by Karen Decelis | 23/Dec/21 | Riflessjonijiet, Varjetà
Żmien il-Milied hu l-isbaħ żmien tas-sena għal ħafna nies. Id-dwal, il-mużika, l-ikliet, il-familja; kollha huma raġunijiet li l-Milied iġib ħafna ferħ u eċitament. Però, għal xi wħud, dan iż-żmien hu diffiċli immens.
Għal min tilef lil xi ħadd għażiż, il-Milied jista’ jġib lura memorji ta’ wġigħ. Ikun hemm dawk li jkunu tilfu lill-għeżież waqt iż-żmien tal-Milied, allura dejjem jiftakru fil-mewt f’dan iż-żmien. Ikun hemm ukoll dawk li avolja ma tilfux lill-għeżież waqt il-Milied, xorta jiftakru f’mumenti sbieħ li kienu qattgħu ma’ dik il-persuna waqt dan iż-żmien u jħossu dwejjaq kbar.
Hemm dawk li jħossuhom anzjużi fi żmien il-Milied għax ikun hemm ħafna affarijiet xi jsiru: xiri ta’ rigali, infiq żejjed, tisjir, tindif eċċ. Iħossuhom ma jistgħux ilaħħqu ma’ kollox u jħossuhom overwhelmed.
Ikun hemm ukoll dawk li jħossuhom imdejqin għal diversi raġunijiet: persuni li jixtiequ li għandhom partner, koppji li jixtiequ jkollhom it-tfal, anzjani li jħossuhom waħedhom: dawn iż-żminijiet jafu jfakkruhom fuq id-dwejjaq tagħhom iktar minn żminijiet oħra, speċjalment bil-midja soċjali.
Hawn huma xi suġġerimenti li persuni jistgħu jagħmlu biex inaqqsu d-dwejjaq tagħhom f’dawn il-festi.
- Ara li tirrikonoxxi l-emozzjonijiet tiegħek. Jekk għadu kif miet xi ħadd, jekk qed tħossok waħdek; aċċetta li d-dwejjaq qiegħdin hemm. Billi żmien il-Milied, ma jfissirx li għandek tkun kuntent il-ħin kollu. Agħti ċans lilek innifsek biex tibki u tesprimi lilek innifsek.
- Sib l-għajnuna. Jekk qed tħossok iżolat, fittex għajnuna mingħand familja, ħbieb, NGOs lokali, jew komunitajiet reliġjużi.
- Agħmel xi ħaġa ta’ ġid. Taf tħossok kuntenta tagħmel xi xogħol volontarju jew tgħin lil ħaddieħor. Agħti donazzjoni lil karità, ċempel lil xi ħadd li taf li qiegħed waħdu.
- Ippjana minn qabel. Jekk taf li tħossok anzjuż bl-affarijiet li trid tixtri, l-ikel li trid issajjar, id-dekorazzjonijiet li trid tagħmel, ibda ppjana minn qabel. Tista’ tagħmel lista tal-affarijiet kollha li trid tagħmel. Din il-ħaġa tgħinek biex ma jkollokx ansjetà estrema fl-aħħar.
- Tgħallem għid ‘le’. M’hemmx għalfejn tagħmel kull ħaġa li ġejt mistieden tagħmel. L-iktar ħaġa importanti hi s-saħħa mentali tiegħek.
- Sib il-pożittiv f’ħajtek. Għandek affarijiet sbieħ f’ħajtek. Sib ħin biex tirrifletti u ssib x’inhuma.
- Illimita l-ħin fuq il-midja soċjali. In-nies jitfgħu affarijiet sbieħ biss fuq il-midja soċjali. Jekk qed tħossok waħdek u vulnerabbli, jaf ma tkunx idea tajba li tara dawn l-affarijiet.
- Sib ħin għalik. Iddedika ħin għalik. Sib attivitajiet li tħobb tagħmel: mur mixja, kul bil-qis, ara li jkollok biżżejjed ħin ta’ rqad, agħmel attività fiżika, agħmel eżerċizzji bħal meditazzjoni u yoga.
Il-Milied huwa żmien partikolari ħafna. Ftakar dejjem li m’intix waħdek u kulħadd ikun għaddej minn emozzjonijiet u ħsibijiet diversi. Dejjem fittex l-għajnuna, sib ħin biex tirrifletti, agħmel eżerċizzju u ffoka fil-pożittiv.
by Karen Decelis | 25/Sep/21 | Riflessjonijiet, Varjetà
Li l-ġenituri jkollhom sieħeb jew sieħba ġdid jaf tkun bidla kbira għat-tfal, daqs kemm hi bidla kbira għal ġenituri. X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lit-tfal jidraw il-fatt li il-ġenituri tagħhom għandhom boyfriend jew girlfriend ġdid/ġdida?
L-iktar haġa importanti hi li tevalwa r-relazzjoni l-ġdida tiegħek. Ieqaf u rrifletti. Aħseb jekk din il-persuna hijiex importanti għalik u tixtieq futur magħha, jew għandek relazzjoni iktar każwali u m’hemmx pjanijiet għall-futur. Evalwa jekk din hijiex relazzjoni serja li tajjeb li tintroduċi lit-tfal mal-persuna, jew relazzjoni każwali li m’hemmx għalfejn iddaħħal lit-tfal fiha għalissa. It-tfal jafu jsiru jħobbu l-persuna l-ġdida, allura jafu jweġġgħu jekk filli jarawha kuljum, u filli ma jarawha qatt. Jekk inti ċerta li din relazzjoni każwali, mela forsi aħjar tistenna sakemm tħossok li tara futur ma’ persuna, qabel ma tlaqqa’ lit-tfal ma’ xi ħadd.
Jekk inti ċerta li din il-persuna tixtieq futur magħha, dawn huma xi suġġerimenti li jistgħu jgħinuk.
- Tkun idea tajba li l-partner il-ġdid tiegħek ikun preparat għall-fatt li int għandek it-tfal. Kellmu fuq it-tfal tiegħek, għidlu xi jħobbu jagħmlu, x’jogħġobhom, xi jdejjaqhom eċċ. Agħmel minn kollox biex kemm jista’ jkun, l-adult fis-sitwazzjoni, jiġifieri l-partner il-ġdid, ikun preparat għat-tfal tiegħek.
- Sib ħin opportun fejn it-tfal ikunu kalmi u għidilhom li tixtieq tgħidilhom xi haġa. Kellimhom bil-kalma u jekk jirrabjaw jew jirreżistu, tgħajjatx magħhom. Din hi bidla fil-ħajja tat-tfal.
- Laqqa’ lill-partner mat-tfal bil-mod. Mhux ideali li mill-ewwel il-persuni l-ġodda jibdew iqattgħu ljieli d-dar. Żomm f’moħħok li din hi bidla kbira għat-tfal. Prepara ruħek għal emozzjonijiet negattivi.
- Żomm ħin għalik waħdek mat-tfal. Iffoka dejjem fuq il-bżonnijiet tat-tfal u l-attenzjoni tiegħek hi waħda mill-iktar elementi importanti, issa iktar minn qatt qabel.
- Tisfurzax lit-tfal iqattgħu ħin mal-partner jekk ma jridux. Agħtihom ċans jidraw is-sitwazzjoni ġdida bil-pass taghhom.
- Importanti ħafna li tintroduċi l-partner bħala l-partner il-ġdid tiegħek mhux il-papà jew il-mamà ġdida tat-tfal. Importanti li tgħidilhom li ħadd mhu ha jieħu post ommhom jew missierhom.
- Jaf ikun tajjeb li tevita li toqgħod tgħannaq u tbus lill-partner il-ġdid il-ħin kollu quddiem it-tfal. Mhux qed nghid turix imħabba lejn il-partner il-ġdid imma tkun idea tajba jekk għall-bidu speċjalment, noqgħodu attenti ħafna u nkunu sensittivi għall-bżonnijiet tat-tfal.
Sieħeb jew sieħba ġdida fil-ħajja tat-tfal jaf tkun sfida għalik u għat-tfal. Importanti li biex nevitaw li t-tfal iweġġgħu, nieħdu ċerti passi importanti. Importanti li t-tfal ikunu jafu, li jiġri x’jiġri, huma l-prijorità tiegħek.
Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net
by Karen Decelis | 02/Sep/21 | Riflessjonijiet, Varjetà
Tmiem ta’ relazzjoni tista’ tkun waħda mill-iktar esperjenzi diffiċli li persuna tesperjenza f’ħajjitha. Huwa siewi li persuni jkunu jafu x’jistgħu jagħmlu biex jgħinu lilhom infushom f’dan il-mument iebes.
Meta tieqaf minn relazzjoni, jaf joħorġu ħafna weġgħat u emozzjonijiet negattivi. Apparti li tkun qed tibki t-telfa tar-relazzjoni tiegħek, jista’ jkun li tkun qed tħossok konfuża, waħdek u mbeżża’ fuq il-futur. Tmiem ta’ relazzjoni jaf tfisser tibdil komplet f’ħajtek. Jaf trid tbiddel darek, relazzjonijiet mal-familja u ħbieb tal -ex partner, bidla fir-rutina u responsabilitajiet. Tmiem ta’ relazzjoni tfisser ukoll li trid tibki mhux biss ir-relazzjoni imma t-tamiet u l-ħolm li kellek ma’ dik il-persuna.
X’tista’ tagħmel biex tħossok aħjar?
- Importanti ħafna li tesprimi kif tkun qed tħossok. Għid lilek innifsek “bħalissa qed nħossni mdejjqa” jew “bħalissa vera qed inħossni rrabjata”. Meta tieqaf relazzjoni jaf tħoss emozzjonijiet diversi. Hemm min iħoss relief qawwi, ikun hemm min iħossu xxukkjat, jew ma jkunx jista’ jemmen x’għadu kif ġara. Hemm min iħossu miċħud, muġugħ, tradut, imbeżża’, imbarazzat u mdejjaq. Importanti ħafna li tara x’qed tħoss. Dan jgħinek biex tifhem lilek innifsek. Importanti ħafna li taċċetta kif qed tħossok. Hawn min iħassar u wara ġimgħa jħossu tajjeb, hawn min jgħaddu xhur, jekk mhux snin biex jiġu f’tagħhom. Agħti ċans lilek innifsek. Aċċetta kif tkun qed tħossok. Emozzjonijiet ta’ dwejjaq, rabja, ansjetà, għajja, frustrazzjoni u konfużjoni huma esperjenzati minn ħafna nies. Aċċetta dawn l-emozzjonijiet u agħti lilek innifsek ċans u permess li ma tkunx kuntenta għal xi żmien.
- Importanti ħafna li tiffoka fuqek innifsek. Meta nkunu f’relazzjoni, speċjalment waħda li tkun twila, hu faċli li ninsew lilna nfusna. Dan hu żmien li int tiffoka fuqek innifsek: terġa’ ssib l-affarijiet li huma importanti għalik, tesplora affarijiet ġodda li jafu jogħġbuk, tibda passatemp ġdid, tmur lura għal xi ħaġa li kont tagħmel qabel ma dħalt fir-relazzjoni. Forsi ma tkunx l-iktar ħaġa ideali li tidħol f’relazzjoni ġdida mill-ewwel. Agħti ċans lilek innifsek tibki r-relazzjoni li għaddiet u proċessa l-emozzjonijiet tiegħek sew qabel tidħol f’relazzjoni ġdida.
- Tgħaddix minn dan iż-żmien waħdek. Aqsam ħsibijietek ma’ nies li tafda. Ibqa’ attiva soċjalment. Ħafna drabi, id-dwejjaq li jaqbdek wara li tkun ħassart, tant ikun kbir li tispiċċa tingħalaq fik innifsek u toqgħod ġewwa. Importanti li tfittex is-sapport ta’ ħbieb, familja. Prova toqgħodx ħafna waħdek f’dan iż-żmien.
- Mur għand counsellor jew professjonist ieħor biex tipproċessa minn xiex għaddejt. Int ma tliftx biss il-partner, tlift ukoll persuna ma’ min taqsam l-esperjenzi, forsi tlift sapport finanzjarju. Tlift xewqat u pjanijiet tal-futur. Agħti lilek innifsek ċans biex tipproċessa dan kollu. Persuna professjonali taf tgħinek ukoll forsi tara x’tista’ titgħallem minn din l-esperjenza. Forsi għandek bżonn titkellem fuq x’ġara u jaf tieħu xi ħaġa mit-telf tar-relazzjoni. Jew forsi tista’ tara jekk hemmx xebh bejn din ir-relazzjoni u relazzjonijiet ta’ qabel. Forsi tista’ ssib pattern li għamilt f’kull relazzjoni u tkun tista’ taħdem fuqek innifsek.
- Importanti ħafna li f’dan iż-żmien tieħu ħsieb tiegħek innifsek. Agħmel attivitajiet li jikkalmawk: qatta’ ħin ma’ nies li tħobb, isma’ l-mużika, aqra ktieb, mur xi lezzjonijiet ta’ xi ħaġa li togħġbok pereżempju; yoga, gardening, kant etc. Daħħal lilek innifsek f’rutina strutturata biex tagħti lilek innifsek sens ta struttura u normalità. Prova ddurx għal vizzji bħal alkoħol, ikel eċċessiv eċċ. Sib affarijiet ġodda li jafu jagħtuk pjaċir. Hawn min isiefer waħda tajba, jew jibda passatemp ġdid. U l-iktar importanti – kul sew, agħmel eżerċizzju fiżiku, u orqod sew.
It-tmiem ta’ relazzjoni jaf ikun żmien diffiċli ħafna. Ara li dejjem ikollok is-sapport li għandek bżonn u qatt tistħi titlob l-għajnuna!
Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net
by Karen Decelis | 14/May/21 | Riflessjonijiet, Saħħa, Varjetà
Din il-ġimgħa hija ddedikata għall-għarfien fuq is-Saħħa Mentali. Is-Saħħa Mentali tinkludi l-emozzjonijiet tagħna u kif inħossuna, naħsbu u nirreaġixxu. Ma nistgħux insemmu s-saħħa mentali u ma nitkellmux fuq il-counselling.
X’inhu l-Counselling?
Counselling hu tip ta’ għajnuna emozzjonali li tiffaċilita li persuni jitkellmu fuq id-diffikultajiet li jkunu għaddejjin minnhom, u l-emozzjonijiet diffiċli li jkunu qed jesperjenzaw. Counsellor hija persuna speċifika (jiġifieri gradwata b’masters u warrant), li tipprovdi dan l-ispazju sigur, bla ġudizzju u b’mod kunfidenzjali.
Il-counsellor, bi snin ta studju, tkun attrezzata u mħarrġa b’metodi diversi u jkollha l-għodda neċessarja biex tgħin lill-klijent. Ħafna nies jaħsbu li jmorru għand counsellor u din tgħidlu x’għandu jagħmel. Dan mhux il-każ! Counsellor ma tagħtix pariri, u ma tgħidx lill-klijent x’għandu jagħmel. Il-klijent ikellem lill-counsellor fuq is-sitwazzjoni, l-emozzjonijiet u l-ħsibijiet li jkun qed jesperjenza, u l-counsellor bil-metodi varji tagħha tgħin lill-klijent sakemm dan isib l-aħjar għażla għas-sitwazzjoni tiegħu. Importanti nfakkru li l-counsellor mhix tabiba jew psikjatra, allura ma tistax tagħti mediċina.
Issa, kif tista’ persuna tkun taf li għandha bżonn tmur għand counsellor. Jista’ jkun hemm dawk li:
- Jixtiequ jaraw x’inhu l-pass li jmiss f’ħajjithom.
- Nies li jixtiequ li jkollhom iktar għarfien fuqhom infushom.
- Nies li għaddew minn diversi esperjenzi ta’ saħħa mentali fosthom dipressjoni u ansjetà.
- Nies li għaddew minn esperjenza diffiċli bħal abbuż, vjolenza domestika, divorzju, problemi fuq ix-xogħol eċċ.
- Nies li għandhom problemi fir-relazzjonijiet jew familjari tagħhom.
- Nies li tilfu lil xi ħadd.
- Nies bi problemi ta’ drogi, alkoħol jew vizzju ieħor.
Jien nemmen li fil-qasam tas-saħħa mentali mxejna ħafna ‘l quddiem, però nemmen li bħala soċjetà għandna fejn naħdmu iktar. Li tmur ghand counsellor għax għandek bżonn titkellem ma’ xi ħadd għandha tkun normali daqs li tmur għand dentist jekk qed tuġgħak is-sinna. Li tieħu l-pilloli tal-ansjetà li tak il-psikjatra, għandha tkun normalizzata daqs li tieħu l-pilloli tad-dijabete, li tak it-tabib!
Biex nagħlaq, il-counselling huwa mod li jgħin persuni jsiru jafu iktar lilhom infushom, u jsibu modijiet kif ilaħħqu ma’ xi emozzjonijiet, sitwazzjonijiet u esperjenzi, u jagħżlu affarijiet għall-ġid tagħhom. Għandna bżonn nissapportjaw lil kull min ikun għaddej minn xi ħaġa, u ma niġġudikawx.
Bi kliemek, jaf twaqqaf lil xi ħadd milli jfittex l-għajnuna! Uża kliemek biex tgħin u tagħmel il-ġid.
Jekk għandek xi suġġett partikolari li tixtieq li nitkellmu dwaru, ibgħatilna fuq info@skoperta.net