sitkom, kien jissejjaħ bħala omosesswali u jintwera jaħdem bħala drag queen bl-isem ta’ Helena Handbasket f’Las Vegas.

Kauffman, li hija wkoll kittieba tas-serje ta’ Netflix, Grace and Frankie, qalet li tagħmel l-affarijiet b’mod differenti kieku kienet qed taħdem fuq Friends issa.

Waqt li tkellmet dwar inċident reċenti li seħħ fuq sett ta’ serje televiżiva, hija qalet lill-BBC li keċċet raġel fuq il-post talli ċċajta b’cameraperson trans filwaqt li saħqet li dan ma jistax iseħħ.

Hija kompliet tgħid ukoll li fis-sitkom ta’ Friends ma kellhomx biżżejjed rappreżentanza ta’ nies b’karnaġġjon skur u li hi kienet parti minn razziżmu sistemiku fin-negozju tagħhom.

Kauffman qalet li kieku dakinhar kienet taf dak li taf issa, hemm ċerti affarijiet li kienet tibdel. Imma ma kinitx tafhom u minn dak iż-żmien tgħallmet.

“Li tammetti u taċċetta l-ħtija mhix faċli,” qalet lill-Los Angeles Times il-ġimgħa li għaddiet. “Huwa ta’ uġigħ li tħares lejk innifsek fil-mera. Inħossni imbarazzata li ma kontx naf aħjar 25 sena ilu.”

“Sa ma niltaqgħu miegħek fil-ġenna, qalbna maqsuma se tibqa’ tistenna” – Stefania ssellem lil oħtha Mariel

“Sa ma niltaqgħu miegħek fil-ġenna, qalbna maqsuma se tibqa’ tistenna” – Stefania ssellem lil oħtha Mariel

L-attriċi Stefania Attard Vella ssellem lil oħtha Mariel Galea Vella f’għeluq is-sentejn u sitt xhur minn mindu ħalliet din id-dinja, permezz ta’ poeżija emozzjonali li tirrifletti l-uġigħ li ġġib magħha l-firda u l-imħabba bla limitu, li flimkien mal-memorji, jgħaddu kemm jgħaddu snin, jibqgħu għal dejjem.

Għażiża oħti llum ġa sentejn u sitt xhur
Kemm hu kiefer għalina dan id-dulur
ma għadekx magħna ħallejtna għallarrieda
kiefra wisq din il-firda qerrieda

Jgħaddi kemm jgħaddi hemm jibqa’ l-uġigħ
b’qalbna mnikkta, vojt kbir, min jista’ jimlieh
u mhux veru li jtaffi ż-żmien
nerġgħu ngħixu l-mument kuljum, kullimkien

Kemm insemmuk f’kull ħaġa li nagħmlu
niftakru, nitbissmu u spiss anke nibku
kemm hu iebes għażiża li ngħixu mingħajrek
meta ħlief ġid ma rajniex mingħandek

Karattru bħal tiegħek dejjem tferraħ in-nies
kif stajna qatt aħna ma nħobbukx bla qies
ċerti li fil-ġenna qed tagħmel l-istess
tferraħ u tnissel tbissima, f’kulħadd turi interess

Kemm nixtieq li għal darba, nreġġa lura ż-żmien
u imqar tgħanniqa oħra ntik bla tmiem
inbusek u ngħidlek li nħobbok immens
kif dejjem kont nagħmel fil-veru sens

B’fidi kbira nemmen li tkun magħna kuljum
inkellmek u nitolbok tieħu ħsiebna mal-jum
Tħallina qatt għażiża tagħna
ibqa’ ħu ħsiebna u ibqa’ magħna
sa ma niltaqgħu miegħek fil-ġenna
qalbna maqsuma se tibqa tistenna.
Inħobbuk għal dejjem Sis x x
x x

Insellmulek Mariel!

Enable Notifications OK No thanks