“Tkellimx stranġieri, Caroline” (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

“Tkellimx stranġieri, Caroline” (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

“Nann…..?”
In-nanna kienet qiegħda eżatt maġenb it-tieqa tal-kmajra umduża, taqra l-ġurnal tat-talb bil-paġni mikulin minn taħt l-ilsien. Il-kitla tal-misħun kienet ilha xi kwarta ssaffar iżda n-nanna tant kemm kienet medhija fil-ktieb, li lanqas biss kienet qiegħda tagħti kasha.
Kien sebaħ jum ieħor. Suppost kienet diġà lesta għall-iskola. Iżda n-nanna kienet xjaħet wisq. Dan l-aħħar lanqas kienet għadha tiflaħ twassalha sal-karozza tal-linja għax kienet saret tgħeja wisq.
“Nanna?” reġgħet għajtitilha Caroline, li kienet liebsa l-uniformi tal-iskola bil-lest. Il-qmis kienet nofsha ‘l barra minn taħt id-dublett, għax hi ma kinitx taf tilbisha sew u nannitha bilkemm kienet għadha tara. Għajnejha kienet għarrqithom fuq dak il-ktejjeb iċ-ċkejken tat-talb. Kienet diġà sejħitilha xi ħames darbiet oħra iżda nannitha kienet saret tinsa wkoll.
Kien propju dak il-ħin li tatha daqqa t’għajn ħafifa, in-nuċċali li kien fil-ponta ta’ mneħirha jiżżerżaq ftit ‘l isfel għal fuq il-ktejjeb ta’ quddiemha.
“Ara xi ġrali minħabba fik!” gergret in-nanna.
Caroline ħadet nifs twil, qamet bilwieqfa u marret fil-kċina titfi l-kitla kif kienet taf hi.
“Qatt ma tħallini nagħmel xejn……” kompliet tgerger nannitha hekk kif qamet minn fuq is-siġġu u marret tagħmel żewġ kikkri te. “Issa trid tibda titgħallem…..”
Caroline ħarset lejn nannitha u ggustatha. Għalkemm ftit li xejn kienet tkellimha, din kienet l-unika persuna li kellha f’ħajjitha. Ommha u missierha kienu ħallewha f’inċident tat-traffiku, meta hi kienet għadha tarbija u nannitha kienet ġabitha hawn f’dawn iż-żewġt ikmamar, toqgħod magħha. Illum, Caroline kellha sitt snin skorruti.
“Nann……ilbieraħ jien u ġejja mill-iskola fuq il-karozza tal-linja, rajt raġel liebes kowt iswed u kappell.”
“Allura?” staqsietha nannitha tħares lejha b’suspett. Ma kellhiex aptit priedki u ħafna paroli. Dawk il-kliem żgħar tal-ktejjeb donnhom kienu weġġgħulha rasha.
“Kien qed iħares lejja.”
Semgħet lil nannitha tisgħol u tidħaq fl-istess ħin. “L-għajnejn għalhekk qiegħdin binti……”
“Imma dan…..”
In-nanna kompliet tidħaq waħedha. Caroline ħassitha tinkwieta kif nannitha ma kinitx qiegħda tifhimha. Dan ir-raġel kien qagħad iħares lejha triq sħiħa u kienet beżgħet minnu.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Riċetta: Tiġieġ bil-Kari u Ħalib tal-Coconut stil Tajlandiż

Riċetta: Tiġieġ bil-Kari u Ħalib tal-Coconut stil Tajlandiż

Ingredjenti (għal żewġ porzjonijiet):

Żewġ imgħaref coconut oil (jew żejt taż-żebbuġa)

Basla kbira, imqatta’ rqiqa

500g sider tat-tiġieġ bla għadam u bla ġilda, u mqatta’ f’biċċiet bitesized

Tliet sinniet tewm, imqatta’ rqiq ħafna

Żewġ kuċċarini ġinġer midħun

Żewġ kuċċarini kosbor midħun

Bott ħalib tal-coconut

Żewġ karrotti maħkuka

Tliet imgħaref pejst tal-kari aħmar Tajlandiż, (jew trab tal-kari)

Kuċċarina melħ

Nofs kuċċarina bżar

Daqs tliet kikkri weraq tal-ispinaċi friski

Mgħarfa meraq tal-lumi

Żewġ imgħaref zokkor ismar

Żewġ imgħaref kosbor frisk, imqatta’ għat-tiżjin

Metodu:

  • F’taġen kbir, żid iż-żejt, il-basla, u sajjar fuq nar medju sakemm il-basla tibda tirtab, madwar 5 minuti, ħawwad spiss.
  • Żid it-tiġieġ u sajjar għal madwar 5 minuti, jew sakemm it-tiġieġ ikun sar sew; aqleb u ħawwad spiss biex tiżgura li jsir sew.
  • Żid it-tewm, il-ġinġer, il-kosbor, u sajjar għal madwar żewġ minuti, jew sakemm jibda jfuħ. Ħawwad spiss.
  • Żid il-ħalib tal-coconut, il-karrotti, il-pejst tal-kari Tajlandiż, il-melħ, il-bżar, u ħawwad biex tgħaqqad.
  • Naqqas in-nar għal baxx, u ħalli t-taħlita ttektek bil-mod għal madwar 5 minuti, jew sakemm il-volum tal-likwidu jkun naqas kemm mixtieq u jagħqad ftit.
  • Żid l-ispinaċi, il-meraq tal-lumi, u ħawwad biex tgħaqqad. Sajjar sakemm l-ispinaċi jkun idbiel u jkun sar artab, madwar żewġ minuti.
  • Żid iz-zokkor ismar u ħawwad sew.
  • Roxx il-kosbor frisk fil-wiċċ u servi immedjatament fuq ross jew ma’ ħobż naan.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Riċetta: Gallettini għall-Milied

Riċetta: Gallettini għall-Milied

Ingredjenti (għal 20 gallettina, skont id-daqs):

350g dqiq plain

125g butir, imqatta’ f’biċċiet

Kuċċarina bikarbonat tas-soda

Żewġ kuċċarini trab tal-ġinġer

Kuċċarina trab tal-kannella

Bajda

175g zokkor ismar

4 imgħaref Golden syrup

Metodu:

  • Għarbel id-dqiq, il-bikarbonat tas-soda, il-ġinġer u l-kannella flimkien.
  • Żid il-butir, u ħawwad sakemm it-taħlita tiġi bħal frak tal-ħobż.
  • Żid iz-zokkor ftit ftit u ħawwad sew.
  • Ġo skutella żgħira ħabbat il-bajda u l-golden syrup flimkien.
  • Imbagħad żidhom mat-taħlita tal-gallettini.
  • Ħallat kollox sew u mbagħad agħġen l-għaġina b’idejk għal ftit sekondi.
  • Aqsam l-għaġina f’żewġ biċċiet u kebbeb kull biċċa fi clingfilm.
  • Agħfas kull biċċa b’idejk sakemm jiġu forma ta’ disc irqiqa.
  • Dan jgħin biex l-għaġina tiksaħ u tagħqad aktar malajr.
  • Poġġi l-biċċiet tal-għaġina fil-friġġ u ħallihom għal mhux inqas minn siegħa.
  • Saħħan il-forn u pprepara żewġ pjanċi tal-forn miksijin b’karta tal-forn.
  • Oħroġ l-għaġina u iftaħha b’lembuba għal madwar 0.5cm ħxuna.
  • Din l-għaġina xorta se tkun xi ftit iddellek. Allura uża dqiq kemm għandek bżonn biex tkun tista’ tiftaħha sew.
  • Aqta’ l-għaġina f’forom li tixtieq u poġġihom fuq il-pjanċa tal forn. Dejjem ħalli ftit spazju bejn kull waħda biex ma jeħlulekx ma’ xulxin jekk jikbru xi ftit fil forn.
  • Aħmihom għal bejn 12 u 15-il minuta, jew sakemm jieħdu kulur kannella dehebi.
  • Ħallihom jiksħu kompletament qabel ma żżejjinhom.
  • Imbagħad iżżejjenhom skont il gosti tiegħek….b’xi ħelu, jew biċ-ċikkulata mdewba, jew bir Royal icing.

Jekk tixtieq tagħmel daqs kikkra Royal icing:

  • Ħabbat żewġ abjad tal-bajd ma’ nofs kuċċarina essenza tal-vanilla sakemm ittella’ qisha ragħwa ħafifa.
  • Imbagħad żid żewġ kikkri icing sugar u ħawwad sakemm il-ġelu jagħqad ftit.
  • Aqsam it-taħlita fi skutelli żgħar u żid kulur tal-ikel differenti skont il-gosti tiegħek.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

It-Tazza tal-Ilma (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

It-Tazza tal-Ilma (L-ewwel parti minn erbgħa) – Rakkont minn Dr Sharon Calleja

Naf li forsi se ninstema’ xi ftit stramb jew taċ-ċajt.
Issa aħsbu li tridu fuqi, kulħadd għandu opinjoni, però se nkun sinċier magħkom. Mhux se noqgħod naħsibha.
Għalkemm jiena għandi statura kbira, twil u mibni sew; u naf li dawk in-nies li ma jafunix malli jarawni miexi fit-triq jaħsbuni xi wieħed nippretendiha, jiena bniedem qalbi żgħira.
Mhux ftit.
Eħe, qalbi żgħira ħafna. Jgħidu li l-apparenza tinganna.
Kull tfajla li kien ikolli, meta jitilquni, tgħidx kemm kont nibki u ninkwieta. Kont ningħalaq waħdi d-dar u noqgħod innewwaħ.
Nerġa’ ngħid li għax għandi qalbi żgħira. Naf inħobb.
U nibża’ ħafna wkoll.
Minn meta konna żgħar…….jiena u ħija. Jiena ikbar minnu sew miż-żmien u anke mill-istatura. Iżda għall-kuraġġ…….għall-kuraġġ jgħaddini sew.
Meta konna ngħixu fid-dar t’ommi u kien ikolli nqum billejl ħalli nagħmel il-bżonnijiet tiegħi, kont ngħajjatlu u nqajmu ħalli jiġi miegħi. Kont inkun irridu ħalli nistaħba warajh u jixgħel id-dwalijiet tad-dar hu. Għax waħdi kont nibża.
Dik l-għodwa kont wasalt id-dar t’ommi, inżajt iż-żarbun u dħalt ħalli nagħmel kafè, kif is-soltu kelli drawwa nagħmel eżatt malli nidħol. Lanqas ilħaqt nibda nkewwes mal-bank tal-kċina li daħal ħija eżatt.
“Agħmel tnejn!” qalli.
Xi trid tagħmel bih hux? Mhux għax tant kelli aptit. Imma dejjem irrispettani u kien hemm għalija. Jien u ħija totalment l-oppost. Jien mibni u kbir. U hu qisu qażba tixxejjer mar-riħ u ftit qasir ukoll. F’kelma oħra ma kien fih xejn. Imma kellu kollox. Kellu dak kollu li jien ma kellix. Kuraġġ.
“Għandi bżonnok Mike,” qalli.
“Eħe?” ħtaftu fil-pront. Kont diġà daħħalt nofs biskuttell f’ħalqi u għal ftit ma xraqtx fih. “X’għandek bżonn?” għidtlu nibla’ l-kumplament f’nifs.
Poġġejt il-kikkri mimlija kafe fuq il-mejda u poġġa bilqiegħda ħdejja.
“Mike, għandi bżonn insiefer għal jumejn………lejl wieħed biss. Għandi bżonn inġib apparat minn barra biex inkun nista’ naħdem bih. Xtaqtek tiġi miegħi,” qalli bla ma’ qagħad jomgħodha.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Riċetta: Ross bil-Karrotti u l-Bajd Iebes

Riċetta: Ross bil-Karrotti u l-Bajd Iebes

Nota: Dan il-platt faċli ħafna u tajjeb sħun jew anki kiesaħ, kif ukoll iżomm tajjeb f’lunchbox għal xogħol jew skola.

Għandek bżonn (għal żewġ porzjonijiet):

Żewġ kikkri ross mgħolli (jekk tippreferi tista’ tuża couscous jew quinoa)

Kikkra karrotti maħkuk

2 sinniet tewm imqatta’ rqiq ħafna

Basla mqatta’ rqiqa ħafna

2 Basliet ħodor (spring onions) imqatta’ roti rqaq

2 imgħaref soy sauce

2 imgħaref għasel

Mgħarfa ħall abjad

Kuċċarina coconut midħun

Kuċċarina ġunġlien

Żewġ bajdiet iebsa mqatta’ roti

Metodu:

Ġo skutella ħallat is-soy sauce, l-għasel u l-ħall flimkien, u warrabhom għalissa.

F’taġen fond ”non stick” qalli l-basla u t-tewm għal żewġ minuti. Żid il-karrotti u kompli qalli għal 5 minuti.

Ferra t-taħlita tas-soy sauce li kont lestejt u warrabt. Ħawwad sew u żid ir-ross. Kompli ħawwad sew fuq nar baxx għal xi 3 jew 4 minuti, sakemm ir-ross jisħon u jitħallat sew mal-ingredjenti kollha.

Qassam ir-ross f’żewġ platti. Żejjen bil-coconut, basal aħdar u ġunġlien, u fl-aħħar irranġa bajda f’ġenb wieħed tal-platt.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibgħatilna fuq info@skoperta.net

Enable Notifications OK No thanks