Itolbu, ittamaw u tinkwetawx!

Itolbu, ittamaw u tinkwetawx!

Francesco Forgione, jew kif magħruf aħjar Padre Pio, twieled nhar il-25 ta’ Mejju 1885, ġewwa raħal żgħir bl-isem ta’ Pietrelcina, fl-Italja. San Padre Pio kien saċerdot Taljan li kien magħruf għall-pietà u l-karità tiegħu, kif ukoll għad-don tal-istigma, li qatt ma ġie spjegat.

Minn età żgħira kien tifel reliġjuż ħafna u huwa rrapportat li ta’ ħames snin ħa d-deċiżjoni li jiddedika ħajtu lil Alla. Fortunatament, il-ġenituri tiegħu kienu wkoll reliġjużi ħafna u appoġġaw l-iżvilupp Kattoliku tiegħu. Fatt interessanti huwa li Francesco kien magħruf talli kien jieħu l-penitenzi u ommu darba ċanfritu talli raqad fuq art tal-ġebel.

Minn mindu kien tfajjel ċkejken, Francesco kellu ħila partikolari. Seta’ jara l-anġli kustodji, jitkellem ma’ Ġesù u l-Verġni Marija. Din ma kinitx xi ħaġa mgħallma lilu, iżda seħħet b’mod tant naturali li assuma li nies oħra setgħu jarawhom ukoll.

Francesco ma kellux tfulija faċli. Fil-fatt hu kien ġej minn familja fqira ħafna u kien tfajjel maridi ukoll. Ta’ sitt snin sofra attakk ta’ gastroenterite u meta kellu għaxar snin, kellu d-deni tat-tifojde.

Fl-età ta’ 15-il sena, Francesco daħal fin-novizzjat tal-patrijiet Kapuċċini f’Morcone, fejn ħa l-isem ta’ “Pio” f’ġieħ il-Papa Piju I, li r-relikwa tiegħu kien ra spiss fil-kappella lokali tiegħu. Taʼ 17-il sena, Fra Pio marad ħafna u setaʼ jiddiġerixxi biss il-ħalib u l-ġobon. Madanakollu, xorta waħda kompla jistudja għas-saċerdozju.

F’okkażjoni minnhom waqt it-talb, patri sieħbu b’mod tal-għaġeb irrapporta li ra lil Pio jiġi elevat waqt episodju ta’ estasi. Fra Pio sar qassis fl-1910, imma tħalla jibqaʼ d-dar minħabba d-diffikultajiet ta’ saħħa li kellu.

Fl-1915, huwa ġie msejjaħ għas-servizz militari minħabba l-Ewwel Gwerra Dinjija. Però huwa ma tantx ma dam għaliex saħħtu kienet ħażina ħafna.

Fl-20 ta’ Settembru 1918, waqt li kien qed jisma’ l-qrar ħass uġigħ f’idejh u f’saqajh. Innota l-istigma – il-feriti ta’ Kristu fuq idejh u saqajh, li kienet akkumpanjata minn uġigħ kbir. Il-feriti kellhom riħa ta’ ward, u għalkemm baqgħu jnixxu, qatt ma ġew infettati. It-tobba, li aktar tard eżaminaw l-istigma, baqgħu mistgħaġba bil-forma perfettament tonda tagħhom.

F’radd ta’ salib il-popolarità tiegħu kibret immensament, li saret ukoll sors ta’ tħassib għall-Knisja. Minħabba f’hekk il-Vatikan beda jirrestrinġi l-attivitajiet tiegħu biex jimminimizza l-interazzjoni pubblika. Padre Pio nnifsu kien skomdu bil-popolarità ġdida tiegħu u l-attenzjoni li rċieva minħabba l-istigma tiegħu. L-investigazzjoni tal-Knisja dwar l-istigma tiegħu kkonkludiet li l-kundizzjoni tiegħu ma kinitx iffalsifikata.

Fil-fatt kien il-Papa Piju XI li ħeġġeġ lin-nies biex iżuruh. Fatt interessanti huwa li fl-1947, Fr. Karol Wojtyla żar lil Padre Pio li profetikament qallu li kien se jitla’ fl-ogħla kariga fil-Knisja.” Dun Karol Wojtyla sar Papa Ġwanni Pawlu II fl-1978.

Padre Pio uża din il-popolarità tiegħu biex jiftaħ sptar f’San Giovanni Rotondo. Il-faċilità nfetħet fl-1956.

Padre Pio ma kienx segwit biss fl-Italja, iżda kiseb il-popolarità tad-dinja kollha. Kien magħruf għall-pietà, il-karità u l-kwalità tal-predikazzjoni tiegħu.

Padre Pio miet fit-23 ta’ Settembru 1968. Għall-funeral tiegħu attendew aktar minn 100,000 ruħ.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II għamel lil Padre Pio qaddis nhar is-16 ta’ Ġunju 2002. Huwa l-patrun tal-voluntiera tad-difiża ċivili, l-adolexxenti, u r-raħal ta’ Pietrelcina.

Intom li qed taqraw dan l-artiklu, daħlu f’moħħkom dawn il-kliem li kien jippriedka bihom Padre Pio ‘Itolbu, ittamaw u tinkwetawx!’

Roberta Metsola tingħata l-midalja tal-Ordni tal-Prinċipessa Olga minn Zelenskyy

Roberta Metsola tingħata l-midalja tal-Ordni tal-Prinċipessa Olga minn Zelenskyy

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola ngħatat il-midalja tal-Ordni tal-Prinċipessa Olga mill-President Ukren Volodymyr Zelenskyy.

Dan meta ftit jiem ilu Roberta Metsola ltaqgħet ma’ Zelenskyy waqt iż-żjara tagħha fl-Ukrajna. Hija kienet l-ewwel kap ta’ istituzzjoni tal-UE li żaret il-pajjiż mill-bidu tal-invażjoni Russa.

Il-midalja tal-Ordni tal-Prinċipessa Olga tingħata lin-nisa għal merti nazzjonali fl-istat, produzzjoni, xjentifiċi, edukattivi, kulturali, karità u sferi oħra ta’ attivitajiet soċjali, u għat-trobbija tat-tfal fil-familji.

Fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li tħossha onorata li ngħatat l-Ordni tal-Prinċipessa Olga mill-President Zelenskyy.

Żiedet tgħid li dan l-unur ifisser ħafna għaliha personalment u huwa simboliku tar-rabta speċjali li l-Parlament Ewropew għandu mal-Ukreni. Sostniet li l-PE jinsab mal-Ukrajna u se jibqa’.

“Jeħtieġ li aktar persuni b’diżabilità jitkellmu dwar il-bżonnijiet tal-intimità u s-sesswalità” – Lynn Aquilina

“Jeħtieġ li aktar persuni b’diżabilità jitkellmu dwar il-bżonnijiet tal-intimità u s-sesswalità” – Lynn Aquilina

Nitkellmu ma’ Lynn Aquilina

Lynn, għidilna ftit dwarek. Min hi Lynn Aquilina?

Mela Lynn hi mara ta’ 31 sena li tħobb il-ħajja u tħobb tgħix. Jien persuna sensittiva, nisma’ u nosserva ħafna. Inħobb nesperjenza affarijiet ġodda, anke jekk ġieli nibża’ jew nippanikkja ħafna għax inħalli l-ħsibijiet jiġru bija! Nemmen li kieku, ma ppruvajtx u ma nippruvax affarijiet u esperjenzi ġodda ma niltaqax ma’ nies ġodda li jgħinuni biex kemm jista’ jkun dejjem noħroġ l-aħjar tiegħi u ma neħilx mal-limitu tad-diżabilità fiżika li għandi. Minkejja dan kollu li għidt, inħoss li għadni ma nafx ma nafx min jien, għax kuljum ninbidel u niskopri ħaġa ġdida fija li ma kontx naf qabel.

Il-kapaċità tiegħek li tesprimi ruħek b’mod tajjeb ħafna u profond permezz tal-kitba, hija xi ħaġa li wieħed ma jistax ma jinnutax dwarek. Kif nibtet il-passjoni tiegħek tal-kitba, u x’libertà tagħtik?

Il-passjoni tal-kitba tmur lura għal meta kont fir-raba’ sena tal-primarja. Niftakar, l-għalliema kienet taqralna kuljum mill-kotba ta’ Trevor Zahra. Minn dak iż-żmien ‘il quddiem għidt li rrid insir bħal dan l-awtur bravu ħafna. Qrajt il-kotba kollha tiegħu għax jaffaxxinani kif jiżvolġi l-istejjer tiegħu bi kliem sempliċi u b’ritmu mexxej. Insomma f’kelma waħda sar l-idolu tiegħi, tant li fis-sekondarja meta kien ikollna komponiment kont nipprova nuża’ l-istil ta’ kitba tiegħu. L-għalliema kienu qaluli li għandi talent, imma bqajt ma ħadtux bis-serjetà sakemm spiċċajt mis-sekondarja.

Kont spiċċajt inqatta’ ħafna ħin id-dar, fija kien hemm vojt u monotonija kbira tant li waqajt f’dipressjoni. Imbagħad wara ħafna insistenza mingħand ħabibti ħarbixt l-istorja tiegħi. Minn hemm ma ħaristx lura, kuljum nikteb xi ħaġa, anki jekk tkun sentenza waħda biss. Bil-kitba, jien nista’ mmur u nimraħ kullimkien. Tilliberani għax meta nikteb jien ninsa għal ftit il-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħi u nidħol f’dinja oħra. Dinja fejn l-ispirtu tiegħi jtir ‘il fuq mingħajr ma jwaqqfu ħadd.

X’definizzjoni għandha d-diżabilità għalik personali?

Għalija d-definizzjoni tad-diżabilità tvarja ħafna. Skont iċ-ċirkostanzi li nkun fihom u l-burdati li jkolli. Ikun hemm ġranet fejn inħossni qisni għandi ġgant jgħaffeġ fuqi u rrid inkompli bil-ġurnata tiegħi, bih idur miegħi kullimkien. Drabi oħra lanqas biss taffettwani li jien b’diżabilità, għax inkun qed inħossni tajba fija nnifsi. Imma jien inħobb nara l-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħi bħala gaġġa li ssakkarni milli nagħmel dak li nixtieq. Għalkemm dejjem nipprova nsib mezzi kif indur ma’ din il-gaġġa, ġismi, biex fl-aħħar xorta nagħmel dak li nixtieq.

Kemm-il darba titkellem dwar l-intimità u s-sesswalità. L-ewwel nett, int personali kif tiddistingwi bejn dawn it-tnejn?

L-intimità u s-sesswalità huma konnessi u relatati ħafna ma’ xulxin, imma mhumiex l-istess. Għalija l-intimità hi u sseħħ kull meta nagħżel li nara lill-persuna l-oħra mhux bl-għajnejn fiżiċi tiegħi, iżda bl-għajnejn ta’ ruħi. Dawn l-għajnejn li jaraw il-bżonnijiet l-aktar profondi tal-oħrajn biex hekk nitqanqal minn ġewwa ħalli mhux biss ngħinhom, iżda mmur pass oltre minn hekk, insir naf l-istorja tagħhom u nitwaħħad magħhom, mhux għall-pjaċiri tiegħi, imma għax jinteressani u nħobb verament lill-oħrajn.

Is-sesswalità, imbagħad hi dak kollu li jagħmilni l-mara li jien. L-ewwel aspett tas-sesswalità jistedinni biex jien inħobb, nirrispetta u nkun konxja tas-sbuħija tal-feminilità tiegħi. Imbagħad għalija, l-att sesswali jikkumplimenta u jgħaqqad is-sbuħija tiegħi, ma’ dik ta’ ħaddieħor biex nikber fl-għarfien li ma nistax ngħix mingħajr ma nħobb verament biex nagħti ħajja lill-ieħor u eventwalment jista’ jkun hemm lok ta’ ħolqien ta’ ħajja wkoll.

Mill-perspettiva tiegħek, x’inhuma l-isfidi li trid tiffaċċja b’mod kontinwu fejn jidħlu l-intimità u s-sesswalità? X’inhuma n-nuqqasijiet li tħoss l-aktar bħala mara?

Fejn jidħlu l-persuni b’diżabilità, l-intimità u s-sesswalità għadhom tabù. Personalment din ir-realtà ttaqqalni ħafna għax ikolli ngħixha waħdi, naħbi l-bżonnijiet, ix-xewqat u l-emozzjonijiet naturali tiegħi. Ngħixha waħdi fis-skiet għax inħoss li s-soċjetà inġenerali ma tqishomx dawn il-bżonnijiet tal-persuna b’diżabilità u ma tiddistingwix bejn intimità u sesswalità. Jista’ jkun li persuna b’diżabilità tkun trid biss l-intimità, din tinkludi tgħanniq, karezzi, tmellis fix-xagħar, tpoġġi fuq xi ħadd eċċ.

L-akbar nuqqas li naħseb li hawn hu li persuni b’diżabilità ma jitkellmux biżżejjed fuq dawn il-bżonnijiet tagħhom fil-pubbliku. Allura, imbagħad ovvja li n-nies t’hemm barra ma jistgħux ikunu jafu vera xi nħossu aħna, jistgħu biss jispekulaw!

X’inhuma x-xewqat tiegħek f’dan ir-rigward? X’tixtieq li jsir?

Nixtieq li aktar nies ma jinħasdux u ma jibżgħux meta nesprimi dawn il-bżonnijiet li għandi. Ħeq, jien bniedma tad-demm u l-laħam bħal kulħadd! Hemm bżonn li jsiru aktar diskussjonijiet edukattivi fuq dan is-suġġett fuq it-televixin u l-midja soċjali.

X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar is-servizzi ta’ sex workers għal persuni b’diżabilità?

Naqbel li jkun hawn is-servizz ta’ sex workers, iva għaliex le. Basta dan ikun regolat u jkun hemm persuni mħarrġa sew kif jiffaċċjaw u jittrattaw persuni b’diżabilità, l-aktar meta dawn ikunu vulnerabbli.

Jekk dan it-tip ta’ servizz jiġi legalizzat f’Malta, tikkunsidra li tagħmel użu minnu int personali?

Mistoqsija diffiċli din! Kieku mmur żgur imma mhux għas-sess, l-ewwel ħaġa li nixtieq nagħmel hu li niskopri lil ġismi, għax minħabba li ma nużax idi sew ma nistax inkun intima miegħi nnifsi. Minħabba f’hekk f’dan l-aspett inħoss li għadni tifla u mhux mara. Allura nitlob l-għajnuna tas-sex worker biex nagħmel dan, rigward jekk nagħmilx is-sess ma’ sex worker illum bħalissa ngħid le. U ngħid le, għax nixtieq relazzjoni u s-sess waħdu narah bla sens mhux komplut, qisni mort ikla u qbiżt fid-deżerta mill-ewwel. Is-sess mingħajr relazzjoni u intimità nħoss li jitlef l-iskop u s-sbuħija tiegħu.

Liema mentalità tas-soċjetà ġenerali tħoss li hemm bżonn tinbidel l-aktar? U int, xi tħoss li tista’ tagħmel, jew x’qed tagħmel biex tagħti sehmek għal din il-bidla?

Thank God il-mentalità tas-soċjetà inġenerali lejna l-persuni b’diżabilità tjiebet ħafna, l-aktar fl-oqsma tal-aċċessibiltà u l-edukazzjoni għalkemm bħal f’kollox baqa’ xi jsir. Biss l-iżjed setturi li narahom baqgħu lura huma tax-xogħol u s-sesswalità. Mhux ħa noqgħod nirrepeti dwar is-suġġett tas-sesswalità, biss ma nafx għala persuna toqgħod lura milli turi affezzjoni lejn persuna b’diżabilità. Forsi jista’ jkun li dak li jkun joqgħod lura għax ma jkunx irid li l-persuna b’diżabilità tiggranfa miegħu bħal qarnita u tifhmu li jrid relazzjoni magħha, ma nafx eżatt. Biss ma fiha xejn ħażin billi tgħannaq u tikkarezza lil persuna b’diżabilità. L-importanti li jkun hemm komunikazzjoni ċara u diretta fuq l-emozzjonijiet taż-żewġ persuni kkonċernati.

Fil-qasam tax-xogħol, hi ħaġa frustranti ħafna li aħna l-persuni b’diżabilità jkollna l-kwalifiċi kollha meħtieġa u ma nsibux xogħol għas-sempliċi raġuni li min iħaddem ma jemminx fina. Min-naħa tiegħi, nieħu kull opportunità biex nitkellem fuq id-diżabilita’. Fil-fatt ħloqt grupp fuq Facebook jismu ‘People with Cerebral Palsy in Malta’. Fih inqajjem kuxjenza fuq dawn is-suġġetti u oħrajn li jolqtu lilna direttament bħala nies b’diżabilità.

Is-saħħa mentali u persuni b’diżabilità. X’inhuma l-ħsibijiet tiegħek dwar dan?

Nemmen li s-saħħa mentali tal-persuni b’diżabilità trid tkun kemm jista’ jkun dejjem fl-aħjar forma possibbli. Għax diġà hu piż kbir li wieħed iġorr il-limitazzjonijiet fiżiċi tiegħu kuljum bil-konsegwenzi u l-kumplikazzjonijiet kollha li dawn iġibu magħhom. Għalija li nkun mentalment b’saħħti hi xi ħaġa li ma nistax ngħaddi mingħajrha għax inkella ma nkunx nista’ nkampa mal-ostakli tad-diżabilità. Apparti minn hekk, tgħallimt u qed nitgħallem kif it-toqol tal-ħajja ta’ kuljum naqsmu ma’ dawk il-persuni li jien nafda biex dan il-piż ma jagħlaqnix fija nnifsi biex nipprova nkun pożittiva.

Inkun korretta jekk ngħid li int persuna reliġjuża ħafna? X’differenza jagħmel dan il-fatt fil-ħajja ta’ kuljum tiegħek?

Jien ma ngħidx li jien persuna reliġjuża għax għalkemm nieħu sehem fil-quddies kważi kuljum, hemm xi affarijiet fil-knisja li jien ma naqbilx magħhom. Imma ngħid li jien persuna li nħaddan il-fidi Kattolika. Iva, għalija l-fidi f’Ġesù hi kollox, għax bil-fidi jien kapaċi ngħix din it-tbatija tad-diżabilità bit-tama u bi skop li din ma tkunx kollha għalxejn. Anzi nħoss li Alla jrid u għandu sejħa partikolari permezz tad-diżabilità u jridni nwassal imħabbtu permezz tal-istess diżabilità.

Taħseb li l-Knisja Kattolika għadha tħares u tirreferi għall-persuni b’diżabilità bħala “anġli” u “speċjali”?

Iva, sfortunatament din il-mentalità tal-‘anġli u speċjali’ ilha magħna minn meta twaqqfet id-Dar tal-Providenza. Diffiċli ħafna tneħħi din il-mentalità, l-aktar għaliex huma ftit dawk il-persuni b’diżabilità li jinvolvu ruħhom fi gruppi taż-żgħażagħ bħali, li hi ħasra għax kull persuna għandha x’toffri. Nixtieq nara aktar nies b’diżabilità jinvolvu ruħhom fil-knisja biex ngħaddu l-messaġġ li aħna mhux karità biss irridu imma għandna x’nagħtu ukoll.

Naf li int taħdem. X’inhu x-xogħol tiegħek? U kif tiddeskrivi l-esperjenza tiegħek fid-dinja tax-xogħol?

Jien ilni naħdem għal dawn l-aħħar 4 snin bħala data inputer ma’ kumpanija privata. Ix-xogħol lili tani d-dinjità li jistħoqqli u fejn qabel kont nistħi u naħrab mill-mistoqsija meta jistaqsuni x’nagħmel, issa m’għadnix. Peresss li naħdem dejjem mid-dar, nixtieq li jkolli l-opportunità li niltaqa’ mal-impjegati wiċċ imb’wiċċ, imma overall għal qalbi ħafna li japprezzaw xogħli.

Lynn, ma nistax ma nsemmilekx il-ħbiberija speċjali li ċertament hija importanti ħafna għalik. Xi jfisser għalik David? X’differenza jagħmel f’ħajtek u x’jagħmel il-ħbiberija tagħkom speċjali?

Inħossni mbierka ħafna li għandi ħabib bħal David. Għandi ħafna ħbieb u kollha jgħinuni ħafna, min b’mod u min b’ieħor, imma David jispikka fosthom kollha. Konna ltqajna mill-grupp tal-LAND, grupp għall-persuni b’diżabilità biex jissoċjalizzaw u hu kien ġie magħna bħala volontier. Imbagħad sirna ħbieb tal-qalb madwar 4 snin ilu meta kont għaddejja minn żmien diffiċli. Minn dakinhar sal-lum dejjem sibtu hemm għalija. Għamilna minn kollox flimkien, morna l-Olanda u ħa ħsiebi hu, immorru weekend breaks, iniżżilni l-baħar waħdu eċċ eċċ.

Niftakar darba qalli, li hu jrid jgħinni nagħmel dak li nħoss ġewwa fija, imma li ma nkunx nista’ noħorġu fuq barra minħabba d-diżabilità. Għalija, David huwa ħija li m’għandix, tant għandna ħbiberija intima bejnietna li min ma jafx li David miżżewweġ jaħseb li qiegħdin flimkien! Daqshekk hi speċjali l-ħbiberija tagħna u nittama li tibqa’.

Għidilna ftit dwar il-kotba li ktibt s’issa. Minn fejn ġiet l-idea u l-ispirazzjoni għalihom? Hemm pjan għal ktieb ieħor?

Mela, l-ewwel ktieb tiegħi jismu ‘Namra’ hu ġabra tal-ħsibijiet u l-poeżiji tal-bidu nett tal-kitba tiegħi u t-tieni ktieb jismu ‘Tiżwiqa’. ‘Tiżwiqa’ jikkonsisti f’10 novelli qosra soċjo-reliġjużi. Kollox jispirani jien, l-aktar l-esperjenzi li ngħaddi minnhom jien u persuni viċin tiegħi. Issa bdejt nikteb rumanz, forsi nippubblikah ‘il quddiem.

Għandek xi ħolm li tixtieq twettaq?

Jien persuna li ngħix ġurnata b’ġurnata, kull opportunità li tħabbatli l-bieb neħodha, però ma nippjanax ħafna għal quddiem għax jekk ma jirnexxilix inwettaq dak li jkolli f’moħħi naqa’ ħażin ħafna. Li nixtieq li nerġa’ nsiefer u nagħmel aktar avventuri partikolarment ma’ David.

X’inhu l-aħħar messaġġ tiegħek?

Nixtieq nirringrazzjakom għax permezz ta’ din l-intervista erġajt skoprejt affarijiet fija nnifsi li kont insejt.

Lynn se tkun ukoll qed tikkontribwixxi b’mod regolari fuq skoperta.net!

Santa Klaws ġie ispirat minn San Nikola – Min kien eżattament?

Santa Klaws ġie ispirat minn San Nikola – Min kien eżattament?

San Nikola, imsejjaħ ukoll Nikola ta’ Bari jew Nikola ta’ Myra, huwa wieħed mill-aktar qaddisin popolari u mfakkra fil-knejjes tal-Lvant u tal-Punent, u issa tradizzjonalment assoċjati mal-Milied. F’ħafna pajjiżi t-tfal jirċievu rigali fis-6 ta’ Diċembru, Jum San Nikola. Huwa wieħed mill-qaddisin patruni tat-tfal u l-baħrin.

M’hemm l-ebda dokument storiku dwar l-eżistenza ta’ Nikola u għalhekk xejn ċert mhu magħruf minn ħajtu ħlief li x’aktarx kien isqof ta’ Myra fis-seklu 4.

Skont it-tradizzjoni, huwa twieled fil-belt antika tal-port tal-baħar Lycian ta’ Patara, u meta kien żgħir, ivvjaġġa lejn il-Palestina u l-Eġittu.

Huwa sar isqof ta’ Myra ftit wara li rritorna lejn Lycia. Jingħad li kien ukoll il-ħabs u x’aktarx ittorturat waqt il-persekuzzjoni tal-insara mill-imperatur Ruman Djoklezjanu iżda nħeles taħt il-ħakma ta’ Kostantinu l-Kbir.

Kien midfun fil-knisja tiegħu f’Myra, u sas-6 seklu s-santwarju tiegħu hemmhekk kien sar maghruf sew. Fl-1087 baħrin jew negozjanti Taljani serqu l-allegati fdalijiet tiegħu minn Myra u ħaduhom Bari, l-Italja. Dan żied ħafna l-popolarità tal-qaddis fl-Ewropa, u Bari saret waħda mill-iktar ċentri ta’ pellegrinaġġ iffullati

Ir-relikwi ta’ Nikola jibqgħu minquxa fil-bażilika ta’ San Nikola f’Bari tas-seklu 11, għalkemm biċċiet ġew akkwistati minn knejjes madwar id-dinja. Fl-2017 ir-riċerkaturi skoprew relikwa minnhom li kienet biċċa għadma tal-ġenbejn, minn knisja fl-Istati Uniti u kkonfermaw li hija tar-4 seklu.

Ir-reputazzjoni ta’ Nikola għall-ġenerożità u l-qalb tajba tat lok għal leġġendi ta’ mirakli li wettaq għall-foqra u mdejqin. Jingħad li kien ta doti taż-żwieġ tad-deheb lil tliet tfajliet li kieku l-faqar kien iġiegħelhom jidħlu fil-ħajja tal-prostituzzjoni u li salva wkoll ħajjiet.

Fil-medjuevu, id-devozzjoni lejn Nikola kienet estiża għall-partijiet kollha tal-Ewropa. Sar qaddis patrun tar-Russja u l-Greċja; tal-karità, tat-tfal, baħrin, bniet mhux miżżewġin u negozjanti fost oħrajn; u ta’ bliet bħal Fribourg, Żvizzera u Moska.

Eluf ta’ knejjes Ewropej ġew iddedikati għalih, waħda, mibnija mill-imperatur Ruman Ġustinjanu I f’Kostantinopli (Illum Istanbul), sa mill-bidu tas-seklu 6.

Il-mirakli ta’ Nikola kienu suġġett favorit għall-artisti medjevali u d-drammi liturġiċi, u l-festa tradizzjonali tiegħu kienet l-okkażjoni għaċ-ċerimonji tal-Isqof Boy, drawwa Ewropea li fiha tifel kien elett isqof u jsaltan sa Jum l-Innoċenti Mqaddsa, 28 ta’ Diċembru.

Wara r-riforma, id-devozzjoni lejn Nikola kienet sparixxiet fil-pajjiżi Protestanti kollha tal-Ewropa ħlief l-Olanda, fejn il-leġġenda tiegħu baqgħet tippersisti bħala Sinterklaas, verżjoni Olandiża tal-isem San Nikola. Il-kolonisti Olandiżi ħadu din it-tradizzjoni magħhom lejn New Amsterdam (illum New York City) fil-kolonji Amerikani fis-seklu 17. Sinterklaas ġie adottat mill-maġġoranza tal-pajjiż li titkellem bl-Ingliż taħt l-isem Santa Klaws, u l-leġġenda tiegħu ta’ raġel xiħ ġentili kienet magħquda ma’ rakkonti Nordiċi antiki ta’ illużjonista li tfal imqarbin u ppremja tfal tajbin b’rigali. L-immaġni ta’ Santa Klaws fl-Istati Uniti oriġina fis-seklu 19, u minn dakinhar baqa’ l-patrun tal-festa tal-Milied li jagħti r-rigali.

San Nikola ġie ttrasformat f’diversi verżjonijiet u figuri fl-Olanda, il-Belġju, u pajjiżi oħra tat-Tramuntana tal-Ewropa. Fir-Renju Unit, Santa Klaws huwa magħruf bħala Father Christmas.

Diċembru – X’taf dwaru u xi jfisser għalik dan ix-xahar?

Diċembru – X’taf dwaru u xi jfisser għalik dan ix-xahar?

Diċembru, ix-xahar ta’ bejn Novembru u Jannar, u t-tnax u l-aħħar xahar tal-kalendarju Gregorjan.

Għal uħud dan ix-xahar huwa meqjus bħala l-isbaħ xahar tas-sena, anke minħabba l-festi u t-tradizzjonijiet marbuta miegħu, filwaqt li għal oħrajn, dan ix-xahar inissel fihom dieqa għal xi raġuni jew oħra.

Minbarra ċ-ċelebrazzjonijiet u t-tradizzjonijiet tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, għalina l-Maltin dan ix-xahar huwa sinonimu wkoll ma’ l-akbar avveniment ta’ karità li jsir kull sena, L-Istrina. Il-ġurnata fejn fiha jinġabru l-fondi b’risq il-Community Chest Fund.

Nistgħu ngħidu li wara li sa ftit ġranet ilu konna għadna qed nesperjenzaw ġranet pjuttost sħan għal dan iż-żmien tas-sena, f’dawn l-aħħar ġranet qed ikollna temperaturi aktar kesħin, eżatt fil-ħin biex nibdew ix-xahar ta’ Diċembru f’atmosfera iktar xitwija li ddaħħalna aktar fl-ambjent ta’ dawn il-festi.

Bħal kull xahar ieħor, hemm fatti u kurżitajiet interessanti dwar Diċembru li possibilment ma tafx, u aħna skoprejna wħud minnhom:

Diċembru kien wieħed mix-xhur oriġinali fil-kalendarju Ruman tal-qedem, li kien jintuża minn madwar 750 QK sal-45 QK. F’dan il-kalendarju Ruman oriġinali, Diċembru kien fil-fatt l-għaxar xahar. Dan il-post kien fil-fatt jagħmel ħafna aktar sens għal Diċembru, peress li l-isem ta’ dan ix-xahar ifisser l-“għaxar xahar”. Meta Ġulju Ċesari biddel il-kalendarju fl-45 QK għall-kalendarju Ġiljan, huwa żied xahrejn, Jannar u Frar, li ġew imdaħħla fil-bidu tas-sena kalendarja. Dawn il-bidliet wasslu biex Diċembru ikun ix-xahar bl-isem ħażin!

Fil-5 ta’ Diċembru tal-1901, daħlet fid-dinja ftit maġija flimkien mat-twelid ta’ Walt Disney. Disney ħareġ l-ewwel cartoons tiegħu, li kien fih il-Mickey Mouse, imsejjaħ Steamboat Willie fl-età ta’ 27. Sakemm kellu 54 sena, l-imperu ta’ Disney kiber fid-daqs bil-bini ta’ Disneyland f’Anaheim, Kalifornja. Illum Disney hija kelma komuni fid-djar madwar id-dinja għan-numru li ma jispiċċa qatt ta’ kotba, cartoons, films u forom oħra ta’ divertiment maħluqa mill-kumpanija Walt Disney.

Diċembru oriġinarjament kellu biss 30 jum skont il-kalendarju Ruman tal-qedem. Meta l-kalendarju ġie mibdul għall-kalendarju Ġiljan , Diċembru kiseb ġurnata oħra, li għamlu s-seba’ u l-aħħar xahar fis-sena b’31 jum.

Fit-8 ta’ Diċembru tal-1991, il-kapijiet tal-Federazzjoni Russa (RSFSR), ir-Repubblika tal-Belarus u l-Ukrajna ffirmaw il-ftehim dwar it-twaqqif tal-Commonwealth tal-Istati indipendenti, li mmarka t-tmiem tal-Unjoni Sovjetika.

L-Anglo-Sassoni oriġinarjament kellhom l-ismijiet tagħhom għal dan ix-xahar. Wieħed minn dawn l-ismijiet kien Winter Monath, li ovvjament ifisser “xahar tax-xitwa”.

Fl-10 ta’ Diċembru tal-1896, miet il-persuna li ħoloq l-idea tal-premju Nobel, Alfred Nobel. Fit-testment tiegħu, Nobel iddikkjara li l-ġid akkumulat tiegħu jintuża biex jagħti premjijiet lill-membri tas-soċjetà li jagħmlu kisbiet kbar fl-avvanz tal-umanità. Uħud mir-riċevituri l-aktar famużi tal-premju Nobel jinkludu Albert Einstein, Marie Curie, Martin Luther King Jr. u Madre Tereża.

Isem ġdid għal Diċembru daħal fis-seħħ wara li ħafna Anglosassoni ġew konvertiti għall-Kristjaneżmu. F’konformità mat-twemmin ġdid tagħhom huma kienu jsejħu Diċembru Heligh Monath, li jfisser “xahar qaddis”.

It-28 ta’ Diċembru kien meqjus għal eluf ta’ snin bħala l-iktar jum tas-sena li jġib sfortuna. L-oriġini ta’ din is-superstizzjoni tinsab fl-istorja ta’ Kristu, peress li kien jingħad li f’dan il-jum is-sultan renjanti Erodi ordna l-qtil tat-trabi subien kollha f’tentattiv biex jinqatel Ġesù Kristu. Sa relattivament reċentement kien ikkunsidrat li jkollok sfortuna jekk tibda x-xogħol, avventuri ġodda jew kwalunkwe ħaġa f’dan il-jum.

Dan ix-xahar għandu żewġ tipi ta’ fjuri sinonimi miegħu. L-ewwel waħda hija l-Holly, li nsibuha dejjem matul dan iż-żmien. Fi żminijiet aktar reċenti, il-berries ħomor tal-Holly intqal li jirrappreżentaw il-feriti mdemmija ta’ Ġesù Kristu hekk kif kien imsammar mas-salib. Jekk tħares aktar lura fiż-żmien iċ-Ċelti kienu jemmnu li l-Holy ġġib xorti tajba u protezzjoni. It-tieni fjura hija n-Narcissus Paperwhite, li ġejja mill-familja tan-narċis komuni li jiffjorixxi fix-xitwa. Din il-fjura jingħad li tissimbolizza l-ħlewwa.

Fil-21 ta’ Diċembru tal-1846, intużat l-anestesija għall-ewwel darba fuq pazjent minn Dr Robert Liston fl-isptar tal-kulleġġ tal-università f’Londra.

Hemm ħafna festi reliġjużi importanti matul Diċembru. Nies minn reliġjonijiet differenti jiċċelebraw tradizzjonijiet differenti, bl-Insara jiċċelebraw il-Milied u l-Lhud jiċċelebraw Hanukkah. Filwaqt li l-Milied jiġi ċċelebrat fl-24 u l-25 ta’ Diċembru, li jiċċelebra t-twelid ta’ Ġesù Kristu, Hanukkah tiġi ċċelebrata fil-25 jum ta’ Kislev, fil-kalendarju Ebrajk. Fil-kalendarju Gregorjan komunement rikonoxxut, dan normalment ikun bejn l-aħħar ta’ Novembru u l-aħħar ta’ Diċembru, u jiċċelebra u jiċċelebra l-qawmien tal-Lhud kontra l-oppressori Griegi/Sirjani tagħhom, kif ukoll id-dedikazzjoni mill-ġdid tat-tieni tempju f’Ġerusalemm fit-2 seklu AD.

Għalik, xi jfisser dan ix-xahar?

Enable Notifications OK No thanks