Select Page
Taħseb għall-futur jew tgħix ġurnata b’ġurnata? – Lynn Aquilina

Taħseb għall-futur jew tgħix ġurnata b’ġurnata? – Lynn Aquilina

Min jgħix sa 100 u fuqhom u min imut ikun għadu lanqas twieled! Tisma’ min jgħidlek investi u aħseb għal quddiem, ħalli meta tikber ikollok rasek mistrieħa! Imbagħad f’daqqa waħda tiġi pandemija u jieqaf kollox, u wieħed jibda jistaqsi bejnu u bejn ruħu: Allura mhux aħjar ngħix ġurnata b’ġurnata u ma naħseb xejn għall-futur, wara kollox il-futur għadu ħadd ma rah!

Issa biex taxxaq faqqgħet din il-gwerra fl-Ukrajna wkoll flimkien mal-pandemija. Ħafna inċertezzi, biża’, nuqqas ta’ stabbiltà u motivazzjoni huma fost l-aktar emozzjonijiet li qed jinħassu u diskussi bħalissa. Personalment, qed nipprova ma ninqabadx minn din ix-xibka ta’ paniku żejjed, għax fl-aħħar mill-aħħar kollu jkun għalxejn.

Jien ftit li xejn nista’ nagħmel minn hawn Malta u żgur ma nistax inwaqqaf il-gwerra fl-Ukrajna! Iddeċidejt li minflok ma nħalli l-paniku u l-biża’ tirbaħni, nagħmel il-parti tiegħi żgħira kemm hi żgħira. Qed nipprattika ħafna iżjed is-sengħa tal-gratitudni, nitlob iżjed u nżomm il-paċi fija nnifsi u ma’ dawk kollha ta’ madwari.

Din il-paċi li tistedinni nara s-sbuħija tal-ħajja. Sbuħija li teżisti anke fl-eqqel tal-eħrex tbatija u kruha. Biżżejjed jekk inħares lejn din il-gwerra fl-Ukrajna nara li qed isir ħafna ġid minn tant nies madwar id-dinja li qed joffru l-għajnuna tagħhom b’diversi modi.

Għalhekk jien nara li l-ħajja hi sengħa sabiħa li nitgħallem ngħixha bil-mod il-mod matul iż-żmien. L-esperjenzi li ngħaddi minnhom matul ħajti juruni li s-sabiħ u l-ikrah fil-ħajja mhuma qatt maqtugħa minn xulxin imma huma katina mwaħħlin ma’ xulxin.

M’għandix tweġiba għaliex fil-ħajja l-ikrah u l-ħażen jidhru aktar b’ saħħithom fid-dinja, iżda ħaġa naf għax jien nesperjenzaha u s’issa nista’ ngħid li kuljum jirnexxieli nsib xi ħaġa tajba. Diffiċli kemm tkun diffiċli, qatt ma nista’ naqta’ qalbi mit-tajjeb u s-sabiħ għax dejjem hemm ikun. Hija jien li jkolli għajnejja u qalbi magħluqin u ma narax dan il-ġmiel!

Il-Jum Dinji tal-Annimali – Qed inħobbuhom u nipproteġuhom biżżejjed?

Il-Jum Dinji tal-Annimali – Qed inħobbuhom u nipproteġuhom biżżejjed?

Il-Jum Dinji tal-Annimali jew il-Jum Dinji għall-Benesseri tal-Annimali jiġi osservat kull sena fl-4 t’Ottubru, il-festa ta’ San Franġisk t’Assisi, li kien meqjus bħala l-patrun tal-annimali.

Din il-ġurnata hija ġurnata internazzjonali ta’ azzjoni għad-drittijiet u l-benesseri tal-annimali. L-għan ta’ dan il-jum huwa li jgħolli l-istatus tal-annimali sabiex itejjeb l-istandards tal-benesseri tagħhom madwar id-dinja.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji tal-Annimali jgħaqqad il-moviment għall-benesseri tal-annimali, billi jimmobilizzah f’forza globali biex id-dinja ssir post aħjar għall-annimali kollha.

Huwa ċċelebrat b’modi differenti f’kull pajjiż, irrispettivament min-nazzjonalità, ir-reliġjon, il-fidi, jew l-ideoloġija politika. Permezz ta’ aktar għarfien u edukazzjoni nistgħu noħolqu dinja fejn l-annimali huma dejjem rikonoxxuti bħala ħlejjaq sensittivi u l-ġid tagħhom jingħata attenzjoni totali dejjem.

Il-Jum Dinji tal-Annimali oriġina fis-sena 1925, meta ċ-ċinologu Heinrich Zimmermann organizza l-ewwel avveniment fl-24 ta’ Marzu fil-Palazz Sportiv f’Berlin. Iktar minn 5,000 persuna attendew l-avveniment, li oriġinarjament kien skedat għall-4 t’Ottubru biex ikun fil-jum tal-festa ta’ San Franġisk t’Assisi.

Minħabba li l-post ma kienx disponibbli għall-4 t’Ottubru, iċ-ċelebrazzjonijiet tmexxew għall-24 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, iżda fis-snin ta’ wara, il-ġurnata ġiet osservata fl-4 t’Ottubru. Illum, il-Jum Dinji tal-Annimali huwa avveniment globali li jgħaqqad organizzazzjonijiet tal-annimali u movimenti għall-protezzjoni tal-annimali minn diversi pajjiżi. Iċ-ċelebrazzjonijiet globali issa huma mmexxija mill-karità għall-benessri tal-annimali bbażata fir-Renju Unit, Naturewatch Foundation.

Il-fondazzjoni taħdem biex turi lin-nies il-ħtieġa li jħobbu l-annimali u jieħdu ħsiebhom. Jippruvaw ukoll iġiegħlu lin-nies jifhmu li l-protezzjoni tal-annimali tgħinna nippreservaw l-ekosistema u l-bilanċ ekoloġiku tagħna. Bis-saħħa tal-annimali, il-katina alimentari (food chain) hija attiva u bilanċjata f’kull stadju.

Jekk annimal partikolari jispiċċa mill-ekosistema allura l-katina alimentari kollha tkun affettwata u jista’ jkollha effetti serji fuq l-umanità. Ħafna speċi ġodda jaslu fix-xena bl-evoluzzjoni, iżda annimali fil-periklu wkoll jistgħu jiġu salvati mill-edizzjoni. L-annimali li qed isiru skarsi, u anke l-annimali favoriti tal-bnedmin, jeħtieġu djar u kura soċjali.

Il-krudiltà lejn l-annimali hija l-iktar ħaġa inumana li naraw madwarna.

Il-Jum Dinji tal-Annimali iqajjem kuxjenza f’dan ir-rigward.

Joħloq grupp biex jesponi l-abilità u mhux id-diżabilità tal-persuna

Joħloq grupp biex jesponi l-abilità u mhux id-diżabilità tal-persuna

Nitkellmu ma’ JeanFred Agius

JeanFred, għidilna ftit dwarek. Min hu JeanFred Agius?

Jisimni JeanFred (jgħajtuli Jean), għandi 20 sena u qed nistudja l-psikoloġija l-Universita’ ta’ Malta. Xi passatempi tiegħi huma l-prattikar tal-”fitness” u l-arti. Xi għanijiet minn tiegħi huma li niggradwa bħala psikologu, li niġbed aktar attenzjoni fuq l-effett tad-diżabilità fuq is-saħħa mentali tal-persuna, u li naħdem biex il-persuni b’diżabilità jiġu preżentati minn lenti aktar pożittiva. L-aktar ħaġa li tagħtini sodisfazzjon hija li nara lil xi ħadd jagħraf u jsaħħaħ l-abilitajiet tiegħu/tagħha, biex illum ikun aħjar milli kien ilbieraħ.

Kif nibtet l-idea biex toħloq il-grupp DIS/ABILITY?

L-idea ta’ DIS/ABILITY nibtet għax ma kontx kuntent bil-mod kif il-persuni b’diżabilità kienu qed jiġu mpenġijin fuq il-midja. Dak iż-żmien, ħassejt li għandna tendenza li nitkellmu fuq il-persuni b’diżabilità wisq fil-kuntest tad-diżabilità tagħhom, u ftit li xejn fuq l-aspetti l-oħra li jagħmlu l-persuna min hu/hi.

Xtaqt noħloq pjattaforma li tagħti lill-persuni b’diżabilità l-opportunità li jaqsmu l-abilitajiet tagħhom ma’ ħaddieħor, bl-għan li jpinġu lilhom infushom b’mod aktar komplut. Fil-bidu kelli ħsieb li nagħmel sit elettroniku biex nilħaq dan il-għan. Però ngħatajt parir li grupp fuq Facebook ikun aħjar għax jippermetti li l-membri jaqsmu u jiddiskutu l-abilitajiet tagħhom ma’ ħaddieħor bl-inqas diffikultà.

X’rispons kellek s’issa? Kien dak li ħsibt jew xtaqt?

Kuntent bir-rispons lejn il-grupp, u l-membri qed jiżdiedu ġurnata b’ġurnata. Għall-bidu attività ma’ tantx kellna fil-grupp, probabbli minħabba li kien għadu ambjent ġdid u mhux kulħadd ħassu komdu jitkellem fuqu nnifsu. Però, aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar inħoss li qed jinbena sens ta’ komunità. Li xi ħadd iħossu komdu jaqsam magħna l-abilitajiet u esperjenzi tiegħu/tagħha timlina bil-kuraġġ. Irċevejt bosta pariri wkoll. Din hija xi ħaġa tajba ħafna għax tgħini nserraħ moħħi li leħen il-membri qed tiġi trażmessa fil-grupp.

X’miri tixtieq tilħaq permezz ta’ dan il-grupp?

Permezz ta’ dan il-grupp nixtieq nibbilanċja l-mod kif qed jiġu preżentati il-persuni b’diżabilità fuq il-midja. Xtaqt li n-nies jisimgħu mhux biss fuq dak li ma nistgħux nagħmlu, iżda wkoll fuq dak li nistgħu nagħmlu, u li bih nistgħu nikkontribwixxu fis-soċjetà. Xtaqt li l-poplu jiġi espost għal verżjoni aktar kompluta tal-persuni b’diżabilità.

Ridt nikkumbatti l-fatt li f’kull ħin u f’kull mument, is-soċjetà tfakkarna li għandna diżabilità. B’kuntrast jien nixtieq infakkar li għalkemm għandna diżabilità, għandna wkoll abilitajiet li jekk nagħrfuhom u nħaddmuhom xorta nistgħu nikkontribwixxu.

Liema mentalità li teżisti bħalissa qed taspira li permezz tal-grupp issir differenza għall-aħjar?

Mentalità li osservajt riċentament fil-grupp hija li persuna m’għandhiex turi l-abilitajiet tagħha lil ħaddieħor, għax ma’ tħosshiex speċjali. Din il-mentalità ma togħġobnix, għax timplika li trid tkun speċjali biex taqsam il-kapaċitajiet tiegħek ma’ ħaddieħor.

Fil-qofol tal-grupp hemm it-twemmin li kulħadd għandu xi ħaga x’joffri, abilitajiet ta’ kull qies u għamla. M’iniex qed infittex nies speċjali jew supereroj. Qed infittex nies li lesti li juru karatteristiċi u abilitajiet li jagħmluhom min huma.

Sfortunatament, hemm tendenza li n-nies jaraw id-diżabilità l-ewwel u qabel kollox, u din xi kultant tgħatti karatteristiċi oħra tal-persuna.

Din hija r-raġuni għalfejn qegħdin ninkoraġġixxu persuni b’diżabilità biex jiffukaw fuq l-abilitajiet tagħhom. Għax jekk ma nagħmluhiex aħna ħadd mhu se jagħmilha għalina.

Għaliex huwa importanti li fi grupp bħal ma tmexxi int, ma jkunx hemm biss persuni li jgħixu b’xi tip ta’ diżabilità?

Huwa importanti għaliex il-grupp xtaqtu jkun wieħed fejn l-abilitajiet tal-persuni b’diżabilità jinqasmu ma’ kulħadd, anke dawk li m’għandhomx diżabilità. Il-fatt li l-grupp miftuħ għal kulħadd ifisser li aktar nies se jkunu qegħdin jisimgħu l-vuċi diretta tal-persuni b’diżabilità.

Xtaqt ukoll li l-komunità tkun rappreżentazzjoni ta’ soċjetà inklużiva, li tinkludi kemm persuni b’diżabilità, kif ukoll dawk li m’għandhomx diżabilità.

Fl-aħħar mill-aħħar, ma xtaqtx nagħlaq il-grupp għall-persuni b’diżabilità biss, għax inkella nkompli nsaħħaħ l-idea ta’ “aħna” u “huma”.

Tħoss li għad hawn il-mentalità li persuni b’diżabilità jiġu mistennija li jitkellmu dwar suġġetti relatati ma’ diżabilità biss?

Iva, u sfortunatament din issaħħaħ l-opinjoni tiegħi li meta persuna tara persuna oħra li għandha diżabilità, taraha l-ewwel u qabel kollox mill-aspett tad-diżabilità. Din hija reazzjoni naturali, fejn l-ewwel ma nagħrfu f’persuna huwa dak li jagħmilha differenti jew unika.

Min-naħa waħda, jeħtieġ li ma nitkellmux fuq diżabilitá biss, għax inkella l-karatteristiċi u l-interessi oħra tagħna jinħbew wara d-diżabilità tagħna.

Min-naħa l-oħra, hija importanti li aħna nitkellmu fuq l-esperjenzi tagħna bħala persuni b’diżabilità (b’mod moderat). Jekk nitkellmu fuq l-esperjenzi u x-xewqat tagħna, tagħmilha aktar faċli biex persuni oħra jifhmuna. Meta nitkellmu, nesponu diversi problemi jew bżonnijiet, bħal aċċessibilità. Fil-fatt, jien inħossni li bħala persuna b’diżabilità għandi nsemma’ leħni u naħdem kemm nista’ biex kulħadd igawdi dinja aktar inklużiva.

Tħoss li l-inklużjoni qed tiġi verament ipprattikata kif suppost f’pajjiżna? Fejn tħoss li hemm bżonn isir aktar?

Naħseb li l-inklużjoni qed tiġi prattikata, però mhux f’kull qasam. Inħoss li l-aktar inklużjoni li tiġi prattikata hija l-inklużjoni fiżika (jiġifieri aċċessibilità eċċ). Però hawnhekk fadal ħafna x’jista’ jsir ukoll.

Jiena nemmen li l-inklużjoni tmur lil hinn minn dik fiżika biss. Nemmen li għandha tiġi prattikata fid-dinja soċjali ukoll. Li tipprattika l-inklużjoni ma tfissirx biss aċċessibilità. Tfisser ukoll li nagħrfu u nħaddmu l-abilitajiet ta’ kull persuna, u nagħtuhom l-opportunità biex jikkontribwixxu fis-soċjetà. Fi kliem ieħor, irridu naħdmu biex kull individwu b’diżabilità ikun ħolqa f’katina soċjali akbar.

Taħseb li xi drabi l-imġiba tal-persuna b’diżabilità nnifisha taffettwa l-mod ta’ kif is-soċjeta’ tħares lejha?

Xi ftit iva. Però li n-nies jagħmlu inferenzi mill-imġiba ta’ xi ħadd hija xi ħaga kompletament normali. Hija normali li meta tara xi ħaġa li ma’ tifhimx timla l-vojt waħdek.

Min-naħa waħda, jeħtieġ li l-persuni b’diżabilità joqgħodu attenti kif jippreżentaw lilhom infushom, biex nillimitaw dawn l-inferenzi. Għalhekk irridu nagħmlu ħilitna biex nippreżentaw lill-persuni b’diżabilità b’mod komplut.

Min-naħa l-oħra, li toqgħod attent kif tippreżenta lilek innifsek m’għandhiex tieħu post li tgħix ħajja komda u kuntenta.

Bħal ħafna affarijiet, nemmen li din hija kwistjoni ta’ bilanċ.

X’inhi lakbar ħolma tiegħek?

L-akbar ħolma tiegħi hija li nħalli xi forma ta’ impatt fuq ħaddieħor. Jekk ma’ jirnexxili nagħmel xejn f’ħajti, ikun biżżejjed li kont parti mill-ġlieda għal dinja aktar inklużiva.

Barra minn hekk, nixtieq li ‘l quddiem ma tkunx daqsekk diffiċli biex l-abilitajiet u l-potenzjal tal-persuni b’diżabilità jiġu rikonuxxuti. Dan sabiex il-persuni b’diżabilità ma’ jkunux biss preżenti fis-soċjetà, iżda kontributuri tagħha wkoll.

Il-persuni b’diżabilità għandhom ikunu ħolqa f’katina soċjali.

We are the world – Proġett mużikali minn diversi kantanti għal żmien il-Milied

We are the world – Proġett mużikali minn diversi kantanti għal żmien il-Milied

Il-kantant Malti Kurt Anthony, huwa l-moħħ wara dan il-proġett. Kantanti popolari oħrajn se jingħaqdu miegħu dalwaqt għal kanzunetta leġġendarja li kienet ħarġet fis-snin tmenin mill-artisti internazzjonali bħal Michael Jackson, Tina Turner, Lionel Richie fost ohrajn.

Kurt jgħidilna, ”Kanzunetta li tfisser għaqda u imħabba.. Il-mużika hija katina b’saħħitha u din kienet opportunità biex ningħaqdu flimkien fl-iktar żmien diffiċli minkejja xi indifferenzi. Jien bniedem li minn ċkuniti ħabbejt ħafna l-kant u l-kantanti u fl-aħħar se jkolli xi ħaġa li tgħaqqadni ma’ dawn l-artisti li kont insegwi fuq it-televiżjoni mindu kont ċkejken. Artisti bħal Mike Spiteri, William Mangion, Claudia Faniello, Ludwig, Debbie u oħrajn. Meta ġejt biex nagħżel il-kantanti kollha kienet diffiċli. Kellimt ‘il fuq minn 30 artist lokali. Kulħadd wera interess imma minħabba d-dati li kienu ristretti ħafna kellna nagħmlu għażla u nżilna għal 20… Michela Galea, Claudia Faniello, Olivia Lewis, Debbie Scerri flimkien mat-tifla tagħha Nicole Vella, Mark Anthony Bartolo, Kevin Paul Calleja, Maria Luana, Gail Attard, Mark Spiteri Lucas, Gaia Cauchi, Mike Spiteri, William Mangion, Ludwig Galea, Laura Bruno, Nicole Frendo, Lisa Tabone, jien innifsi u finalment act ċkejkna li bħalissa tinsab fuq fomm kulħadd iżda ma nixtiqux niżvelawha għalissa.”

Kurt jgħidilna wkoll li sab ħafna appoġġ mill-artisti kollha li ipparteċipaw b’ mod speċjali minn Ludwig Galea li kkoordina l-vuċijiet u l-armoniji u Maria Luana li minkejja li tagħmel parti mill-‘cast’ idderiġiet il-filmat li se jitwassal lill-Maltin u l-Għawdxin kollha fil-ġranet li ġejjin.

Jirringrazzja wkoll lil Dar il-Mediterran li tawhom lokazzjonijiet mill-isbaħ ghall-filmat kif ukoll lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta li ta sapport kbir lil din l-idea.

Fil-ġranet li ġejjin se nkunu qed naqsmu dan il-proġett fuq skoperta.net

Enable Notifications    OK No thanks